Mur għall-kontenut ewlieni

Tħejjija għall-kriżijiet tas-saħħa

Prevenzjoni u tħejjija għat-theddid għas-saħħa tal-futur

L-istabbiliment tal-pedamenti għal sistema tas-saħħa aktar reżiljenti

Ir-Regolament dwar it-theddid transfrunter serju għas-saħħa, adottat mill-Kunsill fl-24 ta’ Ottubru 2022, jiżgura li l-UE jkollha:

  • ippjanar robust ta’ tħejjija u sistema ta’ sorveljanza aktar integrata
  • kapaċità aħjar għal valutazzjoni tar-riskju preċiża u rispons immirat
  • mekkaniżmi solidi għall-akkwist konġunt ta’ kontromiżuri mediċi
  • il-possibbiltà li jiġu adottati miżuri komuni fil-livell tal-UE biex jiġi indirizzat it-theddid transfruntier futur għas-saħħa
alt=""

Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) aktar b’saħħtu mhux biss se joħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar it-tħejjija għat-theddid għas-saħħa, iżda se jospita wkoll network ġdid ta’ eċċellenza ta’ laboratorji ta’ referenza tal-UE u se jistabbilixxi Task Force tas-Saħħa tal-UE għal interventi rapidi tas-saħħa f’każ ta’ tifqigħa maġġuri.

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) ġiet imsaħħa wkoll fit-tħejjija għall-kriżijiet u fl-immaniġġjar tagħhom għall-prodotti mediċinali u għall-apparati mediċi. L-Aġenzija issa tista’ timmonitorja mill-qrib u timmitiga n-nuqqasijiet ta’ mediċini u ta’ apparati mediċi matul avvenimenti maġġuri u emerġenzi tas-saħħa pubblika u tiffaċilita l-approvazzjoni aktar malajr tal-mediċini li jistgħu jittrattaw jew jipprevjenu marda li tikkawża kriżi tas-saħħa pubblika.

Dawn ir-regoli l-ġodda jikkompletaw l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa, filwaqt li jibnu qafas legali b’saħħtu biex tittejjeb il-kapaċità tal-UE fl-oqsma vitali tal-prevenzjoni, it-tħejjija, is-sorveljanza, il-valutazzjoni tar-riskju, it-twissija bikrija, u r-rispons.

L-Awtorità Ewropea għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA)

L-Awtorità Ewropea għat-Tħejjija u għar-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa (HERA) tal-Kummissjoni għall-emerġenzi tas-saħħa tiżviluppa, tipproduċi u takkwista kontromiżuri mediċi qabel u matul kriżi tas-saħħa.

Il-HERA għandha l-għan li:

Hera
  • ittejjeb il-koordinazzjoni tal-UE fil-qasam tas-sigurtà tas-saħħa qabel u matul il-kriżijiet
  • tiġbor l-Istati Membri tal-UE, l-industrija u l-partijiet ikkonċernati rilevanti
  • tiżviluppa, tipproduċi, takkwista, taħżen u tiddistribwixxi b’mod ekwu kontromiżuri mediċi
  • issaħħaħ l-arkitettura globali tar-rispons għall-emerġenzi tas-saħħa

Minn mindu nħolqot, il-HERA stabbilixxiet grupp ta’ esperti dwar il-varjanti tal-COVID-19 biex timmonitorja l-mutazzjonijiet, xtrat il-vaċċini kontra l-monkeypox, waqqfet l-EU FAB - network ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni “dejjem lesti” għall-manifattura tal-vaċċini u tal-mediċini li jistgħu jiġu attivati f’każ ta’ kriżijiet futuri - u bdiet taħżen tagħmir u mediċini kontra t-theddid kimiku u nukleari. Hi identifikat ukoll tliet theddidiet għas-saħħa ta’ prijorità li jeħtieġu l-koordinazzjoni ta’ miżuri fil-livell tal-UE fil-kuntest ta’ kontromiżuri mediċi.

Dawn huma:

  • patoġeni b’potenzjal għoli ta’ pandemija
  • theddid kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari
  • theddid li jirriżulta mir-reżistenza antimikrobika

Stat ta’ Tħejjija għas-Saħħa

Fl-2023, il-Kummissjoni ppubblikat it-tieni Rapport tagħha dwar l-Istat tat-Tħejjija għas-Saħħa. Dan l-eżerċizzju annwali jenfasizza l-azzjonijiet tal-UE li ttieħdu mill-pandemija tal-COVID-19 ’l hawn biex jiġi indirizzat it-theddid tranfruntier serju għas-saħħa. Ir-rapport tal-2023 jinnota li t-tilqim għadu kruċjali għall-prevenzjoni tat-tixrid ta’ mard infettiv, u f’termini tal-aktar theddid urġenti għas-saħħa, jixħet dawl fuq il-kwistjoni tar-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR). It-theddid mill-mard tal-annimali u l-impatti dejjem akbar tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa huma żewġ sfidi ewlenin oħra li jiffoka fuqhom ir-rapport, li jenfasizza l-importanza li jittieħed approċċ “Saħħa Waħda” biex jiġi indirizzat it-theddid attwali u futur għas-saħħa.