Mur għall-kontenut ewlieni
Artiklu tal-aħbarijiet19 Ġunju 2024Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni2 min qari

Il-Kummissjoni tipprovdi gwida politika lill-pajjiżi tal-UE biex tagħti spinta lill-kompetittività

An operator works at the battery workshop of the Stellantis cars factory in Hordain, northern France

 

Il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet gwida politika lill-pajjiżi tal-UE taħt il-Pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew tal-2024 biex tibni ekonomija robusta u valida għall-futur.  Is-Semestru Ewropew huwa eżerċizzju annwali li jgħin biex jiġu identifikati l-aktar sfidi ekonomiċi u soċjali pressanti fl-UE, u r-reazzjonijiet ta’ politika biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom – għall-benefiċċju tagħna lkoll. Din ir-rebbiegħa, l-enfasi tinsab fuq il-kompetittività, il-prosperità u t-tmexxija fit-tul tal-UE u tal-pajjiżi tal-UE fix-xena globali. 

Il-Pakkett tar-rebbiegħa jqis l-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tal-pajjiżi tal-UE. Dan jinkludi wkoll gwida dwar il-politika fiskali li se tgħin biex issaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn tal-pajjiżi tal-UE u tippromwovi tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-UE. 

Għal kull pajjiż il-Kummissjoni ħejjiet rapport, li fih tanalizza l-iżviluppi ekonomiċi u soċjali fil-pajjiżi kollha tal-UE. Abbażi ta’ din l-analiżi, il-Kummissjoni ħejjiet rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar kif l-aħjar jiġu indirizzati l-isfidi soċjoekonomiċi deskritti fir-rapporti tal-pajjiżi u tingħata spinta lill-kompetittività u l-prosperità tal-pajjiżi tal-UE. Għal 12-il pajjiż tal-UE, il-Kummissjoni ħejjiet ukoll rapport separat biex tivvaluta l-konformità tagħhom mal-kriterju tad-defiċit tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. 

Skont il-Pakkett tar-rebbiegħa, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE qed ikomplu jagħmlu progress tajjeb fit-twettiq tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jappellaw lil xi pajjiżi tal-UE biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet u l-programmi tagħhom billi jwettqu aktar azzjonijiet speċifiċi. 

Bħala parti mill-pakkett, il-Kummissjoni ħarġet ukoll Linji Gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-pajjiżi tal-UE, li jistabbilixxu prijoritajiet komuni għall-politiki nazzjonali dwar l-impjiegi u dawk soċjali biex jagħmluhom aktar ġusti u aktar inklużivi b’mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, it-teknoloġiji l-ġodda u l-intelliġenza artifiċjali.  

Is-Semestru Ewropew kellu rwol kruċjali fl-appoġġ ta’ reazzjonijiet ta’ politika ekonomika b’saħħithom u kkoordinati matul l-aħħar ħames snin, meta l-UE kienet qed tiġi kkonfrontata minn sensiela ta’ sfidi straordinarji. L-UE irnexxielha turi livell għoli ta’ reżiljenza ekonomika u soċjali quddiem xokkijiet kbar, inklużi l-pandemija tal-COVID-19, il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u ż-żidiet relatati fil-prezzijiet tal-enerġija u ż-żiediet fl-inflazzjoni. 

Għal aktar informazzjoni 

Is-Semestru Ewropew  

Is-Semestru Ewropew f’pajjiżek  

Ekonomija għas-servizz tan-nies  

Stqarrija għall-istampa: Il-Pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew jipprovdi gwida politika biex jissaħħu l-kompetittività u r-reżiljenza tal-UE, u biex jinżammu finanzi pubbliċi sodi 

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-Pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew għall-2024 

Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa 2024 

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza  

NextGenerationEU 

 

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
19 Ġunju 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni