Mur għall-kontenut ewlieni

Il-lingwi fuq is-siti web tagħna

Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li tiżgura li l-viżitaturi ta’ dan is-sit ikunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni li jkollhom bżonn b’lingwa li huma jifhmu, anki jekk din il-lingwa ma tkunx il-lingwa materna tagħhom.

Informazzjoni b’ħafna lingwi

L-għan tagħna huwa li nipprovdu informazzjoni fuq is-siti web tagħna bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Jekk il-kontenut ma jkunx disponibbli bil-lingwa tal-UE magħżula minnek, aktar u aktar siti web joffru l-eTranslation, is-servizz tat-traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni.

L-għan tagħna huwa li nsibu bilanċ raġonevoli bejn ir-rispett lejn il-kelliema tal-bosta lingwi tal-UE u kunsiderazzjonijiet prattiċi bħar-riżorsi limitati għat-traduzzjoni. Xi kontenut, bħal-leġiżlazzjoni, hu dejjem disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE. Kontenut ieħor jista’ jkun disponibbli biss b’lingwi li r-riċerka dwar l-utenti tindikalna li se jilħqu l-akbar udjenza.

Il-kontenut kollu huwa ppubblikat tal-anqas bl-Ingliż, peress li r-riċerka wriet li bl-Ingliż nistgħu nilħqu madwar 90% tal-viżitaturi tas-siti tagħna bil-lingwa barranija preferuta tagħhom jew bil-lingwa nattiva tagħhom.

Liema lingwi jintużaw fuq il-paġni web tagħna?

Il-kontenut ta’ prijorità, il-leġiżlazzjoni, id-dokumenti politiċi ewlenin u wħud mill-paġni web l-oħra mmaniġġjati mill-Kummissjoni li l-aktar li jkollhom viżitaturi fuq id-dominju web “Europa”, bħas-“Sit web uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”, huma disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE.

Informazzjoni urġenti jew b’ħajja qasira tista’ tidher l-ewwel bi ftit lingwi biss jew saħansitra b’lingwa waħda biss. Lingwi oħra jistgħu jiżdiedu aktar tard, skont il-bżonnijiet tal-utenti.

Informazzjoni speċjalizzata (informazzjoni teknika, kampanji, sejħiet għall-offerti, aħbarijiet u avvenimenti lokali) tista’ tkun disponibbli bi ftit lingwi jew anke b’lingwa waħda biss – l-għażla tiddependi fuq l-udjenza fil-mira.