Mur għall-kontenut ewlieni

Ewropa lesta għall-Era Diġitali: regoli online ġodda għan-negozji

alt=""

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali joħolqu kundizzjonijiet ekwi li jippermettu lin-negozji diġitali innovattivi jikbru fi ħdan is-suq uniku u jikkompetu globalment.

Espansjoni ta’ pjattaformi online innovattivi fl-UE

10,000+
pjattaformi li joperaw fl-UE
90%
fosthom hemm intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju

Is-servizzi diġitali fl-UE bħalissa jridu jittrattaw ma’ 27 sett differenti ta’ regoli nazzjonali. L-ikbar kumpaniji biss jistgħu jittrattaw mal-ispejjeż tal-konformità li jirriżultaw.

X’se jbiddel l-Att dwar is-Servizzi Diġitali l-ġdid:

  • Se japplikaw l-istess regoli fl-Unjoni kollha u se jkunu l-bażi ta’ suq domestiku kbir biex is-servizzi diġitali jikbru u jirnexxu. Il-kummerċ diġitali transfruntier fis-suq uniku hu mistenni li jiżdied sa 2%
  • L-atturi ż-żgħar se jkollhom ċertezza legali biex jiżviluppaw is-servizzi u jipproteġu lill-utenti minn attivitajiet illegali u se jkunu appoġġjati minn standards, kodiċijiet ta’ kondotta u linji gwida
  • L-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi jiġu eżentati mill-obbligi l-aktar għaljin, iżda huma liberi li japplikaw l-aħjar prattiki, għall-vantaġġ kompetittiv tagħhom
  • Appoġġ għall-espansjoni: L-eżenzjonijiet għall-intrapriżi żgħar jiġu estiżi għal 12-il xahar wara li jkunu espandew lil hinn mill-fatturat u l-limiti massimi tal-istaff li jikkwalifikawhom bħala kumpaniji żgħar 

Negozji leġittimi li jirnexxu

Billi jiġu indirizzati l-attivitajiet u l-prodotti illegali online, in-negozji leġittimi jistgħu jirnexxu online.

X’se jbiddel l-Att dwar is-Servizzi Diġitali l-ġdid:

  • It-tneħħija tad-diżinċentivi għall-kumpaniji biex jieħdu miżuri volontarji biex jipproteġu lill-utenti tagħhom minn kontenut, oġġetti jew servizzi illegali
  • In-negozji se jużaw mekkaniżmi sempliċi u effettivi biex jissenjalaw kontenut u oġġetti illegali li jiksru d-drittijiet tagħhom, inklużi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jew jikkompetu fuq livell inġust
  • In-negozji jistgħu jsiru wkoll “senjalaturi fdati” ta’ kontenut u oġġetti illegali, bi proċedura ta’ prijorità speċjali u kooperazzjoni stretta mal-pjattaformi
  • Obbligi msaħħa għas-swieq biex japplikaw miżuri dissważivi, bħal politiki ta’ “kun af il-klijent kummerċjali tiegħek”, jagħmlu sforzi raġonevoli biex iwettqu kontrolli aleatorji fuq prodotti mibjugħa fuq is-servizz tagħhom, jew jadottaw teknoloġiji ġodda għat-traċċabbiltà tal-prodott

Setgħa lill-SMEs u n-negozji ġodda

40%
ta’ kumpaniji li jbigħu prodotti online jagħmlu dan permezz ta’ swieq online, skont l-Eurostat (2019)

L-SMEs u n-negozji ġodda huma dipendenti fuq it-termini u l-kundizzjonijiet tal-pjattaformi l-kbar dwar kif il-kontenut tagħhom jiġi kklassifikat u rreklamat, u kif huma mmoderati l-mezzi ta’ komunikazzjoni tagħhom permezz tal-pjattaformi. In-negozji m’għandhomx aċċess għal data relatata mal-konsumaturi tagħhom u li tirriżulta mill-attività tagħhom fuq pjattaforma ta’ gwardjan filwaqt li data bħal din tippermetti lin-negozju jadatta l-istrateġija tas-suq tiegħu. Dan hu problematiku għan-negozji f’kompetizzjoni diretta ma’ gwardjan li jista’ juża din id-data għall-interess tiegħu stess.

Suq intern ġust u bbilanċjat

Xi drabi, il-gwardjani jaqdu rwol doppju u jiffavorixxu s-servizzi tagħhom stess, li jwassal għall-esklużjoni tal-utenti kummerċjali li huma dipendenti fuqhom biex jaslu għand il-konsumaturi. Dan inaqqas l-għażla għan-negozji, potenzjalment idgħajjef il-kwalità tas-servizz u jżid il-prezzijiet għall-konsumaturi.

X’se jbiddel l-Att dwar is-Swieq Diġitali l-ġdid:

  • Se jiftaħ opportunitajiet ġodda għan-negozji, li se jkunu jistgħu jinnovaw u jikkompetu kontra s-servizzi tal-gwardjani f’termini ugwali.
  • Il-konsumaturi se jkunu jistgħu jaraw liema huma l-aħjar għażliet disponibbli u mhux biss dawk li l-gwardjani jriduhom jaraw.

Aktar ċertezza legali għan-negozji

Il-pjattaformi tal-gwardjani għandhom is-setgħa li jaġixxu bħala produtturi privati tar-regoli li jistgħu jimponu b’mod unilaterali termini u kundizzjonijiet fuq l-utenti kummerċjali tagħhom.

X’se jbiddel l-Att dwar is-Swieq Diġitali l-ġdid:

  • L-utenti kummerċjali se jkunu jafu x’għandhom jistennew meta jittrattaw mal-gwardjani.
  • Il-gwardjani se jkunu jafu l-obbligi ċari applikabbli għalihom.
  • Ir-regoli ta’ proċedura definiti b’mod ċar se jiżguraw deċiżjonijiet rapidi li se jissarrfu f’vantaġġi rapidi kemm għall-utenti kummerċjali kif ukoll għall-konsumaturi.

Swieq kontestabbli

Il-livell ta’ konċentrazzjoni tas-setgħa ekonomika fis-swieq diġitali hu bla preċedent:

7
għaxra mill-akbar kumpaniji fid-dinja huma atturi tas-suq diġitali

X’se jbiddel l-Att dwar is-Swieq Diġitali l-ġdid:

  • Se jippermetti lin-negozji jkollhom aċċess għal aktar informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi tagħhom fuq pjattaformi ta’ partijiet terzi.
  • Se jieqaf il-klassifikar inġust tas-servizzi u l-prodotti proprji tal-gwardjani mqabbla ma’ dawk offruti minn negozji oħrajn fuq l-istess pjattaforma
  • In-negozji se jkunu jistgħu jattiraw aktar faċilment lill-konsumaturi li mhux se jkunu jistgħu jibqgħu jiġu msakkrin mill-pjattaformi tal-gwardjani
  • Ir-regoli l-ġodda se jagħmluha aktar faċli għan-negozji ż-żgħar u n-negozji l-ġodda biex jikbru u jespandu, u jikkompetu mal-pjattaformi tal-gwardjani.
  • Aktar kompetizzjoni mistennija li twassal għal potenzjal akbar ta’ innovazzjoni fost in-negozji ż-żgħar kif ukoll kwalità tas-servizz imtejba, b’żidiet assoċjati fil-benessri tal-konsumaturi.

Aktar impjiegi

Il-gwardjani huma gateways meħtieġa għas-suq intern Ewropew. Dawn huma pjattaformi li għandhom impatt sinifikanti fuq is-suq intern, iservu bħala gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-konsumaturi tagħhom, u li jgawdu, jew prevedibbilment se jgawdu, minn pożizzjoni stabbilita u durabbli.

X’se jbiddel l-Att dwar is-Swieq Diġitali l-ġdid:

  • Negozji ġodda se jitfaċċaw u jikbru, u se joħolqu impjiegi ġodda, bis-saħħa ta’ kundizzjonijiet ekwi.