Mur għall-kontenut ewlieni
Artiklu tal-aħbarijiet27 Mejju 2024Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni2 min qari

Sensibilizzazzjoni matul il-Ġimgħa Ewropea Kontra l-Kanċer

A patient treated with cancer removal robotic equipment

 

Kull sena, il-Ġimgħa Ewropea Kontra l-Kanċer issir bejn il-25 u l-31 ta’ Mejju. Dan l-avveniment ilaqqa’ flimkien gruppi ta’ promozzjoni tal-pazjenti, dawk li jfasslu l-politika Ewropea, u l-pubbliku ġenerali biex iqajmu kuxjenza dwar il-prevenzjoni tal-kanċer, l-iskrinjar, l-aċċess għat-trattament u l-appoġġ għall-pazjenti u l-persuni bi storja ta’ kanċer.

L-UE qed tiġġieled kontra l-kanċer bil-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer li tressaq fl-2021. B’dan il-Pjan, il-Kummissjoni tfittex li ttejjeb il-prevenzjoni, id-detezzjoni bikrija, it-trattament u l-kura, kif ukoll il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti u s-superstiti tal-kanċer. B’appoġġ ta’ €4 biljun f’finanzjament, tnieda numru rekord ta’ proġetti, azzjonijiet u inizjattivi konkreti li jindirizzaw kull stadju ta’ din il-marda. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn:

  • L-istabbiliment taċ-Ċentru tal-Għarfien tal-Kummissjoni dwar il-Kanċer, biex tiġi kondiviża l-implimentazzjoni tal-aħjar prattika u jinħarġu linji gwida għat-tfassil u l-introduzzjoni ta’ azzjonijiet ġodda
  • It-tnedija tal-Inizjattiva Ewropea dwar l-Immaġnijiet tal-Kanċer, biex l-immaġnijiet anonimizzati relatati mal-kanċer isiru aċċessibbli għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa biex tittejjeb il-mediċina personalizzata
  • L-istabbiliment tal-Inizjattiva Ewropea biex Nifhmu l-Kanċer, biex tiġi appoġġjata l-innovazzjoni u jsir progress fil-fehim tal-mekkaniżmi tal-kanċer
  • Il-proposta ta’ Rakkomandazzjoni dwar kanċers li jistgħu jiġu evitati bit-tilqim, biex jiġi estiż it-tilqim ta’ rutina newtrali għall-ġeneru kontra l-papillomaviruses umani (HPV) u t-tilqim kontra l-Epatite B
  • L-istabbiliment tar-reġistru Ewropew tal-inugwaljanzi b’rabta mal-kanċer, biex jiġu identifikati x-xejriet, id-disparitajiet u l-inugwaljanzi bejn il-pajjiżi tal-UE biex ikunu jistgħu jsiru investimenti u interventi mmirati
  • L-istabbiliment ta’ Network tal-UE li jgħaqqad iċ-Ċentri Nazzjonali Komprensivi tal-Kanċer rikonoxxuti biex jikkondividu l-kapaċitajiet u l-għarfien espert fl-UE kollha
  • Il-ħolqien ta’ Networks Ġodda għall-Għarfien Espert għal kundizzjonijiet speċifiċi u diffiċli tal-kanċer, biex jiġu identifikati s-soluzzjonijiet li diġà għandhom l-għeruq tagħhom fil-komunità Ewropea tal-onkoloġija

Il-Kummissjoni nediet ukoll Skema ġdida għall-Iskrinjar tal-Kanċer appoġġjata mill-UE biex ittejjeb l-aċċess, il-kwalità u d-dijanjostika tal-iskrinjar tal-kanċer. Biex tippromwovi l-importanza tad-detezzjoni bikrija tal-kanċer, il-Kummissjoni bdiet ukoll il-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni #GetScreenedEU, li tiffoka fuq il-fatt li d-detezzjoni bikrija permezz tal-iskrinjar toffri l-aħjar opportunità biex jiġi trattat il-kanċer u żżid l-għażliet ta’ trattament. 

L-UE għamlet passi kbar fir-rigward tal-prevenzjoni permezz ta’ azzjonijiet li jindirizzaw fatturi ta’ riskju ewlenin bħat-tabakk, id-dijanjożi u t-trattament u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja. Iżda għad fadal ħafna xogħol xi jsir, biex tkompli ssir bidla, u biex tinfirex id-dinjità u t-tama għal dawk kollha milquta mill-kanċer.

Għal aktar informazzjoni

Il-Pjan tal-Ewropa kontra l-kanċer

L-Unjoni Ewropea tas-Saħħa

Il-kampanja #GetScreenedEU, b’informazzjoni dwar programmi ta’ skrinjar tal-kanċer fil-pajjiżi tal-UE

L-Inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Kanċer tas-Sider u tal-Musrana

Il-kanċer jikkonċernana lkoll - Dikjarazzjoni mill-Kummissarju Kyriakides fl-okkażjoni tal-Ġimgħa Ewropea Kontra l-Kanċer

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
27 Mejju 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni