Missjoni
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (www.eppo.europa.eu) huwa uffiċċju ta’ prosekuzzjoni indipendenti u deċentralizzat tal-Unjoni Ewropea, bil-kompetenza li jinvestiga, iwettaq prosekuzzjonijiet u jressaq quddiem il-qorti reati kontra l-baġit tal-UE, bħal frodi, korruzzjoni jew frodi transfruntiera serja fil-VAT. Ir-Regolament li jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew taħt kooperazzjoni msaħħa ġie adottat fit-12 ta’ Ottubru 2017 u daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2017. F’dan l-istadju, hemm 22 pajjiż tal-UE li qed jipparteċipaw.
Attwalment, l-awtoritajiet nazzjonali biss jistgħu jwettqu investigazzjonijiet u prosekuzzjoni ta’ frodi kontra l-baġit tal-UE. Iżda s-setgħat tagħhom jieqfu mal-fruntieri nazzjonali. Korpi eżistenti tal-UE bħall-Eurojust, il-Europol u l-uffiċċju tal-UE kontra l-frodi (OLAF) m’għandhomx is-setgħat meħtieġa biex iwettqu investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet kriminali.
Struttura u karatteristiċi
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew bħalissa qed jitwaqqaf, bl-għan li jsir operattiv f’Marzu 2021. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu s-sede tiegħu fil-Lussemburgu.
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jopera bħala uffiċċju fil-pajjiżi kollha tal-UE u se jgħaqqad flimkien l-isforzi Ewropej u dawk nazzjonali tal-infurzar tal-liġi f’approċċ unifikat, mingħajr intoppi u effiċjenti. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jinbena fuq żewġ livelli: il-livell ċentrali u l-livell nazzjonali. Il-livell ċentrali se jikkonsisti mill-Kap Prosekutur Ewropew, iż-żewġ Deputati tiegħu, 22 Prosekutur Ewropew (wieħed għal kull Stat Membru), tnejn minnhom bħala Deputati tal-Kap Prosekutur Ewropew u d-Direttur Amministrattiv. Il-livell deċentralizat se jikkonsisti mill-Prosekuturi Delegati Ewropej li se jkunu jinsabu fil-pajjiżi parteċipanti tal-UE. Il-livell ċentrali se jissorvelja l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet imwettqa fil-livell nazzjonali. Bħala regola, se jkunu l-Prosekuturi Delegati Ewropej li jwettqu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni fil-pajjiż tal-UE tagħhom.
Id-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati se jkunu garantiti minn salvagwardji proċedurali bbażati fuq il-liġi eżistenti tal-UE u dik nazzjonali. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jiżgura li l-attivitajiet tiegħu jirrispettaw id-drittijiet garantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, inkluż id-dritt għal proċess ġust u d-dritt għal difiża. L-atti proċedurali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fil-qrati nazzjonali. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja – permezz ta’ deċiżjonijiet preliminari – għandha setgħat residwi biex tiżgura applikazzjoni konsistenti tal-liġi tal-UE.
Direttiva PIF
Mis-6 ta’ Lulju 2019, l-Istati Membri jeħtieġ li jkollhom id-Direttiva (UE) 2017/1371 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali trasposta fil-liġijiet nazzjonali tagħhom (“Direttiva PIF”) Ir-regoli l-ġodda se jżidu l-livell ta’ protezzjoni tal-baġit tal-UE billi jarmonizzaw id-definizzjonijiet, is-sanzjonijiet u l-perjodi ta’ limitazzjoni ta’ reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Din id-Direttiva mhux talli hi strument essenzjali għall-armonizzazzjoni tal-liġi kriminali tal-Istati Membri fil-qasam tar-reati kriminali kontra l-baġit tal-Unjoni iżda tipprovdi wkoll is-sisien għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew futur, li se jinvestiga, iwettaq prosekuzzjoni u jinforza r-reati fil-prattika.
Postijiet vakanti
Tista’ ssib il-postijiet vakanti fuq www.eppo.europa.eu
Aktar Informazzjoni
Fuljetti tal-UPPE (lingwi multipli)