3 prinċipji
3 prinċipji jiddeterminaw kif u f'liema oqsma tista' taġixxi l-UE:
- l-għoti ta' kompetenzi – l-UE għandha biss dik l-awtorità mogħtija mit-trattati tal-UE, li ġew ratifikati mill-pajjiżi membri kollha
- il-proporzjonalità – l-azzjoni tal-UE ma tistax tmur lil hinn minn dak li hu neċessarju biex tikseb l-objettivi tat-trattati
- is-sussidjarjetà – f'oqsma fejn jistgħu jaġixxu l-UE jew il-gvernijiet nazzjonali, l-UE tista' tintervieni biss jekk tkun tista' taġixxi b'mod aktar effettiv
L-UE biss tista' tilleġiżla
F'ċerti oqsma, l-UE biss tista' tgħaddi l-liġijiet. Ir-rwol tal-pajjiżi membri hu limitat għall-applikazzjoni tal-liġi, sakemm l-UE ma tawtorizzahomx jadottaw ċerti liġijiet huma stess. F'dawn l-oqsma, l-UE għandha dawk li t-trattati jsejħulhom kompetenzi esklużivi:
- unjoni doganali
- regoli tal-kompetizzjoni għas-suq uniku
- politika monetarja għall-pajjiżi taż-żona tal-euro
- kummerċ u ftehimiet internazzjonali (taħt ċerti ċirkustanzi)
- pjanti u annimali tal-baħar regolati mill-politika komuni tas-sajd
L-UE jew il-gvernijiet nazzjonali jistgħu jilleġiżlaw
F'ċerti oqsma, kemm l-UE kif ukoll il-pajjiżi membri jistgħu jgħaddu l-liġijiet. Iżda l-pajjiżi membri jistgħu jagħmlu dan biss jekk l-UE ma tkunx diġà pproponiet liġijiet jew iddeċidiet li ma tagħmilx dan. F'dawn l-oqsma, l-UE għandha dawk li t-trattati jsejħulhom kompetenzi kondiviżi:
- suq uniku
- impjiegi u affarijiet soċjali
- koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali
- agrikoltura
- sajd
- ambjent
- protezzjoni tal-konsumatur
- trasport
- networks trans-Ewropej
- enerġija
- ġustizzja u drittijiet fundamentali
- migrazzjoni u affarijiet interni
- saħħa pubblika (għall-aspetti definiti fl-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)
- riċerka u spazju
- kooperazzjoni għall-iżvilupp u għajnuna umanitarja
Il-pajjiżi membri jilleġiżlaw, l-UE tgħin
F'ċerti oqsma, l-UE tista' biss tappoġġja, tikkoordina jew tikkomplementa l-azzjoni tal-pajjiżi membri. M'għandha ebda setgħa biex tgħaddi l-liġijiet u ma tistax tinterferixxi fl-abbiltà tal-pajjiżi membri biex jagħmlu dan. F'dawn l-oqsma, l-UE għandha dawk li t-trattati jsejħulhom kompetenzi ta' appoġġ.
- saħħa pubblika
- industrija
- kultura
- turiżmu
- edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport
- protezzjoni ċivili
- kooperazzjoni amministrattiva
L-UE għandha rwol speċjali
F'ċerti oqsma, kompetenzi speċjali jippermettu lill-UE li jkollha rwol partikolari jew li tmur lil hinn minn dak li normalment hu permess taħt it-trattati:
- il-koordinazzjoni ta' politiki ekonomiċi u tal-impjiegi
- id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni
- il-"klawsola tal-flessibbiltà", li taħt kundizzjonijiet stretti tippermetti lill-UE biex tieħu azzjoni barra mill-oqsma normali ta' responsabbiltà tagħha