Tweġiba
L-individwi jistgħu jikkuntattjaw amministrazzjoni pubblika biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont il-GDPR (drittijiet ta’ aċċess, rettifika, tħassir, restrizzjoni, oġġezzjoni, dritt li ma jkunx soġġett għal teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet).
Innota li l-individwi għandhom id-dritt li joġġezzjonaw għall-ipproċessar ta’ data personali mill-amministrazzjoni pubblika għal raġunijiet ta’ interess pubbliku. Huma għandhom jipprovdu lill-amministrazzjoni pubblika raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tagħhom. L-amministrazzjoni pubblika tista’ tkompli tipproċessa d-data, u b’hekk tiċħad it-talba tagħhom, jekk hi turi raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi u d-drittijiet tal-individwu, jew jekk id-data tkun meħtieġa għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali.
Jekk kumpanija qed tipproċessa d-data personali tiegħek b’mezzi awtomatizzati abbażi tal-kunsens tiegħek jew kuntratt, għandek id-dritt li l-kumpanija tibgħatlek id-data personali tiegħek. Tista’ titlob ukoll li d-data personali tiegħek tiġi trażmessa direttament lil kumpanija oħra li inti tixtieq tuża s-servizzi tagħha, meta jkun teknikament fattibbli. Madankollu, dan id-dritt ma japplikax, fejn id-data li pprovdejt hi meħtieġa għall-kompitu mwettaq minn awtorità pubblika jew organizzazzjoni oħra għat-twettiq tal-kompiti pubbliċi tagħhom, stabbilita bil-liġi. Pereżempju, meta tipprovdi awtorità pubblika bid-data personali tiegħek biex tikseb benefiċċji soċjali jew liċenzja għall-bini, ma għandekx dritt li l-awtorità pubblika tittrażmetti dik id-data lilek jew lil organizzazzjoni oħra.
Amministrazzjoni pubblika għandha twieġeb għal talbiet minn individwi mingħajr dewmien żejjed, u fil-prinċipju fi żmien xahar minn meta tirċievi t-talba. Hi tista’ titlob informazzjoni addizzjonali sabiex tikkonferma l-identità tal-persuna li tkun qed tagħmel it-talba. Jekk it-talba tiġi miċħuda l-individwi għandhom jingħataw ir-raġunijiet għar-rifjut u għandhom ikunu infurmati bid-dritt tagħhom li jressqu lment mad-DPA u li jitolbu rimedju ġudizzjarju.
Aktar informazzjoni dwar l-obbligi tiegħek skont il-GDPR hi disponibbli fit-taqsima “Negozju u organizzazzjonijiet”.