Il-Jum Ewropew tal-Lingwi, iċċelebrat kull sena fis-26 ta’ Settembru, jippromwovi d-diversità lingwistika, jinkoraġġixxi t-tagħlim tal-lingwi fil-gruppi tal-etajiet kollha, u jenfasizza l-importanza tat-traduzzjoni u tal-professjonijiet relatati mal-lingwi. Din is-sena, il-Kummissjoni Ewropea qed tospita 2 konferenzi virtwali biex trawwem diskussjonijiet dwar il-multilingwiżmu fl-Ewropa. Barra minn hekk, mill-1 sat-30 ta’ Settembru se jsiru firxa wiesgħa ta’ attivitajiet fl-UE kollha, inklużi korsijiet żgħar tal-lingwa multilingwi, kwiżżijiet online, sessjonijiet ta’ ħidma dwar it-traduzzjoni, fieri tal-lingwa, u wirjiet ta’ kotba li jivvjaġġaw. Il-politika tal-UE dwar il-multilingwiżmu tippromwovi t-tagħlim u l-apprendiment ta’ lingwi multipli biex tingħata spinta lill-komunikazzjoni, il-mobbiltà u l-kooperazzjoni fl-Ewropa kollha. Bis-saħħa ta’ programmi bħal Erasmus+, l-Ewropej jistgħu jtejbu l-ħiliet lingwistiċi tagħhom permezz ta’ attivitajiet edukattivi jew ta’ taħriġ f’34 pajjiż. L-UE tiffinanzja wkoll diversi proġetti lingwistiċi, tħeġġeġ it-tagħlim bejn il-pari fost il-pajjiżi tal-UE u tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali biex tippromwovi l-innovazzjoni fit-tagħlim tal-lingwi. Il-kompetizzjoni annwali Juvenes Translatores hi inizjattiva oħra li tħeġġeġ lill-istudenti tal-iskejjel sekondarji fl-Ewropa kollha jitgħallmu l-lingwi. Ir-reġistrazzjoni għal din is-sena hi miftuħa sal-14 ta’ Ottubru 2024, 12 PM (CET). Il-ħiliet lingwistiċi jistgħu jgħinu lin-nies isibu impjieg, jiffaċilitaw l-aċċess għas-servizzi u d-drittijiet, u jikkontribwixxu għas-solidarjetà permezz ta’ djalogu interkulturali u koeżjoni soċjali msaħħa. L-UE hi kkaratterizzata mid-diversità kulturali u lingwistika tagħha, u l-lingwi mitkellmin fil-pajjiżi tal-UE huma parti essenzjali mill-wirt kulturali tagħha. Għal aktar informazzjoni Il-Jum Ewropew tal-Lingwi Il-Jum Ewropew tal-Lingwi 2024 – konferenzi virtwali Multilingwiżmu Il-programm Erasmus+ Juvenes Translatores Dettalji Data tal-pubblikazzjoni26 Settembru 2024AwturId-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni