Mur għall-kontenut ewlieni

Nilħqu n-newtralità klimatika b’mod sostenibbli

L-UE fil-COP28

It-28 Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP28) saret mit-30 ta’ Novembru sat-12 ta’ Diċembru 2023 f’Dubai. Taħt il-presidenza tal-Emirati Għarab Magħquda, is-summit tal-COP28 laqqa’ lill-partijiet flimkien biex jaċċelleraw l-azzjoni lejn l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima.

L-UE insistiet biex l-ambizzjoni klimatika globali tiżdied b’mod sostanzjali biex l-objettiv ta’ 1.5°C jibqa’ jista’ jintlaħaq, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi, u ħadmet ma’ sħab tal-istess fehma biex tiżgura eżitu ta’ suċċess fil-COP28. 

L-impenji u l-azzjonijiet ewlenin imħabbra mill-UE fil-COP28 jinkludu: 

  • l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lil hinn mill-karburanti fossili dan id-deċennju, azzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet bi 43% sal-2030 u biex id-dinja taqbad id-direzzjoni lejn emissjonijiet żero netti sal-2050 
  • bħala parti mill-Impenn Globali dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-Effiċjenza Enerġetika, it-tripplikar tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli u l-irduppjar tar-rata ta’ titjib fl-effiċjenza enerġetika sal-2030. €2.3 biljun mill-baġit tal-UE se jappoġġjaw it-tranżizzjoni tal-enerġija fil-viċinat Ewropew u madwar id-dinja 
  • €175 miljun f’appoġġ finanzjarju mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan 
  • aktar minn €400 miljun f’finanzjament mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiġi attivat fond ġdid għat-telf u l-ħsara għall-emerġenzi klimatiċi 
  • l-ewwel żewġ proġetti ta’ teknoloġija nadifa Ewropej li għandhom jiġu appoġġjati mis-sħubija UE-Catalyst biex jgħinu lill-UE tilħaq il-miri klimatiċi tagħha għall-2030 
  • kontribut ta’ €20 biljun ta’ Tim Ewropa għall-Inizjattiva għall-Enerġija Ekoloġika bejn l-Afrika u l-UE 
  • inizjattiva ġdida ta’ Tim Ewropa ffukata fuq ktajjen tal-valur mingħajr deforestazzjoni 
Ursula von der leyen

Ninsabu lesti li nagħmlu aktar, u nafu li jrid isir aktar. Pereżempju, il-COP28 kienet ukoll l-opportunità biex jiġi diskuss l-ipprezzar tal-karbonju ma’ Partijiet oħra, sabiex aktar pajjiżi jibdew ipoġġu prezz fuq it-tniġġis. U stajna wkoll inwittu t-triq għal riformi finanzjarji usa’, sorsi innovattivi ġodda ta’ finanzjament, u l-allinjament tal-flussi finanzjarji kollha mal-Ftehim ta’ Pariġi.

Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea

Prijoritajiet tal-UE għall-COP28

Fin-negozjati dwar il-klima tal-COP28, l-UE ħadmet saħansitra għal aktar ambizzjoni u azzjoni f’dan id-deċennju kritiku, inkluż permezz ta’:

  • L-eliminazzjoni gradwali tal-fuels fossili u ż-żieda fil-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika

  • Enfasi aktar konċertata fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet dan id-deċennju

  • It-tħejjija tagħna u ta' sħabna għall-adattament għat-tibdil fil-klima

  • L-iżgurar ta’ finanzjament għall-klima biex jiġu indirizzati t-telf u l-ħsara minn dawk kollha li jistgħu jħallsu

Il-ħidma tal-UE fil-COP28

  1. 2 ta' Diċembru 2023
    L-UE tħabbar appoġġ finanzjarju ta’ €175m għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metan
  2. 2 ta' Diċembru 2023
    L-UE tmexxi l-inizjattiva globali biex sal-2030, tittripla l-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli u tirdoppja l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika

Azzjoni klimatika tal-UE

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew stabbilixxa strateġija ġdida ta’ tkabbir għall-Ewropa. Għandu l-għan li jittrasforma l-UE f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna u kompetittiva b’emissjonijiet żero netti ta’ gassijiet serra sal-2050. L-aħħar leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-klima u l-enerġija, magħrufa bħala l-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55%”, hija mistennija li tnaqqas l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra tal-UE b’mill-inqas 55% sal-2030. L-Ewropa qed twettaq il-wegħdiet tagħha li għamlet liċ-ċittadini u lis-sħab internazzjonali biex tkun minn ta’ quddiem fl-azzjoni klimatika u ssawwar it-tranżizzjoni ekoloġika għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-industriji.

Globalment, l-UE tappoġġja t-trasformazzjoni ekoloġika, billi tinvesti kemm fil-mitigazzjoni kif ukoll fir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima permezz tal-istrateġija tagħha Global Gateway. Tappoġġja wkoll l-enerġija nadifa bħala mod kif jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi. F’approċċ ta’ Tim Ewropa, hi tippromwovi skambji tat-teknoloġija ekoloġika u ssaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li toffri konnessjonijiet u soluzzjonijiet sostenibbli u fdati madwar id-dinja.

Kontribut tat-Tim Ewropa għall-finanzjament globali għall-klima

€28.5 biljun
mobilizzati minn Tim Ewropa
20% ogħla
milli fl-2021