Mur għall-kontenut ewlieni

X’jagħmlu l-vaċċini?

It-tilqim jgħin id-difiżi immunitarji ta’ persuna biex tingħeleb marda komuni li tista’ tkun esposta għaliha. It-tilqim jipprevjeni lin-nies milli jimirdu b'dik il-marda fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet.

F’xi każijiet, persuna xorta tista’ tieħu marda wara li tkun tlaqqmet, iżda s-sintomi huma inqas stretti u l-irkupru huwa aktar mgħaġġel.

Xi wħud mill-mard li l-vaċċini jipproteġu kontrihom huma

  • epatite B
  • infezzjoni tal-papillomavirus uman (HPV)
  • influwenza
  • ħosba, gattone u rubella
  • poljo
  • tetnu
  • tuberkulożi

Aħjar għal kulħadd

Huwa inqas probabbli li persuna mlaqqma tgħaddi marda infettiva lil oħrajn, għalhekk it-tilqim jista’ jgħin biex jipproteġi lil dawk li ma jistgħux jitlaqqmu huma stess. Dan jinkludi

  • trabi
  • tfal
  • persuni anzjani
  • persuni b’sistemi immunitarji dgħajfa bħal pazjenti bil-kanċer

Dawn il-gruppi jibbenefikaw minn oħrajn li jitlaqqmu, minħabba li mbagħad il-marda ma tistax tinfirex fil-komunità.

Huwa meħtieġ għadd kbir ta’ tilqim biex jgħin fil-ħolqien ta’ din l-immunità komunitarja. Meta jitlaqqmu għadd kbir ta’ nies, jitwaqqfu l-ktajjen tal-infezzjonijiet. Pereżempju, skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), 95% tan-nies jeħtieġ li jitlaqqmu kontra l-ħosba biex jipprevjenu aktar tixrid fil-komunità.  

It-tnaqqis tal-piż fuq in-nies

Billi ngħinu biex aktar nies jinżammu f’saħħithom, it-tilqim jgħin biex jitnaqqas l-effett soċjali u psikoloġiku tal-mard fuq in-nies u jnaqqas il-piż fuq l-isptarijiet u s-sistemi tal-kura tas-saħħa. Dan ifisser li r-riżorsi jistgħu jmorru għall-ġlieda kontra mard ieħor, bħall-kanċer jew l-Alzheimer.

Kif jaħdmu l-vaċċini kontra l-COVID-19?

Il-vaċċini jaħdmu billi jħejju sistema immunitarja ta’ persuna (id-difiżi naturali tal-ġisem) biex tirrikonoxxi u tiddefendi ruħha kontra marda speċifika.

Il-bini tal-immunità

Il-biċċa l-kbira tar-riċerka dwar il-vaċċini kontra l-COVID-19 tinvolvi l-ġenerazzjoni ta’ reazzjonijiet għal proteina kollha jew parti minnha li hija unika għall-virus li jikkawża l-COVID-19. Meta persuna tirċievi l-vaċċin, dan jikkawża rispons immunitarju. Il-biċċa l-kbira tal-vaċċini kontra l-COVID-19 jeħtieġu żewġ dożi biex tinbena l-immunità.

Jekk il-persuna tkun infettata mill-virus aktar tard, is-sistema immunitarja tagħraf il-virus. Imbagħad is-sistema titħejja biex tattakka l-virus.

Vaċċini mixtrija mill-Kummissjoni Ewropea

Vaċċini tal-Aċidu Nuklejku (mRNA)

  • BioNTech/Pfizer
  • Moderna

Dan it-tip ta’ vaċċin fih parti mill-“istruzzjonijiet” mill-virus li jikkawża l-COVID-19. Dan jippermetti li ċ-ċelloli tal-ġisem stess jagħmlu proteina li hija unika għall-virus.

Is-sistema immunitarja tal-persuna tirrikonoxxi li din il-proteina unika jenħtieġ li ma tkunx fil-ġisem u tirrispondi billi tipproduċi difiżi naturali kontra l-infezzjoni mill-COVID-19.

Spjegazzjoni tat-teknoloġija mRNA

Vaċċini bbażati fuq il-proteini

  • Sanofi/GSK
  • Novavax
  • HIPRA Human Health

Dan it-tip ta’ vaċċin fih frammenti ta’ proteina li hija unika għall-virus.

Dawn huma biżżejjed biex is-sistema immunitarja tal-persuna tirrikonoxxi li l-proteina unika tenħtieġ li ma tkunx fil-ġisem u tirrispondi billi tipproduċi difiżi naturali kontra l-infezzjoni mill-COVID-19.

Vaċċini bbażati fuq il-vettur virali

  • AstraZeneca
  • Johnson & Johnson

Dan it-tip ta’ vaċċin juża virus differenti u li ma jagħmilx ħsara biex jagħti l-“istruzzjonijiet” mill-virus li jikkawża l-COVID-19.

Dan jippermetti li ċ-ċelloli tal-ġisem stess jagħmlu l-proteina unika għall-virus tal-COVID-19.

Is-sistema immunitarja tal-persuna tirrikonoxxi li din il-proteina unika jenħtieġ li ma tkunx fil-ġisem u tirrispondi billi tipproduċi difiżi naturali kontra l-infezzjoni mill-COVID-19.

Vaċċin b'virus inattivat

  • Valneva

Valneva hija kumpanija Ewropea tal-bijoteknoloġija li qed tiżviluppa vaċċin b’virus inattivat, magħmul mill-virus ħaj b’inattivazzjoni kimika.

Din hija teknoloġija tradizzjonali tal-vaċċini, li ilha tintuża għal 60-70 sena, b’metodi stabbiliti u b’livell għoli ta’ sikurezza.

Il-biċċa l-kbira tal-vaċċini kontra l-influwenza u ta’ ħafna mill-vaċċini li jingħataw fit-tfulija jużaw din it-teknoloġija.

Aktar informazzjoni dwar it-tilqim kontra l-COVID-19

Għal aktar informazzjoni dwar il-programm ta’ tilqim f’pajjiżek, ara l-iskedatur tal-vaċċini tal-ECDC u żur is-siti web uffiċjali dwar it-tilqim tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Stejjer ta’ suċċess tal-vaċċini

Dokumenti

 

10 DIĊEMBRU 2020
Factsheet: How do COVID-19 vaccines work?
English
(5.95 KB - HTML)
Iddawnlowdja

 

10 DIĊEMBRU 2020
Factsheet: The health benefits of vaccination
English
(5.95 KB - HTML)
Iddawnlowdja