Fl-1 ta’ Awwissu 2024, jidħol fis-seħħ l-Att Ewropew dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (l-Att dwar l-IA). L-Att għandu l-għan li jrawwem l-iżvilupp u t-twettiq responsabbli tal-intelliġenza artifiċjali fl-UE.Propost mill-Kummissjoni f’April 2021, u maqbul mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’Diċembru 2023, l-Att dwar l-IA jindirizza r-riskji potenzjali għas-saħħa, is-sikurezza u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini. Dan jipprovdi lill-iżviluppaturi u lill-amministraturi b’rekwiżiti u obbligi ċari rigward użi speċifiċi tal-IA filwaqt li jnaqqas il-piżijiet amministrattivi u finanzjarji għan-negozji.L-Att dwar l-IA jintroduċi qafas uniformi fil-pajjiżi kollha tal-UE, ibbażat fuq definizzjoni tal-IA li tħares ’il quddiem u approċċ ibbażat fuq ir-riskju:Riskju minimu: il-biċċa l-kbira tas-sistemi tal-IA bħall-filtri tal-ispam u l-logħob video ffaċilitat bl-IA ma jiffaċċjaw l-ebda obbligu skont l-Att dwar l-IA, iżda l-kumpaniji jistgħu jadottaw b’mod volontarju kodiċijiet ta’ kondotta addizzjonali.Riskju speċifiku ta’ trasparenza: sistemi bħaċ-chatbots iridu jinfurmaw b’mod ċar lill-utenti li qed jinteraġixxu ma’ magna, filwaqt li ċertu kontenut iġġenerat mill-IA jrid jiġi ttikkettat bħala tali.Riskju kbir: is-sistemi tal-IA b’riskju kbir bħal software mediku bbażat fuq l-IA jew sistemi tal-IA użati għar-reklutaġġ iridu jikkonformaw ma’ rekwiżiti stretti, inklużi sistemi ta’ mitigazzjoni tar-riskju, kwalità għolja tas-settijiet tad-data, informazzjoni ċara għall-utent, sorveljanza umana, eċċ.Riskju mhux aċċettabbli: pereżempju, is-sistemi tal-IA li jippermettu “punteġġ soċjali” mill-gvernijiet jew mill-kumpaniji jitqiesu bħala theddida ċara għad-drittijiet fundamentali tan-nies u għalhekk huma pprojbiti.L-UE taspira li tkun il-leader globali fl-IA sikur. Billi tiżviluppa qafas regolatorju b’saħħtu bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-valuri fundamentali, l-UE tista’ tiżviluppa ekosistema tal-IA li tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd. Dan ifisser kura tas-saħħa aħjar, trasport aktar sikur u aktar nadif, u servizzi pubbliċi mtejba għaċ-ċittadini. Dan iġib miegħu prodotti u servizzi innovattivi, b’mod partikolari fl-enerġija, fis-sigurtà u fil-kura tas-saħħa, kif ukoll produttività ogħla u manifattura aktar effiċjenti għan-negozji, filwaqt li l-gvernijiet jistgħu jibbenefikaw minn servizzi orħos u aktar sostenibbli bħat-trasport, l-enerġija u l-ġestjoni tal-iskart.Dan l-aħħar, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni dwar Kodiċi ta’ Prattika għall-fornituri ta’ mudelli tal-Intelliġenza Artifiċjali (GPAI) bi skop ġenerali. Dan il-Kodiċi, previst mill-Att dwar l-IA, se jindirizza oqsma kritiċi bħat-trasparenza, ir-regoli relatati mad-drittijiet tal-awtur, u l-ġestjoni tar-riskju. Il-fornituri tal-GPAI b’operazzjonijiet fl-UE, in-negozji, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, id-detenturi tad-drittijiet u l-esperti akkademiċi huma mistiedna jissottomettu l-fehmiet u s-sejbiet tagħhom, li se jikkontribwixxu għall-abbozz li jmiss tal-Kodiċi ta’ Prattika dwar il-mudelli tal-GPAI tal-Kummissjoni.Id-dispożizzjonijiet dwar il-GPAI se jidħlu fis-seħħ fi żmien 12-il xahar. Il-Kummissjoni tistenna li tiffinalizza l-Kodiċi ta’ Prattika sa April 2025. Barra minn hekk, il-feedback mill-konsultazzjoni se jinforma wkoll il-ħidma tal-Uffiċċju tal-IA, li se jissorvelja l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli tal-Att dwar l-IA dwar il-GPAI. Għal aktar informazzjoniL-Att Ewropew dwar l-Intelliġenza Artifiċjali jidħol fis-seħħ - stqarrija għall-istampaL-intelliġenza Artifiċjali - Mistoqsija u TweġibaAktar dwar l-Att Ewropew dwar l-IAEċċellenza u fiduċja fl-intelliġenza artifiċjaliL-Att dwar l-IA: Semma’ Leħnek dwar l-IA bi Skop Ġenerali AffidabbliL-Uffiċċju Ewropew għall-IA Dettalji Data tal-pubblikazzjoni1 Awwissu 2024AwturId-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni