Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej — għaddew 15-il sena u għadha għaddejja ġmielha!

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 16 Frar 2026
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 2 min qari

 

Din is-sena niċċelebraw il-15-il anniversarju tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej — mod uniku biex int tkun tista’ tieħu azzjoni fuq il-kawżi li huma għal qalbek. Meta tagħti bidu għal inizjattiva tkun qed issawwar lill-UE billi titlob lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi liġijiet ġodda dwar il-kwistjoni tal-għażla tiegħek li jkollha l-kompetenza fuqha l-UE. Dan huwa d-dritt demokratiku tiegħek bħala ċittadin tal-UE. 

Matul is-snin, iċ-ċittadini xprunaw b’suċċess diversi inizjattivi, mill-ħarsien tan-naħal u l-garanzija ta’ ilma tax-xorb nadif għal kulħadd, sat-tmiem tal-kummerċ tal-pinen tal-klieb il-baħar. Dak li beda bħala inizjattiva taċ-ċittadini ssarraf f’liġijiet konkreti tal-UE. 

Minn fejn tibda? Trid tgħaqqad grupp ta’ organizzaturi li jkun jinkludi mill-inqas seba’ ċittadini tal-UE, li jkunu residenti f’mill-inqas seba’ pajjiżi tal-UE. Imbagħad, trid tibgħat talba lill-Kummissjoni biex tirreġistra. Qabel ma tirreġistra l-inizjattiva proposta tiegħek, il-Kummissjoni tivverifika jekk il-proposta tiegħek tkunx relatata ma’ qasam li dwaru għandha s-setgħa li taġixxi.    

Ġaladarba tkun irreġistrajt, ikollok sena żmien biex tikseb l-appoġġ ta’ miljun ċittadin minn madwar l-UE li jiffirmawha. Jekk l-inizjattiva tilħaq l-għadd minimu ta’ firem meħtieġa, il-Kummissjoni tikkunsidraha u tirċievi tweġiba formali mingħandhom fi żmien sitt xhur.  

Minn mindu l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej inħolqot fl-2011, ’il fuq minn 1,000 ruħ taw bidu għal aktar minn 120 inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li nġabru online jew fuq il-karta aktar minn 20 miljun firma ta’ appoġġ. 

Jekk temmen bis-sħiħ li l-affarijiet għandhom jinbidlu rigward xi kwistjoni li tikkonċernak, għaliex ma tingħaqadx ma’ oħrajn li jaħsbuha bħalek minn pajjiżi oħrajn tal-UE u tkun int li twassal għal-bidla? Skopri kif taħdem, pass wara pass, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej jew idħol fil-forum tal-IĊE għal pariri legali u prattiċi. 

Għal aktar tagħrif 

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej 

Nipproteġu d-demokrazija u niddefendu l-valuri tagħna 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
16 Frar 2026
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni