Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 5 Novembru 2024
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 3 min qari

Rapport dwar il-klima juri l-akbar tnaqqis annwali fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE f’għexieren ta’ snin

Aerial view of wind turbines amid polluting emissions

 

L-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE naqsu bi 8.3 % fl-2023, meta mqabbel mal-2022, jiżvela l-aħħar rapport ta’ progress dwar l-azzjoni klimatika mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rapport jgħid li l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra issa huma 37 % taħt il-livelli tal-1990. Matul l-istess perjodu, il-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-UE kiber bi 68 %. Dan juri li t-tnaqqis tal-emissjonijiet u t-tkabbir ekonomiku huma kompatibbli. Jikkonferma wkoll li l-UE għadha fit-triq biex tilħaq l-għan tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet b’mill-inqas 55 % sal-2030

Fost is-sejbiet tar-rapport insibu: 

  • tnaqqis rekord ta’ 16.5 % tal-emissjonijiet fl-2023 minn installazzjonijiet tal-enerġija u industrijali li huma elenkati fis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet. 
  • tnaqqis ta’ 24 % tal-emissjonijiet mill-produzzjoni tal-elettriku u mit-tisħin, fl-ambitu tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, xprunat miż-żieda fis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari l-enerġija mir-riħ u mix-xemx. 
  • is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet iġġenerat dħul ta’ €43.6 biljun fl-2023 għall-investimenti fl-azzjoni dwar il-klima. 
  • tnaqqis ta’ madwar 2 % fl-2023 tal-emissjonijiet totali tas-setturi tal-bini, tal-agrikoltura, tat-trasport domestiku, tal-industriji żgħar u tal-iskart.  
  • żieda ta’ 8.5 % fl-2023 fl-assorbiment naturali tal-karbonju tal-UE, li treġġa’ lura x-xejra ta’ tnaqqis li kien hemm dan l-aħħar fis-settur tal-użu tal-art u tal-forestrija. 

Min-naħa l-oħra, l-emissjonijiet mill-avjazzjoni żdiedu b’9.5 % konformi max-xejra tagħhom ta’ wara l-COVID.  

Minkejja s-sejbiet tar-rapport, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma inkoraġġanti, l-avvenimenti estremi tat-temp li seħħew dan l-aħħar fl-Ewropa jenfasizzaw il-fatt li jeħtieġ titkompla tittieħed l-azzjoni.  

Matul dawn l-aħħar 5 snin, l-UE kienet minn ta’ quddiem fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali bis-saħħa tal-Patt Ekoloġiku Ewropew tagħha. Hija adottat sett ta’ proposti sabiex il-politiki tal-UE dwar il-klima, l-enerġija, it-trasport u t-tassazzjoni tibdilhom b’tali mod li jnaqqsu l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra b’mill-anqas 55 % sal-2030, meta mqabbel mal-livelli tal-1990. Qed taħdem ukoll lejn l-għan ta’ żero emissjonijiet netti tal-gassijiet serra sal-2050. Il-ħidma f’dan il-qasam se tibqa’ prijorità fil-mandat il-ġdid tal-Kummissjoni

L-UE se tkompli timpenja ruħha wkoll fil-livell internazzjonali, l-ewwel bil-COP29 mill-11 sat-22 ta’ Novembru 2024, biex tiżgura li s-sħab internazzjonali tagħna wkoll jieħdu l-azzjoni meħtieġa. 

Għal aktar informazzjoni 

Ir-Rapport ta’ Progress dwar l-Azzjoni Klimatika għall-2024 

Ir-Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2024 

Inwettqu l-Patt Ekoloġiku Ewropew 

Storja viżiva – Il-Patt Ekoloġiku Ewropew: strateġija għat-tkabbir li tipproteġi l-klima 

Is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet 

Stqarrija għall-istampa: L-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE naqsu b’aktar minn 8 % fl-2023, bis-saħħa taż-żieda impressjonanti fl-enerġija rinnovabbli 

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
5 Novembru 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni