EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC0515(03)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Gwida tal-UE biex jerġgħu jibdew progressivament is-servizzi tat-turiżmu u għall-protokolli tas-saħħa fi stabbilimenti tal-ospitalità — COVID-19 2020/C 169/01

C/2020/3251

OJ C 169, 15.5.2020, p. 1–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 169/1


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Gwida tal-UE biex jerġgħu jibdew progressivament is-servizzi tat-turiżmu u għall-protokolli tas-saħħa fi stabbilimenti tal-ospitalità — COVID-19

(2020/C 169/01)

I.   Introduzzjoni

1.

Fil-15 ta’ April 2020, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-President tal-Kunsill Ewropew, ippreżentat Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt (1) biex jitneħħew gradwalment il-miżuri ta’ konteniment dovuti għat-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jistabbilixxi l-kriterji u r-rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri dwar il-kundizzjonijiet biex jitneħħew il-miżuri u jiġi restawrat il-moviment liberu. Jenħtieġ li l-azzjoni tkun gradwali bil-ħtiġijiet ta’ tbegħid fiżiku u l-miżuri ta’ prevenzjoni u kontroll tal-infezzjonijiet bħala elementi ewlenin.

2.

Peress li s-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika qed tibda titjieb, l-Istati Membri qed jikkunsidraw li jneħħu “l-miżuri komunitarji ta’ restrizzjoni”. Dan imbagħad se jservi ta’ tħejjija għat-tħaffif sikur tal-miżuri preventivi u protettivi, b’mod partikolari r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar ġenerali.

3.

Bit-tneħħija eventwali tar-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet relatati mal-ivvjaġġar, huwa mistenni li gradwalment iċ-ċittadini se jerġgħu jibdew jivvjaġġaw domestikament u fl-UE.

4.

It-tneħħija tal-miżuri malajr wisq tista’ tikkawża li jerġgħu jfeġġu l-infezzjonijiet f’daqqa. Sakemm ikun hemm vaċċin disponibbli, il-ħtiġijiet u l-benefiċċji tal-ivvjaġġar u t-turiżmu jridu jintiżnu fil-konfront tar-riskju li jerġgħu jfeġġu l-każijiet, li jkun jeħtieġ l-introduzzjoni mill-ġdid tal-miżuri ta’ konfinament.

5.

Hekk kif titnaqqas l-istrettezza tal-miżuri tal-lockdown, se tkun meħtieġa l-akbar kunsiderazzjoni fir-rigward taż-żamma tal-miżuri tat-tbegħid fiżiku interpersonali, sabiex jissoktaw b’mod sikur l-attivitajiet turistiċi peress li dawn, min-natura tagħhom stess, jattiraw persuni minn żoni ġeografiċi differenti.

6.

Il-prijorità ewlenija tibqa’ l-protezzjoni tas-saħħa taċ-ċittadini, inklużi l-ħaddiema turistiċi u t-turisti.

7.

Il-gwida tistabbilixxi objettiv komuni u qafas mhux diskriminatorju għaċ-ċittadini, l-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji u l-partijiet ikkonċernati li joperaw fis-settur tat-turiżmu, biex jerġgħu jibdew gradwalment is-servizzi tat-turiżmu.

8.

Il-gwida tipprovdi kriterji u prinċipji għar-ritorn sikur u gradwali tal-attivitajiet turistiċi u għall-iżvilupp ta’ protokolli tas-saħħa għall-istabbilimenti tal-ospitalità.

9.

Il-gwida hija bbażata fuq il-parir taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC). (2) Din tibni fuq il-Pjan Direzzjonali Ewropew konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19 u jenħtieġ li tiġi implimentata flimkien miegħu. (3) Jenħtieġ li din tinqara flimkien mal-gwida maħruġa mill-Kummissjoni dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali (4), l-eżerċizzju tal-moviment ħieles tal-ħaddiema (5), il-miżuri tal-ġestjoni tal-fruntieri (6), il-passiġġieri u persuni oħra abbord il-bastimenti (7), kif ukoll ir-ritorn gradwali tas-servizzi ta’ trasport (8), u l-Komunikazzjoni “Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta’ moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni” (9). Fl-aħħar nett, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (OSHA) ippubblikat miżuri tas-sigurtà tas-saħħa okkupazzjonali ġenerali dwar ir-ritorn lejn il-postijiet tax-xogħol (10).

II.   Prinċipji għal ritorn sikur u gradwali tal-attivitajiet tat-turiżmu

10.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw bir-reqqa l-kriterji li ġejjin qabel jiddeċiedu dwar ir-rilassament possibbli tal-miżuri komunitarji stretti (11) sabiex jippermettu li jerġgħu jibdew l-attivitajiet turistiċi:

10.i

L-inċidenza tal-COVID-19 naqset għal livelli baxxi

Il-prerekwiżit ewlieni għar-rilassament tal-miżuri komunitarji ta’ restrizzjoni tal-COVID-19 u għat-tkomplija tal-attivitajiet tat-turiżmu huwa li jkun hemm evidenza epidemjoloġika li turi li l-firxa tal-marda naqset b’mod sinifikanti u ġiet stabbilizzata għal perjodu ta’ żmien sostnut, u x’aktarx se tibqa’ stabbli maż-żieda fil-popolazzjoni tat-turisti.

10.ii

Ikun hemm fis-seħħ kapaċità tas-sistema tas-saħħa suffiċjenti

Jeħtieġ li jkun hemm kapaċità tas-sistema tas-saħħa suffiċjenti għan-nies lokali u għat-turisti, sabiex f’każ ta’ żieda f’daqqa fil-każijiet, is-servizzi tal-kura primarja, tal-isptar u tal-kura intensiva ma jiġux mgħobbija żżejjed. Dan ikun partikolarment importanti fuq livell reġjonali, għal reġjuni turistiċi li jistgħu jistennew rati ogħla ta’ viżitaturi, bħal kumplessi turistiċi, żoni qrib il-bajjiet, postijiet ta’ referenza, eċċ., li mhux neċessarjament ikunu qrib l-infrastruttura tal-kura tas-saħħa. Iż-żoni turistiċi remoti jista’ jkollhom servizzi tal-kura tas-saħħa limitati u jekk ikun mistenni għadd addizzjonali konsiderevoli ta’ turisti, dawn jistgħu jkunu jeħtieġu mekkaniżmi ta’ rispons addizzjonali, bħal titjiriet ta’ evakwazzjoni medika, eċċ. Jenħtieġ li jiġu applikati l-linji gwida għall-kura tas-saħħa transfruntiera tal-każijiet tal-COVID-19 (12). Barra minn hekk, l-Istati Membri, li ċ-ċittadini jew ir-residenti tagħhom jiġu infettati waqt li jkunu fi Stati Membri oħra, jenħtieġ li jiffaċilitaw ir-ripatrijazzjoni ta’ tali persuni.

10.iii

Ikun hemm fis-seħħ sorveljanza u monitoraġġ robusti

Qabel jiġu rilassati l-miżuri, inkluż li jerġa’ jibda t-turiżmu, l-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ sistemi li jkunu jistgħu jissorveljaw u jirrispondu għall-bidliet fl-indikaturi tal-kapaċità tas-servizz tas-saħħa.

Jeħtieġ li jkun hemm żieda fil-kapaċità ta’ sorveljanza u ta’ monitoraġġ fil-livell lokali sabiex tiġi evitata l-introduzzjoni tal-virus minn dawk li jivvjaġġaw lejn ir-reġjuni turistiċi kif ukoll it-tixrid mill-popolazzjonijiet lokali għat-turisti, fejn applikabbli skont il-liġi tal-protezzjoni tad-data personali tal-UE.

10.iv

Ikun hemm fis-seħħ kapaċità tal-ittestjar

Kriterju kruċjali tal-Pjan Direzzjonali Ewropew konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19 huwa li jiġi żgurat ittestjar fuq skala kbira biex jiġu identifikati l-każijiet u biex jiġi ssorveljat it-tixrid tal-virus flimkien mat-traċċar tal-kuntatti u l-miżuri ta’ iżolament biex titnaqqas it-trażmissjoni. In-nuqqas tal-kapaċitajiet ta’ ttestjar inizjalment kien qed jostakola l-approċċi kbar ta’ skrinjar tal-popolazzjoni. Għall-identifikazzjoni bikrija tal-każijiet, l-ittestjar u d-dijanjosi rapidi huma essenzjali (13). Ikun aktar importanti li jiġi żgurat li l-viżitaturi wkoll ikollhom aċċess ugwali għall-ittestjar.

10.v

Ikun hemm fis-seħħ l-ittraċċar tal-kuntatti

L-ittraċċar tal-kuntatti huwa miżura ta’ saħħa pubblika effettiva u essenzjali għall-kontroll tal-COVID-19. L-għan huwa li jiġu identifikati u ġestiti fil-pront il-kuntatti tal-COVID-19 sabiex titnaqqas it-trażmissjoni ulterjuri. Jeħtieġ li tali traċċar tal-kuntatti jippermetti l-kondiviżjoni tal-informazzjoni rilevanti bejn il-pajjiżi fejn hemm turiżmu internazzjonali, inkluż l-istat ta’ tħejjija għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini, jekk dan ikun meħtieġ. Il-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri rigward l-ittraċċar tal-kuntatti se jkun importanti wkoll hekk kif jerġgħu jinfetħu l-fruntieri. Il-ġbir u l-ħżin ta’ data personali jridu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, inkluż ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika.

L-elementi prinċipali tat-traċċar tal-kuntatti huma deskritti fid-dettall fil-gwida riċenti taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) (14) u, fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, fil-Gwida dwar l-Apps li jgħinu fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 fir-rigward tal-protezzjoni tad-data (15)u l-Linji gwida tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (16). Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jippubblikaw protokoll dwar il-prinċipji tal-interoperabbiltà biex jiżguraw li l-apps volontarji tat-traċċar tal-kuntatti jkunu jistgħu jiffunzjonaw b’mod transfruntier u jkunu affidabbli kull fejn ikunu l-utenti tagħhom fl-Ewropa.

10.vi

Ikun hemm fis-seħħ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u komunikazzjoni

Huwa essenzjali li jkun hemm mekkaniżmi fis-seħħ li jiżguraw il-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-operaturi attivi fis-settur tat-turiżmu kif ukoll bejn il-gvernijiet lokali u nazzjonali/reġjonali fl-Istati Membri. Barra minn hekk, fejn jiġi permess it-turiżmu transkonfinali, il-koordinazzjoni transfruntiera, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni bl-użu ta’ kanali stabbiliti huma essenzjali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni fi żmien xieraq qabel iħabbru miżuri dwar ir-ritorn tat-traffiku transkonfinali tat-turiżmu u jqisu l-opinjonijiet tagħhom. Minbarra l-mekkaniżmi deskritti fil-Komunikazzjoni ta’ akkumpanjament dwar ir-ritorn tal-moviment liberu u t-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni, il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, il-Kumitat Konsultattiv għat-Turiżmu u kanali ta’ koordinazzjoni eżistenti oħra għat-trasport u l-ivvjaġġar jenħtieġ li jintużaw f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom.

Il-komunikazzjoni tar-riskju, inkluż permezz ta’ mezzi diġitali, għall-vjaġġaturi u t-turisti hija vitali wkoll u tiżgura li jkunu informati dwar il-kuntest lokali, il-miżuri li jridu jiġu segwiti fil-każ ta’ każijiet suspettati tal-COVID-19, kif għandhom jaċċessaw il-kura tas-saħħa, eċċ.

11.

Ir-rilassament tal-miżuri ta’ konteniment jenħtieġ li jkun ibbażat fuq ix-xjenza, bis-saħħa pubblika fiċ-ċentru tiegħu, u jenħtieġ li jiġi implimentat f’qafas koordinat fis-seħħ f’kull Stat Membru. Dan il-qafas ikkoordinat huwa l-bażi għall-ftuħ mill-ġdid tan-negozji u s-servizzi relatati mat-turiżmu. Minħabba l-istaġun tal-vaganzi tas-sajf li ġej, huwa kruċjali li jingħata parir sod dwar is-saħħa pubblika lin-negozji u lid-destinazzjonijiet turistiċi.

12.

Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika lokali jeħtieġ li titwettaq biex jiġi evalwat ir-riskju ġenerali tal-ftuħ mill-ġdid tal-attivitajiet turistiċi, sabiex tiġi evitata t-trażmissjoni mifruxa mit-turisti lejn il-popolazzjoni lokali u viċi versa.

13.

Il-pjanijiet ta’ tħejjija bi kriterji ċari jeħtieġ li jkunu fis-seħħ biex jerġgħu jiġu eskalati l-miżuri ta’ restrizzjoni mill-ġdid, jekk ikun meħtieġ.

14.

Ir-rakkomandazzjonijiet fil-Pjan Direzzjonali Konġunt Ewropew lejn it-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19 jinkludu prinċipji li għandhom rilevanza partikolari għas-settur tat-turiżmu; dawn jenħtieġ li jinżammu meta jerġa’ jissokta t-turiżmu.

15.

It-tneħħija tal-miżuri jenħtieġ li tkun gradwali. Jenħtieġ li miżuri aktar ġenerali jiġu sostitwiti b’miżuri aktar immirati, li jippermettu lis-soċjetajiet u lill-attivitajiet tat-turiżmu jissoktaw gradwalment, sakemm jiġu implimentati miżuri proporzjonati u effettivi biex jipproteġu s-saħħa tat-turisti u tal-ħaddiema.

16.

Jenħtieġ li r-ritorn lejn l-impjieg ikun organizzat f’konformità mal-“Gwida tal-UE għal ritorn sikur lejn il-post tax-xogħol” (17) u jenħtieġ li dan jagħti prijorità lil gruppi u setturi inqas ipperikolati li jistgħu jiffaċilitaw l-attività ekonomika, filwaqt li josservaw ir-regoli tas-sigurtà okkupazzjonali u tas-saħħa imposti mill-pandemija.

17.

Jenħtieġ li l-miżuri li jillimitaw is-servizzi tat-turiżmu, kif ukoll il-miżuri ta’ protezzjoni u prevenzjoni marbutin mas-saħħa, ikollhom ambitu u tul ta’ żmien limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Minbarra li jkunu oġġettivi u proporzjonati, jenħtieġ ukoll li l-miżuri kollha jkunu ġġustifikati kif xieraq, ikunu rilevanti, speċifiċi għal kull mezz u nondiskriminatorji u jenħtieġ li jżommu kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku.

18.

L-ECDC, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, qed jiżviluppa mappa (18) tal-livell tat-trażmissjoni tal-COVID-19 fil-livell sottonazzjonali u se jżommha aġġornata kontinwament. L-Istati Membri huma mistiedna jipprovdu data sabiex jiżguraw li din il-mappa tkun kompluta u aġġornata. Dan se jipprovdi benefiċċji fl-aspetti kollha tal-istrateġiji ta’ dieskalazzjoni (il-ftuħ/l-għeluq ta’ setturi ekonomiċi speċifiċi; l-evalwazzjoni ta’ strateġiji differenti ta’ ttestjar; l-evalwazzjoni tal-effettività tal-miżuri ta’ protezzjoni personali; eċċ.) Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mistiedna jipprovdu data aġġornata dwar il-kapaċità disponibbli fir-rigward tal-isptarijiet, l-ittestjar, is-sorveljanza u l-ittraċċar tal-kuntatti, u jippubblikaw kriterji għat-tneħħija u l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet. Il-mappa tat-trażmissjoni u l-miżuri ta’ akkumpanjament iservu bħala għodda trasparenti li tipprovdi informazzjoni fil-livell tal-UE biex tintuża mill-awtoritajiet, mill-operaturi tat-trasport u mill-partijiet ikkonċernati tat-turiżmu, kif ukoll miċ-ċittadini biex jieħdu deċiżjonijiet individwali responsabbli dwar il-pjanijiet tal-vaganzi tagħhom.

III.   Gwida tal-UE għall-protokolli tas-saħħa fl-istabbilimenti tal-ospitalità

19.

Din il-parti tal-gwida tipproponi prinċipji li jiggwidaw lill-Istati Membri fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ miżuri u protokolli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet fil-każ tal-fornituri tas-servizzi tal-ospitalità, bħal lukandi u stabbilimenti oħra tal-ospitalità, biex jiżguraw li l-istabbiliment turistiku jkun aktar sikur u biex jipproteġu s-saħħa tal-mistednin u tal-ħaddiema.

20.

Il-gwida għall-protokolli tas-saħħa mhijiex vinkolanti. Din għandha l-għan li tiżgura l-koerenza fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet permezz ta’ approċċ koordinat fi ħdan ir-reġjuni u l-Istati Membri.

21.

Minbarra r-rakkomandazzjonijiet u l-kunsiderazzjonijiet operazzjonali li ġejjin għall-ġestjoni tar-riskju tal-COVID-19 maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa rilevanti, b’mod partikolari l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) (19) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) (Anness), l-Istati Membri huma mistiedna jikkunsidraw din il-gwida filwaqt li jelaboraw il-protokolli rilevanti f’konformità mal-kundizzjonijiet nazzjonali/reġjonali/lokali speċifiċi tagħhom.

22.

Il-miżuri tas-saħħa pubblika fis-settur turistiku jeħtieġ li jikkonformaw mal-miżuri ġenerali applikati mill-awtoritajiet kompetenti u jqisu l-gwida dwar il-post tax-xogħol. (20) Jeħtieġ ukoll li tali miżuri jikkonformaw mal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni ta’ data (21)

23.

L-Istati Membri huma mistiedna jaħdmu mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati fl-elaborazzjoni ta’ miżuri u protokolli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, u jiżguraw li dawn il-protokolli jkunu mfassla apposta u jkunu proporzjonati mad-daqs u n-natura tas-servizz ipprovdut mill-istabbilimenti tal-ospitalità. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw li jipprovdu appoġġ fl-implimentazzjoni tagħhom.

24.

Jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni speċifika lill-miżuri u l-protokolli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet marbuta ma’ vaganza għal permanenza qasira u akkomodazzjoni oħra tal-ekonomija kollaborattiva. Din il-gwida u dawn il-prinċipji huma applikabbli b’mod sħiħ għal dawn it-tipi ta’ servizzi ta’ ospitalità u jenħtieġ li fl-ebda każ ma jkun hemm xi adattamenti u alternattivi għalihom li jikkompromettu s-saħħa tal-viżitaturi u jżidu r-riskju tat-trażmissjoni tal-virus.

25.

Il-miżuri li jipproteġu s-saħħa tal-mistednin u tal-ħaddiema fl-istabbilimenti tal-ospitalità jenħtieġ li jiġu evalwati mill-ġdid u aġġustati b’mod regolari, filwaqt li jitqies l-għarfien espert u l-kunsiderazzjonijiet kollha rilevanti, biex jibqgħu proporzjonati mal-livell attwali tal-ħtiġijiet tas-saħħa pubblika.

26.

Hekk kif isiru disponibbli soluzzjonijiet ġodda u aktar effiċjenti, jenħtieġ li l-użu tagħhom ikun preferut u jenħtieġ li jitwaqqfu miżuri inqas effiċjenti jew aktar ta’ piż. Il-prinċipju tal-kosteffettività jenħtieġ li jiġi rrispettat. Dan jimplika li, jekk ikun hemm diversi għażliet disponibbli biex jinkiseb l-istess effett f’termini li tiġi żgurata s-saħħa tal-mistednin u tal-ħaddiema, jenħtieġ li tkun preferuta dik li tiswa l-inqas flus, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs).

27.

Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati l-prinċipji ta’ gwida li ġejjin għall-iżvilupp ta’ miżuri u protokolli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet fl-istabbilimenti tal-ospitalità sabiex tiġi evitata t-trażmissjoni tal-COVID-19 u tiġi żgurata s-saħħa pubblika (minn hawn ’il quddiem “l-istabbilimenti”):

a)

Sitwazzjoni epidemjoloġika

Prekundizzjoni waħda sabiex terġa’ tissokta kwalunkwe attività turistika hija li l-inċidenza tal-COVID-19 tkun naqset għal livelli baxxi u l-kriterji l-oħra kollha dettaljati fit-Taqsima II. Il-gwida tal-UE dwar il-prinċipji għar-ritorn sikur u gradwali tat-turiżmu ta’ hawn fuq ġiet ikkunsidrata bir-reqqa.

b)

Is-saħħa u sigurtà tal-mistednin u tal-ħaddiema hija prijorità ewlenija

Sabiex jerġgħu jibdew jaħdmu s-servizzi tal-ospitalità, huwa essenzjali li l-mistednin li jużaw l-istabbiliment tal-ospitalità u l-ħaddiema li jipparteċipaw fl-għoti tas-servizz isegwu l-miżuri biex jipprevjenu l-infezzjoni u t-trażmissjoni tal-virus sal-massimu. Jenħtieġ li l-miżuri jiġu kkomunikati b’mod ċar, inkluż permezz ta’ mezzi diġitali, viżibbli u effettivi, kemm għall-mistednin kif ukoll għall-ħaddiema.

c)

Arranġamenti lokali

Jenħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni kostanti bejn l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika lokali u/jew nazzjonali u l-fornituri tas-servizzi tal-ospitalità biex jiġi żgurat li l-aktar regoli u regolamenti riċenti f’żona ġeografika partikolari jiġu kondiviżi, applikati u l-implimentazzjoni tagħhom tiġi ssorveljata.

d)

Pjan ta’ azzjoni f’każ ta’ infezzjoni

Jenħtieġ li l-istabbilimenti jkollhom pjan ta’ tħejjija li jinkludi azzjonijiet li għandhom jittieħdu f’każ ta’ infezzjoni fl-istabbiliment, li jkopru l-perjodi mid-deċiżjoni li jinfetħu mill-ġdid sa 14-jum wara li l-mistednin telqu mill-istabbiliment. Pjan ta’ azzjoni speċifiku li jagħti dettalji dwar ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-persunal jenħtieġ li jiġi ppreżentat lill-persunal kollu u jkun disponibbli l-ħin kollu.

e)

Taħriġ

Il-persunal kollu li jaħdem f’faċilitajiet turistiċi jenħtieġ li jkun konxju mis-sintomi tal-COVID-19 u jkun informat dwar il-miżuri bażiċi ta’ prevenzjoni u kontroll tal-infezzjonijiet (IPC). Il-persunal jenħtieġ li jiġi mħarreġ dwar il-miżuri u l-azzjonijiet tal-IPC li jridu jittieħdu f’każ li l-mistednin ikollhom sintomi li jkunu kompatibbli mal-COVID-19, jew f’każ li huma stess ikollhom dawn is-sintomi.

f)

Ġestjoni tal-persunal

Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati miżuri li jnaqqsu l-preżenza tal-persunal fl-istabbiliment, bħal pereżempju x-xogħol mid-dar għall-persunal kollu li jwettaq dmirijiet li jistgħu jkunu kompatibbli mat-telexogħol.

Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati miżuri li jnaqqsu l-għadd ta’ kuntatti fiżiċi u l-ħin tal-kuntatti fiżiċi bejn il-persuni fl-istabbiliment, inkluż ix-xogħol bix-xift, ix-xiftijiet fil-ħin tal-ikel, l-użu tat-telefowns u l-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi.

g)

Informazzjoni għall-mistednin

Il-mistednin jenħtieġ li jirċievu l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod aċċessibbli, inkluż permezz ta’ mezzi diġitali, kemm qabel ma jaslu fil-post tal-istabbiliment tal-ospitalità u anki meta jkunu fih, dwar il-gwida attwali kollha li tingħata mill-awtoritajiet lokali tas-saħħa pubblika, kif ukoll dwar il-miżuri speċifiċi li jiddaħħlu fis-seħħ u jaffettwaw il-wasla, is-soġġorn u t-tluq tagħhom.

Il-mistednin jenħtieġ li jiġu informati permezz ta’ sinjalar speċifiku (infografiċi ta’ informazzjoni, inkluż adattamenti għall-mistednin b’vista batuta) qabel id-dħul tal-istabbiliment tas-sinjali u s-sintomi tal-COVID-19, x’għandhom jagħmlu f’każ li jiżviluppaw sintomi matul is-soġġorn tagħhom jew fi żmien 14-jum wara t-tluq tagħhom. L-istabbiliment jista’ jipprovdi wkoll fuljetti b’din l-informazzjoni.

Jenħtieġ li l-istabbilimenti jiżguraw li d-dettalji ta’ kuntatt tal-mistednin ikunu disponibbli f’każ li jkunu meħtieġa għall-ittraċċar tal-kuntatti. Il-miżuri tat-traċċar tal-kuntatti jenħtieġ li jkunu strettament limitati għall-finijiet tal-indirizzar tat-tifqigħa tal-COVID-19 u stabbiliti f’konformità mas-sett ta’ għodod komuni tal-UE tan-Netwerk tas-Saħħa elettronika fuq l-applikazzjonijiet li jappoġġaw it-traċċar tal-kuntatti fil-ġlieda tal-UE kontra l-COVID-19 (22) u l-Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjonijiet (23), li jiżguraw l-ogħla livell ta’ privatezza u protezzjoni tad-data personali.

h)

Tbegħid fiżiku u iġjene

L-istabbiliment jenħtieġ li jistabbilixxi miżuri mmirati biex jiġi żgurat li jinżamm it-tbegħid fiżiku fiż-żoni komunali fejn il-mistednin x’aktarx jinġabru għal perjodi twal ta’ żmien (jiġifieri aktar minn 15-il minuta), bħal pereżempju billi jistabbilixxu numru massimu ta’ mistednin permessi f’kull faċilità komuni (jiġifieri ristoranti, kafetteriji, ħwienet tax-xorb, lobby). L-allokazzjoni tal-islots jew id-disponibbiltà (diġitali) tal-prenotazzjoni ta’ slots għall-ħinijiet tal-ikel jew taż-żjarat f’pixxini jew f’gyms jenħtieġ li jiġu kkunsidrati.

Fejn it-tbegħid fiżiku ma jkunx jista’ jiġi osservat, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati miżuri alternattivi biex jiġu protetti l-mistednin u l-ħaddiema, bħall-użu ta’ pannelli tal-ħġieġ jew tal-plastik għall-kaxxiera, l-użu ta’ maskri, eċċ.

Fil-prinċipju, jenħtieġ li tiġi applikata distanza ta’ 1,5 sa 2 metri fiż-żoni komunali tal-istabbiliment sħiħ (ħlief għall-persuni li jivvjaġġaw flimkien u jaqsmu l-kmamar), flimkien ma’ miżuri oħra (eż. bl-użu ta’ maskra), fejn dan ma jkunx possibbli.

Għaż-żoni fil-miftuħ (bajjiet, pixxini, kafetteriji, ħwienet tax-xorb, ristoranti, eċċ.) u għas-servizz fil-miftuħ, jenħtieġ li jsiru arranġamenti speċjali biex ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri ta’ tbegħid fiżiku u ta’ iġjene speċjali. Jenħtieġ ukoll li żoni fuq ġewwa bħal spas u pixxini jaderixxu ma’ miżuri stretti ta’ iġjene. Jenħtieġ li kull stabbiliment jikkunsidra bir-reqqa jekk il-faċilitajiet speċifiċi (eż. il-faċilitajiet tal-kura tat-tfal) jenħtieġx li jibqgħu magħluqin. Avvenimenti fuq skala akbar eż. l-kunċerti jenħtieġ li jiġu posposti.

L-arranġamenti speċjali għas-servizzi tat-trasport ipprovduti mill-istabbiliment, bħalma huma x-xarabanks, jeħtieġ li jiġu implimentati skont il-linji gwida dwar ir-restawr progressiv tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività (24).

i)

Miżuri ta’ prevenzjoni u kontroll tal-infezzjonijiet (miżuri IPC)

Minbarra t-tbegħid fiżiku, il-miżuri ta’ protezzjoni personali speċifiċi u l-protokolli ta’ tindif u diżinfettar iridu jiġu kkunsidrati, ikkomunikati lill-persunal u lill-mistednin, u implimentati.

Dawn il-miżuri jinkludu:

i)

Etikett respiratorja:

jenħtieġ li tiġi kkomunikata u segwita etikett respiratorja stretta (sogħla jew għatis f’tixju jew fil-liwja tal-minkeb) mill-mistednin u mill-membri tal-persunal. Jenħtieġ li l-istabbilimenti jiżguraw id-disponibbiltà tat-tixjus u tal-kontenituri taż-żibel.

ii)

Iġjene tal-idejn:

l-iġjene tal-idejn hija miżura ta’ kontroll essenzjali u jenħtieġ li tiġi kkomunikata lill-klijenti u lill-ħaddiema permezz tal-infografiċi informattivi f’oqsma/faċilitajiet ewlenin (eż. fl-entrati, fit-toilets, viċin il-kaxxier, eċċ.). Jenħtieġ li l-istabbilimenti jiżguraw aċċess faċli għall-faċilitajiet tal-ħasil tal-idejn bis-sapun, bl-użu ta’ karti ta’ użu uniku jew permezz ta’ apparat awtomatiku li jnixxef l-idejn, u likwidi abbażi tal-alkoħol għall-ħasil tal-idejn.

iii)

Użu tal-maskri tal-wiċċ:

L-użu tal-maskri tal-wiċċ mill-persunal u mill-mistednin jenħtieġ li jiġi kkunsidrat biss bħala miżura komplementari, mhux bħala waħda li tissostitwixxi l-miżuri preventivi ewlenin. L-użu xieraq tal-maskri tal-wiċċ huwa importanti u jenħtieġ li jiġi kkomunikat lill-klijenti u lill-persunal.

iv)

Ventilazzjoni:

Huwa rrrakkomandat li jiżdied l-għadd ta’ kemm-il darba tinbidel l-arja kull siegħa, kif ukoll li kemm jista’ jkun tidħol arja ta’ barra, jew bil-ventilazzjoni naturali jew b’dik mekkanika, skont l-istabbiliment. Qed jiġi rrakkomandat li tiżdied il-ventilazzjoni tal-kmamar għal mill-inqas siegħa wara li l-mistieden jagħmel check-out.

v)

Tindif u diżinfettar:

Huwa essenzjali t-tindif frekwenti tal-uċuħ li jintmessu ta’ spiss (mill-inqas darba kuljum u jekk ikun possibbli b’mod aktar frekwenti). Eżempji ta’ dawn l-uċuħ huma l-pumi u l-manek tal-bibien, is-siġġijiet u l-armrests, l-uċuħ tal-imwejjed, l-iswiċċijiet tad-dawl, il-poġġamani tat-taraġ, il-viti tal-ilma, il-buttuni tal-lifts, l-uċuħ tal-bars, eċċ. Jenħtieġ li l-persunal jiġi informat dwar il-proċedura tat-tindif wara ċ-check out u li jwettaqha, kif ukoll dwar it-trattament tat-tagħmir tat-tindif, il-ġestjoni tal-iskart, il-ħasil tal-ħwejjeġ u l-iġjene personali wara t-tindif.

j)

Infezzjonijiet potenzjali fost il-mistednin jew il-persunal

F’każ li jkun hemm każ suspettat tal-COVID-19 fost il-mistednin jew il-membri tal-persunal waqt ix-xogħol, l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni deskritt fil-punt d) jenħtieġ li ssegwi l-gwida rilevanti mill-ECDC (Anness) u l-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali u lokali, fir-rigward ta’:

i)

Il-miżuri ta’ iżolament u ta’ tbegħid li għandhom jiġu applikati għall-persuna potenzjalment infettata.

ii)

Il-proċedura, ibbażata fuq il-liġi nazzjonali, biex jiġu nnotifikati s-servizzi mediċi fid-dawl tal-parir mediku, l-ittestjar jew ir-rilokazzjoni potenzjali lejn faċilità medika.

iii)

Il-proċedura, ibbażata fuq il-liġi nazzjonali, biex jiġu nnotifikati l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika lokali u l-attivitajiet potenzjali ta’ traċċar tal-kuntatti.

iv)

Il-proċeduri ta’ tindif u d-diżinfettar neċessarji li jridu jitwettqu.

v)

Il-kooperazzjoni neċessarja u l-informazzjoni rigward il-mistednin l-oħra jew il-membri tal-persunal li setgħu kienu f’kuntatt mal-każ fl-istabbiliment minn jumejn qabel sa 14-il jum wara l-bidu tas-sintomi tal-każ.

28.

Il-prinċipji gwida ta’ hawn fuq għandhom jiġu meqjusa flimkien mar-rakkomandazzjonijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard fl-Anness.

IV.   Konklużjoni

29.

L-Istati Membri huma mħeġġa jikkondividu din il-gwida mal-awtoritajiet kompetenti fil-livell reġjonali/lokali.

30.

Il-partijiet ikkonċernati fil-qasam tat-turiżmu, bħall-assoċjazzjonijiet professjonali u l-pjattaformi tat-turiżmu online huma mħeġġa jxerrdu din il-gwida u jqajmu kuxjenza dwarha.

31.

L-Istati Membri huma mistiedna jikkooperaw kontinwament mal-ECDC biex jiġi żgurat li l-mappa tat-trażmissjoni, imsemmija fil-punt 18 hawn fuq, isservi bħala għodda trasparenti li tipprovdi informazzjoni fil-livell tal-UE għall-użu mill-awtoritajiet, mill-operaturi tat-trasport u mill-partijiet ikkonċernati fil-qasam tat-turiżmu.

32.

L-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw li jagħtu appoġġ lill-istabbilimenti tal-ospitalità, u b’mod aktar ġenerali, lill-istabbilimenti li jipprovdu servizzi turistiċi, fl-implimentazzjoni ta’ din il-gwida u l-miżuri u l-protokolli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet u li jissorveljaw li dawn jaderixxu magħhom. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-fondi nazzjonali u l-fondi tal-UE disponibbli.

33.

Abbażi ta’ din il-gwida, il-Kummissjoni tista’ tkompli tikkoordina mal-Istati Membri biex jintlaħaq approċċ koerenti lejn miżuri u protokolli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet fl-istabbilimenti tal-ospitalità u tat-turiżmu fl-UE.

34.

Jenħtieġ li din il-gwida tiffaċilita lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati tat-turiżmu fl-iżvilupp ta’ miżuri u protokolli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet aktar speċifiċi f’konformità ma’ din il-gwida u fil-monitoraġġ tal-konformità magħhom, u b’hekk jissaħħu l-kundizzjonijiet għan-negozji biex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi.

35.

Il-Kummissjoni se toħloq sit web iddedikat b’mappa interattiva li tikkombina l-informazzjoni mill-Istati Membri u mill-industrija turistika u tal-ivvjaġġar, inkluża informazzjoni dwar il-protokolli nazzjonali jew settorjali u l-iskemi ta’ konformità.

36.

Biex tappoġġa lill-Istati Membri, il-Kummissjoni se tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki, fost l-oħrajn, permezz tal-Kumitat Konsultattiv għat-Turiżmu.

37.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, mal-partijiet ikkonċernati tat-turiżmu u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali biex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ din il-gwida.

(1)  Il-Kummissjoni Ewropea (KE) Il-Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:OJ.C_.2020.126.01.0001.01.MLT&toc=OJ:C:2020:126:TOC

(2)  Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà: Din il-gwida tipprovdi kunsiderazzjonijiet, mill-perspettiva tas-saħħa pubblika, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-COVID-19 għas-settur turistiku. Dan jinkludi kunsiderazzjonijiet għall-klijenti fil-perjodu ta’ qabel, matul u wara s-soġġorn tagħhom f’post partikolari u għall-persunal u filwaqt li jkunu f’ristoranti, ħwienet tal-kafè, jew ħwienet tax-xorb b’rabta mat-turiżmu. Dan ma jinkludix iż-żona tal-parks tematiċi jew ta’ divertiment, il-mużewijiet jew il-kruċieri fost oħrajn. Din il-gwida hija indikattiva ta’ approċċ li huwa rrakkomandat li jittieħed mis-settur tat-turiżmu filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-ispeċifiċitajiet ta’ stabbilimenti tat-turiżmu madwar l-UE/ŻEE.

(3)  ĠU C 126, 17.4.2020, p. 1.

(4)  COM(2020) 115 final, COM(2020) 148 final, u C(2020) 2050 final (ĠU C 102 I , 30.3.2020, p. 12).

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida dwar l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema matul it-tifqigħa tal-COVID-19 2020/C 102 I/03

(6)  C(2020) 1753 final (ĠU C 86 I, 16.3.2020, p. 1).

(7)  C(2020) 3100 final (ĠU C 119 I, 14.4.2020, p. 1).

(8)  C(2020) 3139

(9)  C(2020) 3250

(10)  COVID-19: LURA LEJN IL-POST TAX-XOGĦOL - L-adattament tal-postijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ħaddiema, https://osha.europa.eu/en/publications/covid-19-back-workplace-adapting-workplaces-and-protecting-workers/view

(11)  Kif deskritt miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard fil-valutazzjoni rapida tar-riskju tiegħu tat-23 ta’ April 2020: https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/rapid-risk-assessment-coronavirus-disease-2019-covid-19-pandemic-ninth-update

(12)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/guidelines_on_eu_emergency_assistance_in_cross-bordercooperationin_heathcare_related_to_the_covid-19_crisis.pdf

(13)  Fil-preżent, ma ġie vvalidat u rrakkomandat għall-użu l-ebda test rapidu għas-sejbien tas-SARS-CoV-2 għal skopijiet dijanjostiċi.

(14)  https://www.ecdc.europa.eu/en/covid-19-contact-tracing-public-health-management.

(15)  C(2020) 2523 finali tas-16.4.2020.

(16)  https://edpb.europa.eu/our-work-tools/our-documents/guidelines/guidelines-042020-use-location-data-and-contact-tracing_en

(17)  Il-coronavirus: Gwida tal-UE biex nerġgħu lura fuq il-post tax-xogħol b’moħħna mistrieħ https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/ip_20_729

(18)  https://covid-statistics.jrc.ec.europa.eu

(19)  http://www.euro.who.int/en/health-topics/health-emergencies/coronavirus-covid-19/publications/2020/operational-considerations-for-covid-19-management-in-the-accommodation-sector-interim-guidance,-31-march-2020

(20)  Il-coronavirus: Gwida tal-UE biex nerġgħu lura fuq il-post tax-xogħol b’moħħna mistrieħ

https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_729

Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol COVID-19: guidance for the workplace [COVID-19: gwida dwar il-post tax-xogħol] [Internet]. [aġġornata fl-20 ta’ April 2020; ċitat fl-4 ta’ Mejju 2020]. Disponibbli minn: https://oshwiki.eu/wiki/COVID-19:_guidance_for_the_workplace#See

(21)  Ara wkoll id-dikjarazzjoni tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB), https://edpb.europa.eu/sites/edpb/files/files/file1/edpb_statement_2020_processingpersonaldataandcovid-19_en.pdf

(22)  https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/ehealth/docs/covid-19_apps_en.pdf

(23)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għal Gwida dwar l-Applikazzjonijiet li jappoġġaw il-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID 19 b’rabta mal-protezzjoni tad-data (ĠU C 124 I, 17.4.2020, p. 1).

(24)  C(2020) 3139.


ANNESS

Rakkomandazzjonijiet Ġenerali miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-settur tat-turiżmu, b’mod partikolari l-istabbilimenti tal-ospitalità

Arranġamenti lokali

Il-miżuri tas-saħħa pubblika fis-settur tat-turiżmu jeħtieġ jikkonformaw mal-miżuri ġenerali applikati mill-awtoritajiet lokali u nazzjonali, u jeħtieġ iqisu l-gwida dwar il-post tax-xogħol (1). Tali miżuri fis-seħħ fis-settur tat-turiżmu jeħtieġ ikunu mill-anqas stretti daqs ir-rakkomandazzjonijiet għall-pubbliku ġenerali.

Jenħtieġ li jkun hemm djalogu kostanti bejn l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika lokali u/jew nazzjonali u l-postijiet ta’ akkomodazzjoni biex jiġi żgurat li r-regoli u r-regolamenti l-aktar riċenti f’żona ġeografika partikolari jiġu kondiviżi u applikati — inkluż:

Arranġamenti speċifiċi għall-mistednin, inklużi mistednin minn pajjiżi oħra biex jiksbu parir u trattament mediku li jinkludi l-aċċess għall-kura ambulatorja u fl-isptar, fil-każ li juru sintomi assoċjati mal-COVID-19.

Il-ħtieġa li s-sidien tal-postijiet ta’ akkomodazzjoni jiġbru informazzjoni metikoluża dwar id-dettalji ta’ kuntatt li jistgħu jkunu utli għall-investigazzjonijiet dwar is-saħħa pubblika fil-każ li jinqala’ każ fil-post ta’ akkomodazzjoni.

Komunikazzjoni tar-riskju u taħriġ

Pjan ta’ azzjoni

L-istabbilimenti jenħtieġ li jkollhom pjan ta’ tħejjija li jinkludi azzjonijiet li jeħtieġ jittieħdu u li jkopru l-perjodi li ġejjin:

Meta tittieħed id-deċiżjoni għall-ftuħ mill-ġdid u qabel ma jaslu l-mistednin. Din il-fażi se tinkludi l-għoti tal-informazzjoni u t-taħriġ lill-persunal, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni tal-infezzjonijiet fil-faċilità u t-tip ta’ informazzjoni li trid tingħata lill-klijenti qabel jaslu;

Il-perjodu li fih il-mistednin ikunu se joqogħdu fl-istabbilimenti, minn meta jipprenotaw, mid-dħul tagħhom fl-istabbiliment sal-ħruġ;

Sa 14-il jum wara li l-mistednin ikunu telqu mill-istabbiliment.

Jenħtieġ li jiġi ppreżentat pjan ta’ azzjoni speċifiku lill-persunal kollu li jispjega d-dettalji tar-rwol u r-responsabbiltajiet tal-persunal u għandu jkun disponibbli l-ħin kollu.

Taħriġ u ġestjoni tal-persunal

Taħriġ:

Jenħtieġ li l-persunal kollu li jaħdem f’faċilitajiet turistiċi jkun konxju mis-sintomi tal-COVID-19 (eż. deni, sogħla, uġigħ fil-griżmejn, eċċ.) u jkun informat dwar il-miżuri bażiċi għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet (IPC).

Kif definit mill-awtoritajiet tas-saħħa lokali, il-persunal li jkunu huma stess każijiet tal-COVID-19, jew li jkollhom il-membri tad-dar tagħhom ikkonfermati bħala każijiet, jenħtieġ li ma jidħlux lura fil-post tax-xogħol matul il-perjodu infettiv: għall-każijiet ħfief normalment sa 8 ijiem wara li jkunu bdew jinħassu s-sintomi.

Il-persunal li jkun qed jesperjenza sintomi kompatibbli mal-COVID-19 ma għandux jidħol lura fuq il-post tax-xogħol, għandu jawtoiżola, u jenħtieġ li jingħata parir li jsegwi l-gwida lokali dwar is-saħħa pubblika u jfittex assistenza medika jekk is-sintomi jmorru għall-agħar skont il-gwida lokali.

Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati t-taħriġ speċifiku għall-persunal dwar il-miżuri IPC u l-azzjonijiet li jridu jittieħdu fil-każ ta’ mistednin li jippreżentaw sintomi kompatibbli mal-COVID-19.

Ġestjoni:

Il-membri tal-persunal anzjani u l-persunal b’kundizzjonijiet mediċi kroniċi predisposti (bħall-mard tal-qalb, il-mard tal-pulmun, l-immunodefiċjenza, it-trattament riċenti għall-kanċer) li huwa magħruf li jinsabu f’riskju ogħla li jiġu infettati bil-COVID-19, fejn ikun possibbli, jenħtieġ li jingħataw attivitajiet li jnaqqsu l-kuntatt mal-mistednin.

Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati miżuri li jnaqqsu l-għadd tal-persunal fl-istabbiliment, bħal pereżempju x-xogħol mid-dar għall-persunal kollu li jwettaq dmirijiet li jistgħu jkunu kompatibbli mat-telexogħol.

Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati miżuri li jnaqqsu l-għadd ta’ kuntatti fiżiċi u l-ħin tal-kuntatti fiżiċi bejn il-persuni fl-istabbiliment, inkluż ix-xogħol bix-xift, ix-xiftijiet fil-ħin tal-ikel, l-użu tat-telefowns u l-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi.

Informazzjoni għall-mistednin

Qabel il-wasla f’post ta’ akkomodazzjoni, jenħtieġ li l-mistednin jingħataw informazzjoni dwar il-gwida attwali mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika lokali u l-miżuri speċifiċi li jkunu fis-seħħ fil-post ta’ akkomodazzjoni. Jenħtieġ li l-mistednin jiġu informati li jenħtieġ li jipposponu s-soġġorn tagħhom jekk ikollhom sintomi kompatibbli mal-COVID-19 jew jekk ikunu ġew f’kuntatt ma’ persuna bil-COVID-19 jew b’sintomi li jissuġġerixxu l-COVID-19 fl-14-il jum qabel iż-żjara ppjanata tagħhom.

Jenħtieġ li jkun hemm sinjali speċifiċi (infografiċi ta’ informazzjoni) jew informazzjoni oħra aċċessibbli, inklużi verżjonijiet adattati għall-mistednin neqsin mid-dawl quddiem l-entrata tal-post ta’ akkomodazzjoni li jinfurmaw lill-mistednin dwar is-sinjali u s-sintomi tal-COVID-19 u jenħtieġ li jagħtuhom struzzjonijiet dwar x’għandhom jagħmlu fil-każ li jiżviluppaw is-sintomi. L-akkomodazzjoni tista’ wkoll tipprovdi fuljetti b’din l-informazzjoni.

Mat-tluq, il-mistednin huma espliċitament mitluba jinnotifikaw minnufih il-post ta’ akkomodazzjoni jekk jiżviluppaw sintomi assoċjati mal-COVID-19, jew jekk ikollhom riżultat pożittiv għat-test tal-COVID-19, fi żmien 14-il jum wara t-tluq.

Jiżguraw li d-dettalji ta’ kuntatt tal-mistednin ikunu disponibbli f’każ li jkunu meħtieġa għat-traċċar tal-kuntatti.

It-tbegħid fiżiku

It-trażmissjoni tas-SARS-CoV-2 isseħħ prinċipalment minn qatriet respiratorji u kuntatt dirett ma’ nies infettati, u kuntatt indirett ma’ wċuħ jew oġġetti kkontaminati (fomiti) fl-ambjent immedjat. Il-qatriet respiratorji kbar jimxu madwar metru man-nifs, 1,5 metri meta wieħed jitkellem u żewġ metri mas-sogħla (2).

Jenħtieġ li l-istabbiliment jiżgura li jinżamm it-tbegħid fiżiku skont l-aħħar gwida f’żoni komunali fejn il-mistednin aktarx li jinġabru għal perjodi ta’ żmien itwal (eż. għal aktar minn kwarta).

Il-mistednin li jkunu qed jivvjaġġaw flimkien u li jaqsmu l-kmamar ma għandhomx għalfejn jintalbu jżommu d-distanza fiżika bejniethom.

Meta ma jkunx jista’ jiġi ggarantit tbegħid fiżiku, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati miżuri speċifiċi biex jiġi evitat it-tixrid ta’ qtar bħal fir-receptions bl-użu ta’ pannelli għoljin tal-ħġieġ jew tal-plastik.

Il-faċilitajiet turistiċi, inklużi l-lukandi u r-ristoranti, jenħtieġ li jistabbilixxu għadd massimu ta’ mistednin li jkun permess f’kull faċilità u spazju li jiggarantixxi t-tbegħid fiżiku meħtieġ. Jenħtieġ li l-għadd massimu ta’ mistednin ma jinqabiżx.

L-avvenimenti għal skopijiet ta’ divertiment jenħtieġ li jiġu posposti jew ikkanċellati, ladarba ma jkunx jista’ jiġi ggarantit it-tbegħid fiżiku.

Għandhom jiġu kkunsidrati arranġamenti speċjali għat-trasport tal-ġarr biex ikun żgurat it-tbegħid fiżiku.

Miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet

In-negozji fis-settur tat-turiżmu ġeneralment joffru prodotti u servizzi fejn jinġabru n-nies f’ambjenti fil-magħluq (lukandi, ristoranti, kafetteriji) u fil-miftuħ (siti tal-ikkampjar, bajjiet, pixxini) għal perjodi ta’ żmien twal, fejn tikber il-possibbiltà li jiġi trażmess il-virus. Jeħtieġ jiġu kkunsidrati u implimentati t-tbegħid fiżiku kif ukoll miżuri speċifiċi għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet (miżuri protettivi personali u protokolli tat-tindif u tad-diżinfettar) fl-ambjenti kollha fejn jistgħu jinġabru n-nies (3). Fost il-miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet insibu:

Etikett respiratorja

Jenħtieġ li tiġi segwita etikett respiratorja stretta: meta persuna tagħtas jew tisgħol, jenħtieġ li tgħatti ħalqha u mneħirha. Wieħed jenħtieġ li jkollu dejjem fil-viċin tixjus nodfa tal-karti.

It-tixju tal-karti jenħtieġ li jintremew minnufih kif jintużaw, idealment f’laned taż-żibel bil-għatu, u wieħed jenħtieġ li jaħsel/inaddaf idejh mill-ewwel kif suppost.

Jekk wieħed ma jkollux tixjus tal-karti, huwa rrakkomandat li jisgħol jew jagħtas ġewwa minkbu.

L-iġjene tal-idejn

L-iġjene tal-idejn hija miżura ta’ kontroll essenzjali biex titnaqqas il-firxa tal-COVID-19.

Wieħed jenħtieġ li faċilment ikollu aċċess biex jaħsel idejh bis-sapun, isib srievet tal-karti ta’ użu uniku jew apparat awtomatiku li jnixxef, u likwidi abbażi tal-alkoħol li wieħed jogħrok fuq idejh (li jkollhom mill-inqas 70 % alkoħol).

Jenħtieġ li jkun hemm sinjali (infografiċi ta’ informazzjoni) li jippromwovu l-importanza tal-iġjene tal-idejn u jispjegaw kif wieħed iżomm iġjene effettiva tal-idejn f’żoni differenti (eż. fl-entrati, fit-toilets, viċin il-kaxxier, eċċ.) ta’ kull faċilità turistika.

Jenħtieġ li wieħed jaħsel idejh ta’ spiss.

L-użu tal-maskri tal-wiċċ

L-użu ta’ maskri tal-wiċċ mediċi jew mhux mediċi u improvvizzati minn persunal u mistednin fil-faċilitajiet tat-turiżmu jista’ jitqies bħala mezz ta’ kontroll tas-sors (jiġifieri biex jiġi evitat it-tixrid tal-qtar minn nies infettati li juru sintomi jew li ma juruhomx) (4).

L-użu tal-maskri tal-wiċċ jenħtieġ li jiġi kkunsidrat biss bħala miżura komplementari, mhux bħala waħda li tissostitwixxi l-miżuri preventivi ewlenin.

L-użu xieraq tal-maskri tal-wiċċ huwa importanti. Il-maskra tal-wiċċ jenħtieġ tgħatti kompletament il-wiċċ mill-għadma tal-imnieħer sal-geddum.

Jenħtieġ li tkun disponibbli informazzjoni dwar l-użu xieraq tal-maskri tal-wiċċ, li tenfasizza l-importanza li wieħed jaħsel idejh bis-sapun u bl-ilma jew li jogħrok idejh bil-likwidi abbażi ta’ alkoħol qabel ma jilbes il-maskra tal-wiċċ u wara li jneħħiha.

Il-maskri tal-wiċċ mediċi u mhux mediċi huma aċċettabbli f’ambjenti komunitarji, meta wieħed iqis il-kwistjonijiet ta’ disponibbiltà u diment li jiġi żgurat li l-maskri tal-wiċċ mediċi jingħataw prijorità biex jintużaw f’ambjenti ta’ kura tas-saħħa.

L-użu ta’ respiraturi bil-parti ta’ mal-wiċċ filtranti (FFP) mhuwiex irrakkomandat f’konfigurazzjonijiet komunitarji, peress li dawn iridu jitħallew biex jintużaw bi prijorità fl-ambjenti tal-kura tas-saħħa.

Ventilazzjoni

Il-ventilazzjoni batuta ta’ postijiet magħluqa hija relatata ma’ żieda fit-trażmissjoni ta’ infezzjonijiet respiratorji (5). Il-mod primarju ta’ trażmissjoni għall-COVID-19 huwa maħsub li jseħħ permezz ta’ qatriet respiratorji. Ir-rwol tal-aerosols fit-trażmissjoni ta’ COVID-19 li kapaċi jdumu aktar fl-arja għadu mhux ċar, u għalhekk ir-rwol relattiv tal-ventilazzjoni għall-prevenzjoni tat-trażmissjoni tal-COVID-19 mhuwiex definit sew. Madankollu, diversi każijiet ta’ trażmissjoni tal-COVID-19 ġew marbuta mal-preżenza tiegħu fi spazji magħluqa (6). Aktar ma tinbidel l-arja fis-siegħa u aktar ma tkun kbira l-provvista ta’ arja friska aktarx li aktar jonqos ir-riskju potenzjali ta’ trażmissjoni ta’ aerosols, u dan jista’ jinkiseb permezz tal-ventilazzjoni naturali jew mekkanika, skont l-istabbiliment (7).

Meta jintużaw sistemi ta’ ventilazzjoni mekkaniċi, il-manutenzjoni tas-sistemi ta’ ventilazzjoni artifiċjali, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mat-tindif u t-tibdil tal-filtri, skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur hija essenzjali.

Tindif u diżinfettar

Fil-kuntest tal-pandemija COVID-19, it-tindif xieraq u d-diżinfettar huma importanti (8).

Jenħtieġ li l-uċuħ li jintmessu ta’ spiss jitnaddfu kemm jista’ jkun spiss (mill-inqas kuljum u jekk jista’ jkun aktar frekwenti). Eżempji ta’ dawn l-uċuħ huma: l-pumi u l-istangi tal-bibien, is-siġġijiet u l-armrests, l-uċuħ tal-imwejjed, l-iswiċċijiet tad-dawl, il-poġġamani tat-taraġ, il-viti tal-ilma, il-buttuni tal-lifts, eċċ.

Is-sopravivenza tal-virus fuq l-uċuħ tiddependi mill-materjal tal-wiċċ, bl-iqsar sopravivenza rrapportata fuq ir-ram (9).

Huwa rrakkomandat tindif bir-reqqa b’deterġenti standard u ventilazzjoni aktar ta’ spiss tal-kmamar għal mill-inqas siegħa wara li jkunu ħarġu l-mistednin.

Id-deterġenti standard huma biżżejjed għat-tindif tar-rutina.

It-tagħmir tat-tindif jenħtieġ li jitnaddaf kif suppost kull darba li jintużaw għat-tindif.

Jenħtieġ li wieħed jaħsel idejh wara li jkun spiċċa jnaddaf.

Għandhom jiġu segwiti l-proċeduri standard għall-ġestjoni tal-iskart. Il-materjal ta’ skart prodott waqt it-tindif jenħtieġ li jitqiegħed maż-żibel mhux magħżul.

Għandhom jiġu segwiti l-proċeduri standard għall-ħasil tal-friex, tax-xugamani u l-bjankerija tal-mejda.

Meta jkun hemm suspett li persuna hija infettata bil-COVID-19: ittestjar, traċċar tal-kuntatti, iżolament u kwarantina

Fil-mument li jkun hemm suspett ta’ każ tal-COVID-19 fost il-mistednin jew il-membri tal-persunal waqt li jkun xogħol, jenħtieġ li l-istabbiliment jattiva l-pjan ta’ azzjoni lokali tiegħu (10).

Jenħtieġ li l-każ suspettat jingħata immedjatament struzzjonijiet biex jintlibes maskra u jsegwi l-etikett respiratorja u l-prattiċi tal-iġjene tal-idejn. Il-każ suspettat jenħtieġ li jiġi separat minn persuni oħra mill-inqas żewġ metri bogħod u kull fejn ikun possibbli jingħata kamra ta’ iżolament bil-faċilitajiet tagħha tal-kmamar tal-banju, meta possibbli.

F’konformità mal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, is-servizzi mediċi lokali jenħtieġ li jiġu mgħarrfa bil-każ suspettat, u dawn, min-naħa tagħhom, jagħtu pariri fir-rigward tal-ittestjar u l-ġestjoni u r-rilokazzjoni ulterjuri tal-każ lejn post fejn jista’ jieħu kura (eż. sptar), jekk tinħass din il-ħtieġa u f’konformità mal-linji lokali tal-kura tas-saħħa.

Jekk il-każ suspettat jitqies bħala każ probabbli jew ikkonfermat, l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika lokali jiġu mgħarrfa u jipprovdu parir dwar jekk jenħtieġx li jsiru attivitajiet ta’ traċċar tal-kuntatti. It-traċċar tal-kuntatti ġeneralment jibda minnufih wara li każ identifikat probabbli jew ikkonfermat jiġi notifikat u normalment tkun ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika lokali. L-istabbilimenti tat-turiżmu jintalbu jikkooperaw u jipprovdu kull informazzjoni neċessarja dwar il-mistednin jew il-membri tal-persunal li setgħu kienu f’kuntatt mal-każ fl-istabbiliment minn jumejn qabel sa 14-il jum wara l-bidu tas-sintomi tal-każ.

Il-membri tal-persunal li jiżviluppaw is-sintomi jenħtieġ li jkunu iżolati fid-dar u jfittxu attenzjoni medika.

F’każ li każ suspettat jew ikkonfermat tal-COVID-19 kien preżenti fi spazju fil-magħluq, jenħtieġ li dan l-ispazju jkun ventilat tajjeb għal mill-inqas siegħa, u wara jitnaddaf sew b’deterġent newtrali, u wara ssirlu dekontaminazzjoni tal-uċuħ b’diżinfettant effettiv kontra l-viruses. Inkella, jista’ jintuża l-ipoklorit tas-sodju 0,05–0,1 % jew prodotti abbażi tal-etanol (mill-inqas 70 %) għad-dekontaminazzjoni wara t-tindif b’deterġent newtrali. It-tessuti kollha potenzjalment ikkontaminati (eż. xugamani, bjankerija tas-sodda, purtieri, tvalji, eċċ.) jenħtieġ li jinħaslu bl-użu ta’ ċiklu bil-misħun (90 °C) b’deterġent tal-ħasil tal-ħwejjeġ komuni. Jekk ma jkunx jista’ jintuża ċiklu bil-misħun minħabba l-karatteristiċi tal-materjal, irid jiżdied il-bliċ jew deterġenti oħra għad-dekontaminazzjoni tat-tessuti maċ-ċiklu tal-ħasil.

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-ambjent tal-lukandi

Il-miżuri li ġejjin huma rakkomandati biex titnaqqas il-probabbiltà ta’ trażmissjoni tal-COVID-19:

1.

Amministrazzjoni/Ġestjoni

a.

Għandu jiġi stabbilit pjan ta’ tħejjija li jindirizza l-prevenzjoni tal-infezzjonijiet u l-miżuri ta’ kontroll tal-COVID-19 f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika lokali

b.

Għandhom jiġu segwiti mill-qrib ir-rakkomandazzjonijiet mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika biex jiġi żgurat li jkun hemm għarfien dwar is-sitwazzjoni attwali u tal-valutazzjoni tar-riskju ta’ infezzjoni għall-persunal u l-mistednin

c.

Għandu jiġi żgurat it-taħriġ lill-persunal fi proċeduri relatati mal-aspetti kollha rilevanti tal-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, inkluża l-ġestjoni ta’ każijiet suspettati tal-COVID-19, id-diżinfettar u t-tindif u l-użu xieraq tal-maskri tal-wiċċ

d.

Għandu jiġi stabbilit limitu fl-għadd ta’ mistednin fi kwalunkwe ħin fi spazji komuni biex jiġi garantit it-tbegħid fiżiku bi qbil mal-gwida dwar it-tbegħid fiżiku u l-ġemgħat tal-massa. Għandu jiġi żgurat li l-għadd permess ta’ mistednin ikun konformi mar-rakkomandazzjoni tas-saħħa pubblika lokali dwar il-ġemgħat

e.

Għandha tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ materjal ta’ informazzjoni għall-mistednin dwar is-sintomi tal-COVID-19, struzzjonijiet f’każ ta’ mard u l-proċeduri lokali, struzzjonijiet dwar l-iġjene tal-idejn u l-użu xieraq ta’ maskri tal-wiċċ

f.

Għandha tintuża sinjaletika (eż. avviżi mal-ħitan f’żoni u kmamar pubbliċi) li tinforma lill-mistednin bil-proċeduri li jnaqqsu l-kuntatt bejn il-persunal u l-mistednin

g.

Għandu jiġi kkunsidrat li jitħassru l-attivitajiet fi spazji fil-magħluq fejn ma jkunx jista’ jiġi ggarantit it-tbegħid fiżiku u b’mod partikolari meta dawn l-attivitajiet ikunu jistgħu jseħħu barra

2.

Servizzi ta’ reception u ta’ concierge

a.

Għandha tiġi żgurata d-disponibbiltà tas-sanitizzatur tal-idejn abbażi ta’ alkoħol

b.

Għandhom jiġu kkunsidrati soluzzjonijiet bħal pereżempju ċ-check-in jew iċ-check-out online jew mill-mistednin stess biex jitnaqqas il-kuntatt bejn il-mistednin u l-persunal. Jekk iċ-check-in isir mill-mistednin stess bl-użu ta’ skrin tattili jew ta’ tastiera, għandu jiġi żgurat li dawn l-apparati jitnaddfu b’mod regolari biex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju tat-trażmissjoni

c.

Għandu jiġi żgurat it-tbegħid fiżiku bejn il-persunal fir-reception u persunal ieħor u l-mistednin, idealment permezz ta’ pannelli tal-plastik jew tal-ħġieġ li jisseparaw

d.

Għandu jiġi żgurat it-tbegħid fiżiku bejn il-mistednin, eż. bl-użu ta’ markaturi mal-art

3.

Ir-ristoranti, is-swali tal-kolazzjoni u tal-ikel, u l-barijiet

a.

Għandha tiġi żgurata d-disponibbiltà tas-sanitizzatur tal-idejn abbażi ta’ alkoħol u sinjaletika fl-entratura li tfakkar fil-prattika tal-iġjene tal-idejn

b.

Fejn possibbli, jenħtieġ li l-ikel jiġi servut lill-klijenti minflok self-service waqt buffet. Jekk ma jkunx possibbli li jiġi servut l-ikel, allura jenħtieġ li jissaħħu l-miżuri ta’ iġjene u l-mistednin jenħtieġ li jiġu mfakkra biex japplikaw ukoll is-sanitizzatur tal-idejn malli jidħlu fir-restorant, meta jżuru l-buffet u wara li jkunu nqdew mill-buffet

c.

Jekk isir buffet self-service, jenħtieġ li jiġi żgurat li tinżamm id-distanza fiżika waqt il-buffet

d.

Għandu jiġi limitat l-għadd ta’ mistednin preżenti fil-faċilità fi kwalunkwe ħin biex jiġi żgurat it-tbegħid fiżiku

e.

Għandhom jiġu evitati l-kjuwijiet jew fejn ma jkunx possibbli jiġi żgurat it-tbegħid fiżiku fil-kju eż. bl-użu ta’ markaturi mal-art

f.

Għandha tiġi żgurata distanza fiżika ta’ żewġ metri bejn l-imwejjed

g.

Għandha tiġi żgurata biżżejjed ventilazzjoni skont il-linji gwida għall-ventilazzjoni tar-ristoranti, kemm f’termini ta’ kemm tinbidel l-arja kull siegħa kif ukoll f’termini ta’ kemm tidħol arja minn barra fis-siegħa

h.

Għandu jiġi żgurat li l-filtri tal-arja kundizzjonata jitnaddfu b’mod regolari skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur

i.

Meta tintuża l-arja kundizzjonata għall-ventilazzjoni, għandha titnaqqas kemm jista’ jkun ir-riċirkolazzjoni.

j.

Għandu jiġi żgurat it-tindif regolari tal-uċuħ li jintmessu ta’ spiss b’deterġent standard

4.

Żoni għall-fitness

a.

Għandha tiġi żgurata d-disponibbiltà tas-sanitizzatur tal-idejn abbażi ta’ alkoħol

b.

Għandu jiġi żgurat it-tindif tat-tagħmir u b’mod partikolari tal-uċuħ li jintmessu (bħall-manek) wara li jintużaw minn kull mistieden, billi jkun provdut tagħmir tat-tindif xieraq.

c.

Għandu jiġi żgurat it-tbegħid fiżiku bejn il-mistednin

d.

Għandu jkun hemm limitu fuq kemm jidħlu nies biex jiġi garantit it-tbegħid fiżiku

e.

L-użu ta’ kmamar tat-tibdil jenħtieġ li jiġi evitat u l-mistednin jenħtieġ li jkunu mħeġġa jbiddlu fil-kamra tagħhom

5.

L-ispas u l-pixxini fil-magħluq

a.

Għandha tiġi żgurata d-disponibbiltà tas-sanitizzatur tal-idejn abbażi ta’ alkoħol u għandu jkun hemm aċċess għall-faċilitajiet għall-ħasil tal-idejn

b.

Peress li l-kuntatt fiżiku ma jistax jiġi evitat waqt it-trattamenti tal-ispa u t-tbegħid fiżiku bejn il-persuna li twettaq il-kura u l-mistieden ma jistax jiġi applikat, jenħtieġ li jkun rakkomandat li kemm il-persuna li tipprovdi t-trattament kif ukoll il-mistieden jilbsu maskra tal-wiċċ.

c.

Huwa rrakkomandat is-sanitizzatur tal-idejn jew il-ħasil tal-idejn qabel u wara kull trattament

d.

Għandha tiġi żgurata manutenzjoni regolari u tindif ambjentali ta’ dawn il-faċilitajiet

6.

Faċilitajiet fuq barra (pixxini fuq barra, bajjiet, playgrounds)

a.

Għandha tiġi żgurata d-disponibbiltà tas-sanitizzatur tal-idejn abbażi ta’ alkoħol u għandu jkun hemm aċċess għall-faċilitajiet għall-ħasil tal-idejn

b.

Għandu jiġi żgurat tbegħid fiżiku ta’ 2 metri bejn l-imwejjed, is-sunbeds, il-mistednin matul attivitajiet differenti, u fil-pixxina

c.

Il-mistednin fl-istess kamra jistgħu jużaw l-istess mejda, sunbeds, eċċ.

d.

Għandha tiġi żgurata manutenzjoni regolari u tindif ambjentali ta’ dawn il-faċilitajiet

7.

Iż-żoni ta’ rikreazzjoni fuq ġewwa għat-tfal (eż. iċ-ċentri għat-tfal fil-lukandi)

a.

Peress li l-kuntatt fiżiku ma jistax jiġi evitat u t-tbegħid fiżiku ma jistax jiġi applikat, jenħtieġ jiġi kkunsidrat jekk faċilitajiet bħal dawn jenħtieġx li jibqgħu miftuħin

Jekk il-faċilitajiet jibqgħu miftuħin:

b.

Jenħtieġ li jiġi kkunsidrat l-użu tal-maskri tal-wiċċ mill-persunal li jieħu ħsieb it-tfal

c.

Għandha tiġi żgurata d-disponibbiltà tas-sanitizzatur tal-idejn abbażi ta’ alkoħol u għandu jkun hemm aċċess għall-faċilitajiet għall-ħasil tal-idejn

d.

L-għadd ta’ tfal li jżuru ż-żoni fi kwalunkwe ħin għandu jkun limitat

e.

Għandu jiġi żgurat it-tindif regolari b’deterġent standard tal-uċuħ, tal-ġugarelli u tat-tagħmir li jintmessu ta’ spiss

8.

Swali tal-konferenzi u tal-laqgħat

a.

L-organizzaturi tal-konferenzi u tal-laqgħat jenħtieġ li jsegwu l-gwida lokali dwar l-għadd ta’ parteċipanti permessi

b.

Għandha tiġi żgurata d-disponibbiltà tas-sanitizzatur tal-idejn u għandu jkun hemm aċċess għall-faċilitajiet tal-ħasil tal-idejn

c.

Għandu jiġi żgurat it-tbegħid fiżiku bejn il-parteċipanti f’konformità mal-linji gwida tal-ECDC

9.

Toilets

a.

Għandha tiġi żgurata disponibbiltà kontinwa ta’ sapun u ilma, u srievet tal-karti ta’ darba jew magni awtomatiċi li jnixxfu

10.

Lifts

a.

Huwa rrakkomandat li kemm jista’ jkun, il-lift ma jiġix kondiviż fost persuni li ma jkunux qed joqogħdu fl-istess kamra, sabiex jiżguraw it-tbegħid fiżiku. Il-lifts jenħtieġ li jintużaw bi prijorità minn individwi bi problemi fiżiċi u minn persuni li jkunu qed iġorru bagalji.

b.

Għandu jiġi inkoraġġut l-użu tat-taraġ fejn ikun possibbli u prattiku (eż. f’bini bi ftit sulari)

c.

Għandu jiġi żgurat tindif regolari tal-uċuħ li jintmessu ta’ spiss (panelli tal-buttuni tal-lift u l-manek)

d.

Għandha tiġi żgurata ventilazzjoni xierqa fil-lift skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur u r-regolamenti tal-binja

11.

Mistednin vulnerabbli

a.

Il-mistednin vulnerabbli jenħtieġ li jiġu skoraġġuti milli jipparteċipaw f’attivitajiet fejn it-tbegħid fiżiku ma jkunx jista’ jiġi ggarantit f’kull ħin u speċjalment meta dawn l-attivitajiet iseħħu fi spazji fil-magħluq u jenħtieġ li japplikaw b’mod metikoluż it-tbegħid fiżiku u l-iġjene tal-idejn. Il-forniment tal-ikliet fil-kmamar jenħtieġ li jkun mod kif il-klijenti vulnerabbli jingħataw aktar protezzjoni

12.

Avvenimenti fuq il-post

a.

Għandu jitqies li l-avvenimenti b’għadd kbir ta’ parteċipanti (eż. kunċerti) jitħassru u dejjem isegwu mill-qrib ir-rakkomandazzjonijiet nazzjonali u lokali dwar is-saħħa pubblika rigward l-għadd ta’ parteċipanti permessi

Dokumenti b’informazzjoni addizzjonali

1.

Infection prevention and control during health care when COVID-19 is suspected: interim guidance. [Il-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet fil-kura tas-saħħa meta jkun hemm suspett tal-COVID-19: gwida provviżorja.] Geneva: L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; 2020

(https://www.who.int/publications-detail/infection-prevention-and-control-during-health-care-when-novel-coronavirus-(ncov)-infection-is -suspected-20200125)

2.

Water, sanitation, hygiene and waste management for COVID-19: interim guidance.[L-ilma, is-sanitazzjoni, l-iġjene u l-ġestjoni tal-iskart għall-COVID-19: gwida provviżorja.] https://www.who.int/publications-detail/water-sanitation-hygiene-and-waste-management-for-covid-19

3.

Global surveillance for COVID-19 caused by human infection with COVID-19 virus: interim guidance. [Is-sorveljanza globali għall-COVID-19 ikkawżata minn infezzjoni mill-bniedem bil-virus COVID-19: gwida provviżorja.] Geneva: L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; 2020 https://www.who.int/emergencies/diseases/novel-coronavirus-2019/technical-guidance/surveillance-and-case-definitions

4.

Considerations for quarantine of individuals in the context of containment for coronavirus disease (COVID-19): interim guidance [Il-kunsiderazzjonijiet għall-kwarantina tal-individwi fil-kuntest tat-trażżin għall-marda tal-coronavirus (COVID-19): gwida provviżorja.] Geneva: L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; 2020 https://www.who.int/publications-detail/considerations-for-quarantine-of-individuals-in-the-context-of-containment-for-coronavirus-disease-(covid-19)

(1)  L-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol COVID-19: guidance for the workplace [COVID-19: gwida dwar il-post tax-xogħol] [Internet]. [aġġornata fl-20 ta’ April 2020; ċitat fl-4 ta’ Mejju 2020]. Disponibbli minn: https://oshwiki.eu/wiki/COVID-19:_guidance_for_the_workplace#See

(2)  Bourouiba L. Turbulent Gas Clouds and Respiratory Pathogen Emissions: Potential Implications for Reducing Transmission of COVID-19 [L-Implikazzjonijiet Potenzjali għat-Tnaqqis tat-Trażmissjoni tal-COVID-19]. Jama. is-26 ta’ Marzu 2020

(3)  Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard Infection prevention and control in the household management of people with suspected or confirmed coronavirus disease (COVID-19) [Il-prevenzjoni tal-infezzjoni u l-kontroll fil-ġestjoni tad-djar ta’ nies suspettati jew ikkonfermati li għandhom il-coronavirus (COVID-19)] [internet]. il-31 ta’ Marzu 2020 [l-4 ta’ Mejju 2020]. Disponibbli minn: https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/documents/Home-care-of-COVID-19-patients-2020-03-31.pdf

(4)  Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard L-użu tal-maskri tal-wiċċ fil-komunità. Reducing COVID-19 transmission from potentially asymptomatic or pre-symptomatic people through the use of face masks [It-tnaqqis tat-trażmissjoni tal-COVID-19 minn persuni potenzjalment asintomatiċi jew presintomatiċi permezz tal-użu ta’ maskri tal-wiċċ] [internet]. it-8 ta’ April 2020 [l-4 ta’ Mejju 2020]. Disponibbli minn: https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/documents/COVID-19-use-face-masks-community.pdf.

(5)  Knibbs LD, Morawska L, Bell SC, Grzybowski P. Room ventilation and the risk of airborne infection transmission in 3 health care settings within a large teaching hospital [Il-ventilazzjoni fil-kamra u r-riskju ta’ trażmissjoni ta’ infezzjoni mill-arja fi tliet ambjenti ta’ kura tas-saħħa ġewwa sptar kbir tat-tagħlim]. AM J Infect Control. 2011 Dec;39(10):866-72.

(6)  Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard L-użu tal-maskri tal-wiċċ fil-komunità. Reducing COVID-19 transmission from potentially asymptomatic or pre-symptomatic people through the use of face masks [It-tnaqqis tat-trażmissjoni tal-COVID-19 minn persuni potenzjalment asintomatiċi jew presintomatiċi permezz tal-użu ta’ maskri tal-wiċċ] [internet]. it-8 ta’ April 2020 [l-4 ta’ Mejju 2020]. Disponibbli minn: https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/documents/COVID-19-use-face-masks-community.pdf.

Knibbs LD, Morawska L, Bell SC, Grzybowski P. Room ventilation and the risk of airborne infection transmission in 3 health care settings within a large teaching hospital [Il-ventilazzjoni fil-kamra u r-riskju ta’ trażmissjoni ta’ infezzjoni mill-arja fi tliet ambjenti ta’ kura tas-saħħa ġewwa sptar kbir tat-tagħlim]. AM J Infect Control. 2011 Dec;39(10):866-72.

Lu J, Gu J, Li K, Xu C, Su W, Lai Z, et al. COVID-19 Outbreak Associated with Air Conditioning in Restaurant, Guangzhou, China, 2020 [It-tifqigħa tal-COVID-19 assoċjata mal-arja kkundizzjonata f’ristorant, Guangzhou, iċ-Ċina 2020] Emerg Infect Dis. 2020 Apr 2;26(7).

(7)  L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Natural Ventilation for Infection Control in Health-Care Settings [Il-ventilazzjoni naturali għall-Kontroll tal-infezzjonijiet f’ambjenti ta’ kura tas-saħħa] [internet]. 2009 [aġġornat fl-4 ta’ Mejju 2020]. Disponibbli minn: https://apps.who.int/iris/bitstream/handle/10665/44167/9789241547857_eng.pdf?sequence=1

Il-Federazzjoni Ewropea tat-Tisħin VaACA. How to operate and use building services in order to prevent the spread of the coronavirus disease (COVID-19) virus (SARS-CoV-2) in workplaces [Kif topera u tuża s-servizzi ta’ binja sabiex tipprevjeni t-tixrid tal-marda tal-coronavirus (COVID-19) virus (SARS-CoV-2) fuq il-postijiet tax-xogħol] [Internet]. [aġġornata fis-17 ta’ Marzu 2020; ċitata fl-4 ta’ Mejju 2020]. Disponibbli minn: https://www.rehva.eu/fileadmin/user_upload/REHVA_covid_guidance_document_2020-03-17_final.pdf

(8)  Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC). Disinfection of environments in healthcare and nonhealthcare settings potentially contaminated with SARS-CoV-2. [Id-diżinfettar tal-ambjenti tal-kura tas-saħħa u ambjenti mhux tal-kura tas-saħħa li potenzjalment kontaminati bis-SARS-CoV-2.] Stokkolma: L-ECDC; 2020 [is-26 ta’ April, 2020]. Disponibbli minn: https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/disinfection-environments-covid-19#no-link.

(9)  L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Natural Ventilation for Infection Control in Health-Care Settings [Il-ventilazzjoni naturali għall-Kontroll tal-infezzjonijiet f’ambjenti ta’ kura tas-saħħa] [internet]. 2009 [aġġornat fl-4 ta’ Mejju 2020]. Disponibbli minn: https://apps.who.int/iris/bitstream/handle/10665/44167/9789241547857_eng.pdf?sequence=1

(10)  Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC). Traċċar tal-kuntatti: Public health management of persons, including healthcare workers, having had contact with COVID-19 cases in the European Union - second update Stockholm: [Il-ġestjoni tas-saħħa pubblika tal-persuni, inklużi l-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, li kellhom kuntatt ma’ każijiet tal-COVID-19 fl-Unjoni Ewropea - it-tieni aġġornament, Stokkolma:] L-ECDC; [is-27 ta’ April 2020]. Disponibbli minn: https://www.ecdc.europa.eu/en/covid-19-contact-tracing-public-health-management


Top