Mur għall-kontenut ewlieni

Il-programmar konġunt tal-koperazzjoni għall-iżvilupp

Il-kooperazzjoni internazzjonali biex tiġi programmata l-għajnuna għall-iżvilupp u, l-iżvilupp ta’ rispons koordinat u strateġiku għall-isfidi globali ewlenin.

Ħarsa ġenerali

Il-programmar konġunt jirreferi għal rispons konġunt mill-UE u l-istati membri tagħha għall-pjan ta’ żvilupp nazzjonali ta’ pajjiż sieħeb.

Flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali, is-sħab tal-iżvilupp tal-UE jiżviluppaw strateġija konġunta kompletament allinjata mal-pjan ta’ żvilupp nazzjonali tal-pajjiż sieħeb. Strateġija konġunta tistabbilixxi r-raġuni u d-direzzjoni ġenerali għall-appoġġ mill-UE u l-pajjiżi tal-UE. Hi tiddeskrivi wkoll oqsma li kull wieħed minnhom ikun se jaħdem fuqhom, l-objettivi ġenerali għal dawn l-oqsma, u tagħti ċifri proviżorji għall-finanzjament tagħhom matul il-perjodu tal-istrateġija konġunta.

Iż-żmien tal-istrateġija konġunta hu sinkronizzat biex jaqbel maż-żmien tal-pjanijiet nazzjonali tal-pajjiż sieħeb. B’dan il-mod, is-sħab tal-iżvilupp tal-UE jippjanaw u jimplimentaw fl-istess żmien u għall-istess perjodu bħall-gvern. B’hekk is-sħab tal-UE jkunu jistgħu jkunu aktar reattivi għall-ħtiġijiet nazzjonali.

L-istrateġija konġunta hija żviluppata fuq il-livell tal-pajjiż sieħeb biex ikun żgurat li din tipprovdi l-aħjar risposta possibbli għas-sitwazzjoni. Dan jippermetti wkoll kooperazzjoni mill-qrib ma’ partijiet ikkonċernati oħra.

Sħab tal-iżvilupp oħra li mhumiex tal-UE li jikkondividu l-prinċipji ta’ Programmar Konġunt huma mistiedna jħaddnu l-istrateġija wkoll.

Il-benefiċċji tal-Programmar Konġunt

Il-Programmar Konġunt hu mistenni li jnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjoni għal gvernijiet sieħba peress li se jkollhom biss jittrattaw ma’ eżerċizzju ta’ programmar wieħed għas-sħab tal-iżvilupp kollha tal-UE.

Il-programmar konġunt jagħmel ukoll l-għajnuna aktar koerenti u anqas frammentata, hekk kif il-kooperazzjoni tgħin telimina l-lakuni u d-duplikazzjonijiet. Barra minn hekk, se jkun hemm impatt akbar u valur aħjar għall-flus, hekk kif is-sħab tal-iżvilupp tal-UE jgħaqqdu r-riżorsi tagħhom flimkien. Peress li l-pajjiżi tal-UE jammontaw għal aktar minn nofs l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) madwar id-dinja, il-Programmar Konġunt hu mistenni li jagħmel differenza reali għall-effettività tal-għajnuna globali, filwaqt li jtejjeb il-mod kif jintefqu għexur ta’ biljuni ta’ euro kull sena.

Għall-kostitwenzi nazzjonali tal-UE, il-Programmar Konġunt jista’ wkoll jgħin biex jiżdied l-għarfien, titjieb il-perċezzjoni pubblika, u tiżdied ir-responsabilità.

Jista’ wkoll ikun hemm inqas pressjoni fuq kull sieħeb tal-iżvilupp tal-UE biex jiġu indirizzati s-setturi u l-oqsma kollha f’pajjiż partikolari li jeħtieġu attenzjoni. Is-sħab tal-iżvilupp tal-UE jistgħu juru b’mod kredibbli li huma parti minn Programmar Konġunt unifikat li, permezz tad-diviżjoni tax-xogħol, jiżgura li s-setturi u l-kwistjonijiet rilevanti kollha huma koperti.

Se jkun hemm aktar opportunitajiet għal inizjattivi konġunti fuq il-post, peress li s-sħab tal-iżvilupp tal-UE qed jippjanaw fl-istess ħin u għall-istess perjodu. Dan mistenni li jiġġenera tfaddil f’termini ta’ ekonomiji ta’ skala u jnaqqas l-ispejjeż ġenerali.

Il-Programmar Konġunt jista’ jagħmel l-Ewropa sseħħ fil-prattika, billi jirrifletti l-valuri Ewropej komuni u l-politiki dwar kwistjonijiet bħad-drittijiet fundamentali u l-governanza tajba f’azzjoni koerenti u mmirata f’pajjiżi sħab.

Il-kuntest internazzjonali u l-impenji

It-Trattat ta’ Lisbona tal-UE wiegħed aktar kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE, inkluża l-politika tal-iżvilupp. Il-Programmar Konġunt huwa wieħed mill-impenji ewlenin mill-pajjiżi tal-UE li jaħdmu flimkien fl-iżvilupp, biex ikun żgurat li l-għajnuna hi effettiva. Il-Programmar Konġunt huwa mnaqqax fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp tal-2017 u kien prominenti fl-Aġenda għall-Bidla, il-politika ġenerali għall-iżvilupp tal-UE tal-2012.

Dawn l-impenji kollha huma riflessi fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE ta’ Novembru 2011, li jipprovdu d-direzzjoni politika ġenerali għall-UE u l-pajjiżi tal-UE.