Ir-riżorsa proprja tal-plastik, li ilha fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2021, tikkonsisti f’kontibuzzjoni nazzjonali bbażata fuq l-ammont ta’ skart mhux irriċiklat mill-imballaġġ tal-plastik. Din ir-riżorsa proprja hija marbuta mill-qrib mal-prijoritajiet politiċi tal-UE billi tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jnaqqsu l-iskart mill-imballaġġ u tistimula t-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija ċirkulari bl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar il-Plastik. Fl-istess ħin, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, lill-Istati Membri tħallilhom il-possibbiltà li jiddefinixxu l-iktar politiki xierqa biex jitnaqqas it-tniġġis mill-iskart mill-imballaġġ tal-plastik.Għall-piż tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux irriċiklat se tiġi applikata rata uniformi ta’ ġbir, ta’ €0.80 għal kull kilogramma, b’mekkaniżmu maħsub biex jiġu evitati kontribuzzjonijiet eċċessivi minn Stati Membri inqas sinjuri.Kif taħdem is-sistema fil-prattika?Il-kontribuzzjoni tiġi kkalkulata abbażi tad-data, li l-Istati Membri jiġbru u jipprovdu skont l-obbligi tar-rappurtar tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart. B’mod aktar konkret, wara d-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ (Direttiva 94/62/KEE) u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tagħha (Deċiżjoni (UE) 2019/665), l-Istati Membri diġà jipprovdu data dwar il-ġenerazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik. Huwa mistenni li d-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ tiġi sostitwita minn Regolament dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ fi Frar 2025. Id-data hija disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Eurostat.Minħabba li d-data eżatta tiġi rrappurtata lill-Eurostat f’Lulju tas-sena N+2, il-Kummissjoni Ewropea l-ewwel tikkalkula l-kontribuzzjonijiet fuq il-bażi ta’ previżjonijiet, li fuqom jintlaħaq qbil bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea. Din hija prattika standard applikata wkoll għal sorsi oħrajn ta’ dħul għall-baġit tal-UE.Ladarba d-data finali tkun disponibbli, il-Kummissjoni Ewropea tadatta l-kalkoli tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri kif xieraq.Mill-2021 (wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji) ’l hawn, l-Istati Membri qed iħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom kull xahar, abbażi tal-previżjonijiet. Dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu aġġustati sentejn wara, meta tkun disponibbli d-data finali.