Mur għall-kontenut ewlieni

Ambjent ta’ sigurtà li jibqa’ validu fil-futur

Visual banner security

Fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, niddependu fuq infrastruttura ewlenija online u offline biex nivvjaġġaw, naħdmu jew nibbenefikaw minn servizzi pubbliċi essenzjali. Attakki fuq tali infrastrutturi jistgħu jikkawżaw tfixkil kbir.

Minħabba li l-ekonomija u s-soċjetà tagħna qegħdin dejjem aktar imorru online, iċ-ċibersigurtà ssir kwistjoni ta’ importanza strateġika. Tfixkil f’infrastruttura kritika waħda jista’ jkollu effett dirett immedjat fuq operazzjonijiet f’oħrajn. Id-djar, il-banek, is-servizzi finanzjarji u n-negozji jistgħu jiġu affettwati ħażin b’attakki ċibernetiċi.

Iż-żieda fl-użu tat-teknoloġiji matul il-pandemija tal-COVID-19 ġabet magħha żieda qawwija fl-attakki malizzjużi li ppruvaw jikkapitalizzaw fuq il-bidla lejn xogħol mid-dar b’mod diġitali. B’konsegwenza ta’ dan, is-servizzi tas-saħħa essenzjali ġew imfixkla f’mument ta’ pressjoni intensa. Jeħtieġ li l-UE tiżgura li l-kapaċitajiet tagħha jżommu l-pass mar-realtà.

Kif urew l-atti terroristiċi reċenti, l-ispazji pubbliċi (bħaċ-ċentri tat-trasport u l-postijiet ta’ qima), huma partikolarment vulnerabbli minħabba n-natura miftuħa u aċċessibbli tagħhom. Dan jitlob kemm għal protezzjoni fiżika aktar b’saħħitha ta’ dawn il-postijiet kif ukoll għal sistemi ta’ detezzjoni adegwati, mingħajr ma jiddgħajfu l-libertajiet taċ-ċittadini.

L-Unità Ċibernetika Konġunta, proposta mill-Kummissjoni, għandha l-għan li tiġbor flimkien ir-riżorsi u l-għarfien espert disponibbli għall-UE u l-Istati Membri tagħha biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u tirrispondi b’mod effettiv għal inċidenti u kriżijiet ċibernetiċi tal-massa. Il-komunitajiet taċ-ċibersigurtà, inkluż il-komunitajiet ċivili, tal-infurzar tal-liġi, tad-diplomazija u taċ-ċiberdifiża, kif ukoll is-sħab tas-settur privat, ta’ sikwit joperaw b’mod separat. Permezz taċ-Ċiberunità Konġunta, se jkollhom pjattaforma virtwali u fiżika ta’ kooperazzjoni: l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji rilevanti tal-UE flimkien mal-Istati Membri se jibnu progressivament pjattaforma Ewropea għas-solidarjetà, il-kooperazzjoni u l-assistenza operazzjonali u teknika siguri u rapidi biex jiġu miġġielda l-attakki ċibernetiċi fuq skala kbira.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li tibni ċ-Ċiberunità Konġunta permezz ta’ proċess gradwali u trasparenti f’erba’ passi, bi sjieda konġunta mal-Istati Membri u l-entitajiet differenti attivi fil-qasam. L-għan huwa li ċ-Ċiberunità Konġunta timxi għall-fażi operazzjonali sat-30 ta’ Ġunju 2022 u li tiġi stabbilita bis-sħiħ sena wara, sat-30 ta’ Ġunju 2023.

L-ENISA qed tgħin biex tistabbilixxi l-passi konkreti ħalli jiġu implimentati politiki ġodda taċ-ċibersigurtà. Se jiġi stabbilit uffiċċju lokali fi Brussell u huwa mfassal biex irawwem il-kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħra tal-UE.

Dokumenti

 

16 DIĊEMBRU 2020
Factsheet on Cybersecurity: EU External Action