Mur għall-kontenut ewlieni

Tmexxija politika

Sib informazzjoni dwar it-tmexxija politika tal-Kummissjoni Ewropea, l-irwol ta’ 27 Kummissarju, kif dawn jinħatru, u l-prijoritajiet tal-politika differenti tagħhom.

Irwol tal-Kummissarji

Għalkemm hemm Kummissarju wieħed minn kull pajjiż tal-UE, xogħolhom hu li jiddefendu l-interessi tal-UE b'mod sħiħ – aktar milli l-interess nazzjonali.

Fi ħdan il-Kummissjoni, huma jieħdu d-deċiżjonijiet. Pereżempju, kollettivament huma:

  • jieħu deċiżjonijiet dwar l-istrateġiji u l-politiki tal-Kummissjoni
  • jipproponu l-liġijiet, il-programmi ta’ finanzjament u l-baġit annwali għad-diskussjoni u l-adozzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill

Irwol tal-Kummissjoni Ewropea

 

Kif tinħatar il-Kummissjoni

Elezzjoni tal-President

Kull ħames snin, il-Kunsill Ewropew - magħmul minn kapijiet ta’ stat u ta’ gvern tal-UE - jipproponi kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew.

Il-kandidat għal President hu propost abbażi tal-kompożizzjoni politika tal-Parlament wara l-elezzjonijiet Ewropej; tipikament, dawn jintgħażlu mill-akbar familja politika fil-Parlament.

Jekk maġġoranza assoluta tal-membri tal-Parlament tappoġġja n-nominat/a, hu jew hi tiġi eletta.

Għażla tat-tim

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bi qbil mal-President elett tal-Kummissjoni, jadotta lista ta’ Kummissarji nnominati abbażi ta’ suġġerimenti mill-Istati Membri tal-UE.  

Kull nominat għal Kummissarju għandu jidher quddiem il-kumitat parlamentari responsabbli għall-portafoll propost tiegħu jew tagħha. Il-membri tal-kumitat imbagħad jivvutaw dwar l-adegwatezza tan-nominat għall-pożizzjoni. Meta s-27 nominat jiġu approvati, il-Parlament kollu jivvota favur jew kontra l-approvazzjoni tat-tim sħiħ. Wara l-vot tal-Parlament, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarji jinħatru mill-Kunsill Ewropew.

Akkontabbiltà

Il-Kummissjoni Ewropea tinżamm responsabbli demokratikament mill-Parlament Ewropew, li għandu d-dritt li japprova jew iwarrab it-tmexxija politika kollha tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea hi responsabbli wkoll għat-tqegħid tal-baġit tal-UE fil-prattika. Kull sena, il-Parlament jagħżel li jagħti (jew le) l-approvazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-mod kif immaniġġjat il-baġit tal-UE. Dan il-proċess jissejjaħ il-kwittanza. Il-Parlament jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq diversi rapporti mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u mill-Kummissjoni Ewropea, inkluż ir-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni għall-baġit tal-UE.

Teħid ta’ deċiżjonijiet

Il-Kummissarji kollha huma ndaqs fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u miżmumin ugwalment responsabbli għal dawn id-deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni tiddeċiedi kollettivament dwar il-ħidma tagħha permezz ta’ proċedura bil-miktub jew orali.

Għal aktar informazzjoni dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, ara kif jittieħdu d-deċiżjonijiet.

Aqra aktar dwar il-proċess tat-tfassil tal-liġijiet fl-UE.

Teħid tad-deċiżjonijiet matul il-laqgħat ta’ kull ġimgħa