L-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep se jsaħħaħ il-kompetittività u r-reżiljenza tal-Ewropa fit-teknoloġiji u fl-applikazzjonijiet tas-semikondutturi, u se jgħin biex tinkiseb kemm it-tranżizzjoni diġitali kif ukoll dik ekoloġika. Se jagħmel dan billi jsaħħaħ it-tmexxija teknoloġika tal-Ewropa f’dan il-qasam. Wara l-approvazzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill, ir-regolament daħal fis-seħħ fl-21 ta’ Settembru 2023.
Il-bżonn ta’ azzjoni mill-UE
Iċ-ċipep huma assi strateġiċi għall-ktajjen tal-valur industrijali ewlenin. Bit-trasformazzjoni diġitali, qed jitfaċċaw swieq ġodda għall-industrija taċ-ċipep bħall-karozzi awtomatizzati ħafna, il-cloud, l-Internet tal-Oġġetti (IoT), il-konnettività, l-ispazju, id-difiża u s-supercomputers.
In-nuqqas globali ta’ semikondutturi li kellna dan l-aħħar sforza l-għeluq ta’ fabbriki f’firxa ta’ setturi, mill-karozzi għall-apparat tal-kura tas-saħħa. Dan wassal biex issir aktar evidenti d-dipendenza globali estrema tal-katina tal-valur tas-semikondutturi fuq numru limitat ħafna ta’ atturi f’kuntest ġeopolitiku kumpless.
Is-sejbiet tal-Istħarriġ dwar iċ-Ċipep, imniedi mill-Kummissjoni Ewropea, enfasizzaw li l-industrija tistenna li d-domanda għaċ-ċipep tirdoppja sal-2030. Dan jirrifletti l-importanza dejjem tikber tas-semikondutturi għall-industrija u s-soċjetà Ewropea. Se jkun hemm sfidi biex tintlaħaq din id-domanda dejjem tikber, speċjalment fid-dawl tal-kriżi attwali tal-provvista tas-semikondutturi.
Fid-diskors tal-Istat tal-Unjoni tal-2021 tagħha, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen stabbilixxiet il-viżjoni għall-istrateġija tal-UE dwar iċ-ċipep, biex noħolqu flimkien ekosistema Ewropea taċ-ċipep tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku. Din se tinkludi l-produzzjoni, kif ukoll il-konnessjoni tal-kapaċitajiet ta’ riċerka, disinn u ttestjar ta’ klassi dinjija tal-UE. U diġà fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2022, il-President von der Leyen enfasizzat li l-ewwel gigafactory taċ-ċipep fl-Ewropa se tibda fix-xhur li ġejjin.
Tissaħħaħ it-tmexxija teknoloġika tal-Ewropa
Bl-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep, l-UE se tindirizza n-nuqqasijiet tas-semikondutturi u ssaħħaħ it-tmexxija teknoloġika tal-Ewropa. Dan se jimmobilizza aktar minn €43 biljun ta’ investimenti pubbliċi u privati u se jistabbilixxi miżuri biex iħejju, jantiċipaw u jwieġbu malajr għal kwalunkwe tfixkil futur fil-katina tal-provvista, flimkien mal-Istati Membri u s-sħab internazzjonali tagħna.
Dan se jinkiseb abbażi ta’ tliet pilastri ta’ azzjoni:
- L-“Inizjattiva Ċipep għall-Ewropa” se tappoġġja l-bini tal-kapaċità teknoloġika u l-innovazzjoni fuq skala kbira
- Qafas biex jitħeġġu l-investimenti pubbliċi u privati fil-faċilitajiet tal-manifattura se jiżgura s-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza tas-settur tas-semikondutturi tal-Unjoni
- Mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni permezz tal-Bord Ewropew dwar is-Semikondutturi se jkun il-pjattaforma ewlenija għall-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati
L-għan hu li:
Tissaħħaħ it-tmexxija tal-Ewropa fir-rigward tar-riċerka u t-teknoloġija li jwasslu għal ċipep iżgħar u aktar rapidi
Jitqiegħed qafas fis-seħħ biex sal-2030 il-kapaċità tal-produzzjoni tiżdied għal 20% tas-suq globali
Tinbena u tiġi rinforzata l-kapaċità għall-innovazzjoni fid-disinn, fil-manifattura u fl-imballaġġ ta’ ċipep avvanzati
Jiġi żviluppat fehim fil-fond tal-ktajjen tal-provvista globali tas-semikondutturi
Jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħiliet, nattiraw talent ġdid u jkun hemm appoġġ għall-ħolqien ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati
Investimenti bħala appoġġ għall-Att dwar iċ-Ċipep
L-Att dwar iċ-Ċipep innifsu għandu jirriżulta f’investimenti pubbliċi u privati addizzjonali ta’ aktar minn €15-il biljun.
Dawn l-investimenti se jikkumplementaw:
- programmi u azzjonijiet eżistenti fir-riċerka u l-innovazzjoni fis-semikondutturi bħal Orizzont Ewropa u l-programm Ewropa Diġitali
- appoġġ imħabbar mill-Istati Membri
B’kollox, aktar minn €43 biljun ta’ investiment immexxi mill-politika se jappoġġja l-Att dwar iċ-Ċipep sal-2030, li se jkun ġeneralment akkumpanjat minn investiment privat ekwivalenti fit-tul.
L-Att dwar iċ-Ċipep jipproponi:
- Investimenti fit-teknoloġiji tal-ġenerazzjoni li jmiss
- Aċċess mal-Ewropa kollha għal għodod ta’ disinn u linji pilota għall-ħolqien ta’ prototipi, għall-ittestjar u għall-esperimentazzjoni ta’ ċipep mill-aktar avvanzati
- Proċeduri ta’ ċertifikazzjoni għal ċipep effiċjenti fl-użu tal-enerġija u affidabbli biex ikun hemm garanzija tal-kwalità u s-sigurtà għal applikazzjonijiet kritiċi
- Qafas aktar favorevoli għall-investituri għall-istabbiliment ta’ faċilitajiet ta’ manifattura fl-Ewropa
- Appoġġ għal negozji ġodda, għal negozji li qed jespandu u għal SMEs innovattivi biex ikollhom aċċess għall-finanzjament mill-ekwità
- Trawwim tal-ħiliet, tat-talent u tal-innovazzjoni fil-mikroelettronika
- Għodod għall-antiċipazzjoni u r-rispons għal skarsezzi u kriżijiet tas-semikondutturi biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista
- Bini ta’ sħubijiet internazzjonali fil-qasam tas-semikondutturi ma’ pajjiżi tal-istess fehma