
Il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni li tiddeskrivi l-isfidi politiċi u baġitarji ewlenin li se jsawru l-baġit fit-tul li jmiss tal-UE. Il-baġit fit-tul – magħruf bħala l-qafas finanzjarju pluriennali – jiddefinixxi l-prijoritajiet tal-infiq tal-UE għal diversi snin. Il-baġit jappoġġa miljuni ta’ nies, bdiewa, riċerkaturi, negozji, u reġjuni madwar l-UE u lil hinn minnha. Huwa essenzjali biex intejbu ħajjitna, u m’ilux wisq għenna negħlbu pandemija u kriżi tal-enerġija filwaqt li salvajna miljuni ta’ impjiegi meta konna bil-lockdown.
Il-pajjiżi, in-negozji, u ċ-ċittadini tal-UE jridu jerġgħu jaħsbuha dwar il-mod kif jaħdem il-baġit tal-UE sabiex jagħmluh adattat għall-futur. Biex inkomplu nsostnu Ewropa ħielsa, demokratika, sigura, prospera, u kompetittiva, il-baġit fit-tul irid ikun aktar sempliċi, aktar effikaċi, u aktar speċifiku fil-miri tiegħu.
Il-mod ġdid kif isir baġit modern tal-UE għandu jkun jinkludi:
- pjan għal kull pajjiż, b’riformi u investimenti ewlenin, imfasslin fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali, u lokali
- Fond Ewropew għall-Kompetittività li jistabbilixxi kapaċità ta’ investiment biex jiġu sostnuti setturi strateġiċi u teknoloġiji kritiċi
- finanzjament għal azzjoni esterna li tħalli impatt akbar, tkun iktar speċifika fil-miri tagħha, u tkun allinjata mal-interessi strateġiċi
- salvagwardji addizzjonali li jipproteġu l-istat tad-dritt
Il-Kummissjoni issa qed tistieden lill-Ewropej kollha biex jgħidu tagħhom dwar il-baġit li jmiss u dwar il-politiki li għandha tappoġġja, qabel ma tippreżenta proposta formali f’Lulju 2025. Hija tat bidu għal sensiela ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi li se jibqgħu miftuħin għat-12-il ġimgħa li ġejjin. Hawn taħt issib il-links għal dawn il-konsultazzjonijiet.
Madwar 150 Ewropew se jkollhom ukoll l-opportunità li jiddibattu u jagħmlu rakkomandazzjonijiet konkreti għall-baġit tal-UE li jmiss f’panel taċ-ċittadini. Se jkun hemm ukoll pjattaforma online li se toffri lil kulħadd l-opportunità li jipparteċipa fid-dibattitu.
Ladarba jintlaħaq qbil aktar tard din is-sena, il-baġit fit-tul li jmiss jidħol fis-seħħ f’Jannar 2028.
Għal aktar informazzjoni
Konsultazzjonijiet pubbliċi
- L-implimentazzjoni tal-Fondi tal-UE mal-Istati Membri u mar-reġjuni
- Il-finanzjament tal-UE għall-kompetittività
- Il-finanzjament tal-UE għall-azzjoni esterna
- Il-finanzjament tal-UE għall-edukazzjoni transfruntiera, it-taħriġ u s-solidarjetà, iż-żgħażagħ, il-media, is-setturi kulturali u kreattivi, il-valuri, u s-soċjetà ċivili
- Il-finanzjament tal-UE għall-protezzjoni ċivili, it-tħejjija, u r-rispons għall-kriżijiet
- Il-finanzjament tal-UE għas-suq uniku, u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali
- Il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 12 Frar 2025
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni