Mur għall-kontenut ewlieni
Artiklu tal-aħbarijiet21 Frar 2024Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni2 min qari

Il-fondi ta’ rkupru jkomplu jixprunaw bidla pożittiva u jappoġġjaw l-ekonomija tal-UE

People cycling on a cycle path

 

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), l-istrument ta’ rkupru tal-UE fil-qalba tal-pjan NextGenerationEU ta’ €800 biljun, issa tinsab f’nofs il-ċiklu ta’ ħajja tagħha. Il-Kummissjoni ħadet kont ta’ dak li l-Faċilità rnexxielha tagħmel s’issa, u x’titjib jista’ jsir fil-futur.

Din l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tenfasizza kif l-RRF tixpruna l-investimenti u r-riformi, u ġġib bidla pożittiva għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE: 

  • Il-pajjiżi tal-UE għamlu progress fit-twettiq tal-pjanijiet ta’ riforma u investiment tagħhom: Intlaħqu aktar minn 1,150 stadju importanti u mira sal-aħħar tal-2023. Dan iffranka 28 miljun MWh ta’ enerġija, ta aċċess għall-internet lil aktar minn 5.6 miljun unità domestika, u pproteġa kważi 9 miljun persuna minn diżastri relatati mal-klima.
  • L-irkupru ekonomiku tal-UE appoġġjat b’mod effettiv: L-investiment pubbliku fl-Ewropa żdied matul il-pandemija tal-COVID-19. Huwa pproġettat li jilħaq 3.4% tal-PDG fl-2024. L-attività ekonomika rpiljat, u l-qgħad naqas għal madwar 6%.
  • Strument aġli: Is-27 pjan nazzjonali kollha taħt l-RRF ġew riveduti biex jirrispondu għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u d-diżastri naturali. Konsegwentement, l-appoġġ tal-UE għall-ekonomiji żdied għal kważi €150 biljun. Dan jinkludi finanzjament addizzjonali għal 23 kapitlu tar-REPowerEU u €125.5 biljun f’appoġġ ta’ self addizzjonali.
  • Xprunar tar-riformi: L-RRF għenet lill-pajjiżi tal-UE jimplimentaw riformi f’oqsma bħat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
  • Spinta konsiderevoli għat-tranżizzjoni ekoloġika: Il-pjanijiet tal-pajjiżi kollha tal-UE qabżu l-mira ta’ 37% fuq l-objettivi klimatiċi, b’xi wħud jiddedikaw aktar minn 50% għal riformi ekoloġiċi.
  • Implimentazzjoni stabbilita biex tħaffef il-pass: Sa tmiem l-2023, l-għadd ta’ talbiet għall-pagament irdoppja. Dan mistenni jkompli. Għalhekk, se jintuża saħansitra aktar finanzjament fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Ir-rapport jissuġġerixxi wkoll li għandha titjieb il-flessibbiltà fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali, biex tiġi pprovduta l-kapaċità amministrattiva t-tajba, u jiġu involuti l-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll is-sħab soċjali fl-implimentazzjoni tagħhom.

L-RRF ġiet stabbilita fl-2021 biex tgħin lill-pajjiżi tal-UE jirkupraw mill-pandemija tal-COVID-19 u ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom. L-għan tagħha huwa li l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna jsiru aktar ekoloġiċi, aktar diġitali u kompetittivi. Kienet ukoll vitali biex jiġu indirizzati sfidi urġenti, bħall-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. 

Għal iktar informazzjoni

Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza

Mappa li turi x’iffinanzjat l-RRF f’kull pajjiż jew reġjun tal-UE

Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF)

Skeda informattiva dwar ir-rapport ta’ nofs it-terminu tal-RRF

Stampa tas-Sitwazzjoni fil-Pajjiżi fir-rigward tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Stqarrija għall-istampa: Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li tinsab f'nofs ħajjitha, għadha tagħti riżultati fl-UE permezz ta' riformi ambizzjużi u investiment

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
21 Frar 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni