Fis-27 ta’ Ottubru jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji għall-Wirt Awdjoviżiv biex titqajjem kuxjenza dwar is-sinifikat u r-riskji għall-preservazzjoni tal-materjali awdjoviżivi.
L-arkivji awdjoviżivi jservu bħala rakkontaturi b’saħħithom, li jaqbdu l-ħajjiet, il-kulturi u l-istorja tan-nies minn madwar id-dinja kollha. Dawn jirrappreżentaw wirt imprezzabbli li huwa affermazzjoni tal-memorja kollettiva tagħna u sors siewi ta’ għarfien, li jirrifletti d-diversità kulturali, soċjali u lingwistika tal-komunitajiet tagħna. Dawn l-arkivji mhux biss japprofondixxu l-fehim tagħna tal-passat iżda jgħinuna wkoll napprezzaw id-dinja li naqsmu llum.
Għaldaqstant huwa vitali li dan il-wirt għani jiġi kkonservat u li jiġi żgurat li jibqa’ aċċessibbli għall-pubbliku u l-ġenerazzjonijiet futuri. Storikament, l-informazzjoni ġiet ippreservata permezz ta’ ritratti, partituri mużikali u kotba. It-teknoloġija moderna rrivoluzzjonat dan il-proċess, u issa nistgħu nirrekordjaw u naqsmu l-mumenti importanti permezz tal-ħoss u l-video bl-użu ta’ apps differenti. Pjattaformi bħas-servizzi tal-istreaming tal-mużika, is-siti ta’ video-sharing u l-midja soċjali jaġixxu bħala arkivji moderni,billi jaħżnu varjetà wiesgħa ta’ materjal awdjoviżiv.
L-UE tuża pjattaformi u depożitarji differenti għall-ħżin u l-kondiviżjoni ta’ kontenut awdjoviżiv. Fosthom insibu l-Librerija Awdjoviżiva tal-Kummissjoni Ewropea li tiffunzjona bħala depożitu ċentrali għal materjali awdjoviżivi maħsuba għall-komunikazzjoni esterna, prodotti jew mixtrija mis-servizzi tal-Kummissjoni. Il-librerija hija responsabbli għall-ġestjoni, il-preservazzjoni u l-aċċessibbiltà tal-memorja awdjoviżiva kollettiva tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, disponibbli kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Franċiż. Mill-1948, il-librerija kkatalogat aktar minn 250 000 video, 500 000 ritratt u 8 500 reġistrazzjoni awdjo, li jkopru l-passi ewlenin kollha tal-istorja tal-UE. Il-kollezzjoni qed tkompli tikber u hija aċċessibbli għall-pubbliku permezz tal-Portal Awdjoviżiv.
Barra minn hekk, Europeana huwa portal web li jiġbor flimkien materjali awdjoviżivi minn aktar minn 2000 istituzzjoni differenti madwar l-Ewropa. Dan jinkludi libreriji, mużewijiet, arkivji, galleriji u oħrajn, li joffru lill-utenti tagħhom opportunità unika biex jaċċessaw firxa varjata ta’ kontenut online.
L-UE hija impenjata li tissalvagwardja u ssaħħaħ il-wirt kulturali tal-Ewropa permezz ta’ diversi politiki u programmi. Bil-preservazzjoni tal-wirt awdjoviżiv bħall-films, ir-reġistrazzjonijiet, u r-ritratti, niżguraw li l-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jesperjenzaw ir-rikkezza tal-passat komuni tagħna. Il-protezzjoni tal-wirt awdjoviżiv mhijiex biss dwar is-salvagwardja tal-memorji, iżda dwar iż-żamma tad-diversità kulturali ħajja u aċċessibbli għal kulħadd.
Għal aktar informazzjoni
Servizz Awdjoviżiv tal-Kummissjoni Ewropea
Librerija Awdjoviżiva: Memorja awdjoviżiva ħajja tal-Ewropa (filmat)
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 25 Ottubru 2024
- Awtur
- Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni