Mur għall-kontenut ewlieni
Artiklu tal-aħbarijiet19 Ġunju 2024Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni1 min qari

Baġit tal-UE: il-finanzjament tal-prijoritajiet tal-Ewropa għall-2025

Euro with miniature figurines

 

Il-Kummissjoni pproponiet baġit annwali tal-UE ta’ kważi €200 biljun għall-2025, imsaħħaħ b’€72 biljun miġbura taħt il-pjan ta’ rkupru ta’ wara l-COVID, in-NextGenerationEU. Hu maħsub biex jiffinanzja l-prijoritajiet tal-UE u jgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali u futuri. Il-proposta tal-Kummissjoni se tiġi diskussa u adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-UE. 

X’inhu l-baġit tal-UE

Il-baġit tal-UE jippermetti lill-pajjiżi tal-UE jiksbu aktar flimkien milli jistgħu waħedhom, pereżempju billi jiffinanzjaw proġetti ta’ infrastruttura jew jirrispondu għall-kriżijiet. Billi jiġbor flimkien ir-riżorsi, filwaqt li jgħin lill-pajjiżi kollha tal-UE, liċ-ċittadini tagħhom u lil hinn minnhom, il-baġit tal-UE jsaħħaħ l-ekonomija u l-pożizzjoni ġeopolitika tal-Ewropa.

Il-baġit fit-tul tal-UE jistabbilixxi l-prijoritajiet u l-limiti tal-infiq għal diversi snin. Kull sena, jiġi nnegozjat u adottat baġit annwali f’dawn il-limiti. 

Il-baġit tal-UE hu ffinanzjat prinċipalment minn proporzjon tal-introjtu nazzjonali gross ta’ kull pajjiż tal-UE, id-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet minn barra l-UE, parti żgħira mill-VAT miġbura minn kull pajjiż tal-UE, u kontribuzzjoni bbażata fuq l-ammont ta’ skart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat f’kull pajjiż tal-UE.

Fejn imorru l-flus 

Il-fondi mill-baġit tal-2025 se jintefqu fejn jistgħu jagħmlu l-akbar differenza, abbażi tal-ħtiġijiet tal-pajjiżi tal-UE u tas-sħab tal-UE fid-dinja kollha. Il-flus se jrawmu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, joħolqu l-impjiegi, jiffinanzjaw l-appoġġ tal-UE lill-Ukrajna, u jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-migrazzjoni u l-kriżi fil-Lvant Nofsani. Se jagħtu spinta wkoll lill-kapaċità tagħna li nirreaġixxu għad-diżastri naturali u jiffinanzjaw l-appoġġ għal teknoloġiji kritiċi ewlenin. Barra minn hekk, il-baġit se jiffinanzja l-proġetti u l-politiki kollha tal-UE li għaddejjin fl-oqsma tal-agrikoltura, l-iżvilupp reġjonali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-azzjoni klimatika, id-difiża, is-saħħa, is-sigurtà, l-infrastruttura satellitari u ħafna aktar.

Għal aktar informazzjoni

Stqarrija għall-istampa dwar l-abbozz ta’ baġit annwali għall-2025

Baġit annwali tal-UE għall-2025

Benefiċċji tal-baġit tal-UE

Kif il-baġit tal-UE jiġi adottat, minfuq u ffinanzjat

Fondi għall-irkupru f’pajjiżek jew fir-reġjun tiegħek

NextGenerationEU

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
19 Ġunju 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni