Mur għall-kontenut ewlieni

Is-simplifikazzjoni tal-baġit tal-UE

Spjegazzjoni tar-regoli introdotti fir-Regolament Finanzjarju biex jiġi ssimplifikat l-aċċess għall-finanzjament tal-UE u jiġu żgurati protezzjoni, effiċjenza u trasparenza aħjar.

Ir-Regolament Finanzjarju (RF) huwa l-punt ewlieni ta’ referenza għall-prinċipji u l-proċeduri li jirregolaw l-istabbiliment, l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-baġit tal-UE.

Il-verżjoni attwali tar-Regolament Finanzjarju ilha tapplika mit-2 ta’ Awwissu 2018. Din tintroduċi simplifikazzjoni tar-regoli eżistenti li se jġibu titjib sinifikanti u se jkunu ta’ benefiċċju b’mod partikolari għaċ-ċittadini, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi.

Aċċess aktar sempliċi għall-finanzjament tal-UE u kooperazzjoni mtejba bejn l-amministrazzjonijiet

  • Ir-riċevituri li jitolbu finanzjament mill-UE jeħtieġ li jipprovdu inqas informazzjoni u informazzjoni aktar immirata. L-istess informazzjoni ma tintalabx darbtejn.
  • Meta wieħed japplika għall-finanzjament, se jitqies ix-xogħol volontarju;
  • Il-verifiki u l-awditi mhux se jibqgħu jiġu dduplikati bis-saħħa ta’ dipendenza akbar fuq kontrolli preċedenti mill-awtoritajiet nazzjonali jew mis-sħab internazzjonali;
  • Il-pagament għar-riżultati u għas-somom f’daqqa jista’ jintuża b’mod aktar wiesa’. Pereżempju, il-pagamenti jkunu bbażati fuq ammont fiss wara li jintwera li tkun saret ċerta azzjoni (bħat-taħriġ jew l-għoti ta’ assistenza umanitarja) minflok ma’ jiġu vverifikati mijiet ta’ kontijiet u riċevuti għall-ispejjeż imġarrba.

Enfasi akbar fuq il-kisba ta’ riżultati aħjar b’inqas burokrazija u kontrolli mtejba bi spiża aktar baxxa

  • L-użu ta’ somom f’daqqa mhux biss inaqqas l-ispiża tal-kontrolli ta’ mijiet ta’ riċevuti iżda jnaqqas ukoll il-livell ta’ żbalji potenzjali marbuta mal-għadd ta’ verifiki;
  • Il-qafas il-ġdid se jtejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali li jimplimentaw il-programmi tal-UE - bħall-Politika Agrikola Komuni jew il-fondi strutturali;
  • Ir-regoli l-ġodda se jtejbu wkoll il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet sħab madwar id-dinja, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Bank Dinji.

Baġit tal-UE aktar modern

Il-qafas rivedut jirriżulta f’aktar ingranaġġ għall-finanzjament tal-UE u aktar flessibbiltà għall-baġit tal-UE permezz ta’:

  • Strumenti ġodda, bħal garanziji baġitarji (bħal dak li jirfed il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi), li se jiġu mmaniġġjati b’mod effiċjenti fil-futur permezz ta’ fond ta’ proviżjonament komuni;
  • Regoli aktar sempliċi għall-kombinazzjoni tal-fondi nazzjonali u l-fondi tal-UE (eż. il-Fondi Strutturali u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi) u l-possibbiltà li jiġu kkombinati l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji (eż. il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa).

Protezzjoni aħjar tal-baġit tal-UE

Is-simplifikazzjoni tar-regoli tippermetti protezzjoni aktar effiċjenti tal-finanzjament tal-UE:

  • L-użu ta’ somom f’daqqa jwassal għal inqas żbalji u d-dipendenza fuq il-valutazzjonijiet u l-awditi tal-awtoritajiet fuq il-post twassal għal kontrolli aktar effiċjenti;
  • Barra minn hekk, ir-regoli l-ġodda jsaħħu l-ġlieda kontra l-kumpaniji fittizji u l-użu tar-rifuġji fiskali mill-intermedjarji li jimmaniġġjaw il-fondi tal-UE. L-iżvelar volontarju tal-azzjonisti huwa previst;
  • Se jkun hemm aktar trasparenza, rappurtar simplifikat u responsabbiltà msaħħa għan-nefqa pubblika, bir-regoli eżistenti dwar il-kunflitt ta’ interess estiżi b’mod espliċitu għall-awtoritajiet tal-Istati Membri.
30 LULJU 2018
Financial Regulation 2018
English
(343.84 KB - HTML)
Iddawnlowdja
2 AWWISSU 2018
Financial Regulation 2018 Factsheet
English
(567.34 KB - PDF)
Iddawnlowdja

Għal informazzjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal aġġustamenti mmirati għar-Regolament Finanzjarju tas-16 ta’ Mejju 2022, ara wkoll ir-Regolament Finanzjarju tal-UE

Dokumenti

  • Regolament

Ir-Regolament Finanzjarju tal-UE

Ir-Regolament Finanzjarju huwa l-punt ewlieni ta’ referenza għal prinċipji u proċeduri li jirregolaw l-istabbiliment, l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-baġit tal-UE.