Liġi tas-suċċessjoni
Il-liġi tas-suċċessjoni tvarja b’mod konsiderevoli minn pajjiż tal-UE għal ieħor. Madankollu, f’każijiet transkonfinali, ir-regoli tal-UE jipprovdu ċertezza dwar liema awtorità għandha tiddeċiedi dwar suċċessjoni, liema liġi għandha tiġi applikata u kif id-deċiżjoni aħħarija għandha tiġi rikonoxxuta u infurzata. Aktar informazzjoni dwar suċċessjonijiet transkonfinali u leġiżlazzjoni nazzjonali hija disponibbli fuq il-portal tal-Ġustizzja elettronika.
Ir-regoli tal-UE dwar is-suċċessjoni internazzjonali
Pass importanti biex jiġu ffaċilitati s-suċċessjonijiet transkonfinali huma regoli ġodda tal-UE li jagħmluha aktar faċli għan-nies li jittrattaw l-aspett legali ta’ suċċessjoni internazzjonali. Id-Danimarka u l-Irlanda ma jipparteċipawx fir-regolament.
Bir-regoli tal-UE dwar is-suċċessjoni
- suċċessjoni tiġi ttrattata b’mod koerenti, minn qorti waħda li tapplika liġi waħda
- in-nies jistgħu jagħżlu jekk il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħhom għandhiex tkun dik tal-pajjiż fejn għexu l-aħħar jew dik taċ-ċittadinanza tagħhom
- id-deċiżjonijiet tal-qorti dwar is-suċċessjonijiet f’pajjiż wieħed tal-UE huma rikonoxxuti u infurzati f’pajjiżi oħra tal-UE
Xi aspetti tas-suċċessjonijiet għadhom jaqgħu taħt ir-regoli nazzjonali, inkluż
- min jiret u x’sehem mill-patrimonju jmur lit-tfal u lill-konjuġi
- il-liġi tal-proprjetà u l-liġi tal-familja f’pajjiż tal-UE
- it-taxxa fuq l-assi tas-suċċessjoni
Ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni
Ir-Regolament joħloq ukoll ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni. Dan iċ-ċertifikat jippermetti lill-werrieta, lil-legatarji, lill-eżekuturi testamentarji u lill-amministraturi tal-patrimonju biex jagħtu prova tal-istatus tagħhom u jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f’pajjiżi oħra tal-UE. Ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni huwa rikonoxxut awtomatikament fil-pajjiżi kollha tal-UE.