20 sena ta’ sħubija fl-UE
Għoxrin sena ilu, il-familja Ewropea tagħna kibret. Fl-1 ta’ Mejju 2004, iċ-ċittadini ta’ Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Ungerija saru ċittadini tal-UE. Mil-lum għall-għada, l-Unjoni tagħna saret entità politika, ekonomika u kulturali akbar, li testendi minn Tallinn sa Liżbona, mill-Belt Valletta sa Stokkolma, minn Dublin sa Nikosija. L-adeżjoni tal-Bulgarija, tar-Rumanija u tal-Kroazja ftit snin wara għamlet l-Unjoni tagħna saħansitra aktar b’saħħitha.
Il-pass tal-bidla fl-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar żewġ deċennji kien notevoli. 450 miljun Ewropew gawdew mil-libertà tal-moviment f’Unjoni akbar. Iċ-ċittadini għandhom drittijiet u libertajiet aktar b’saħħithom. Id-demokrazija u l-istat tad-dritt ġew imsaħħa, minkejja li xi drabi ġew ittestjati. Kibru l-opportunitajiet kemm għan-nies kif ukoll għan-negozji.
Kif dan biddel l-UE
Bit-tkabbir tal-2004, l-UE saret wieħed mill-akbar swieq uniċi fid-dinja. Rajna tkabbir u prosperità. Matul dawn l-aħħar 20 sena, inbnew infrastruttura u konnessjonijiet moderni fuq skala kontinentali fis-27 Stat Membru kollha, bis-saħħa tal-investimenti u l-fondi tal-UE. Is-soċjetà Ewropea bbenefikat minn aktar innovazzjonijiet, investimenti pubbliċi u privati, il-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-kapital u tan-nies, standards ogħla u opportunitajiet akbar.
- Aktar minn 2.7 miljunGħadd ta’ żgħażagħ mill-10 pajjiżi ġodda li pparteċipaw fil-programm Erasmus+ mill-2004 ’l hawn
- 26 miljunImpjiegi ġodda fl-UE
- 79%Perċentwal ta’ ċittadini fl-10 pajjiżi ġodda li jemmnu li pajjiżhom ibbenefika mis-sħubija fl-UE
It-tkabbir ħoloq aktar opportunitajiet għaċ-ċittadini mill-Istati Membri kollha biex jistudjaw u jaħdmu fl-Unjoni Ewropea kollha. Mill-2004 ’l hawn, aktar minn 2.7 miljun persuna mill-10 pajjiżi laqgħu l-opportunità li jitgħallmu u jgħallmu barra minn pajjiżhom. Fl-istess ħin, bis-saħħa tal-programm Erasmus+, aktar minn 600,000 żagħżugħ u żagħżugħa minn pajjiżi oħra tal-UE studjaw fl-universitajiet tagħhom.
Mill-10 Stati Membri li ssieħbu fl-2004, disgħa huma kompletament parti miż-żona Schengen, l-akbar żona ta’ vjaġġar ħieles fid-dinja, li tiggarantixxi vjaġġar bla xkiel u sigur. Qed tkompli l-ħidma biex Ċipru jiġi integrat aktar fiż-żona Schengen filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċjali tiegħu.
Fl-istess ħin, l-Istati Membri kkooperaw b’mod aktar effettiv biex irażżnu l-kriminalità transfruntiera, megħjuna minn regoli komuni, kooperazzjoni operazzjonali u appoġġ tal-UE. Dan għen fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi, il-ħasil tal-flus u l-kriminalità online, pereżempju.
Matul dawn l-aħħar 20 sena, l-Unjoni Ewropea għamlet ukoll passi sinifikanti fuq id-drittijiet soċjali, il-protezzjoni tas-saħħa u ambjentali, il-ġestjoni tal-iskart, id-drittijiet tal-konsumatur u s-sikurezza tal-prodotti, fost l-oħrajn, u għenet biex tittejjeb il-kwalità ġenerali tal-ħajja tan-nies.L-10 pajjiżi li ssieħbu fl-2004 mhux biss ibbenefikaw minn dawn l-istandards ogħla iżda għenu wkoll biex isawruhom. Illum, in-natura hija ppreservata aħjar, l-ibliet għandhom arja aktar nadifa u l-privatezza hija protetta fl-Unjoni kollha.
Fatti u ċifri
- Mill-2004 ’l hawn, aktar minn 2.7 miljun żagħżugħ u żagħżugħa mill-10 Stati Membri pparteċipaw fil-programm Erasmus+.
- Minn mindu ssieħbu fl-UE, l-10 Stati Membri kollha żiedu r-riċiklaġġ tagħhom tal-iskart muniċipali. Mill-2004 sal-2022, is-Slovakkja, il-Litwanja, is-Slovenja u l-Latvja, fost l-oħrajn, irrapportaw żidiet ta’ aktar minn 40 punt perċentwali fir-rati ta’ riċiklaġġ tagħhom.
- Fuq 20 sena, l-istennija tal-għomor medja fl-istati tat-tkabbir tal-2004 telgħet minn 75 sena għal 79 sena, u kważi eliminat id-distakk mal-medja tal-UE-27 ta’ 81 sena.
- Għal dawk li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea 20 sena ilu, is-sodisfazzjon tal-ħajja żdied minn 68% fl-2004 għal 89% fl-2024, skont l-aħħar Ewrobarometru Standard.
Matul dawn l-aħħar 20 sena, minkejja t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku globali, l-ekonomija tal-UE kibret b’27%. Il-pajjiżi li saru parti mill-Unjoni tagħna fl-2004 raw tkabbir ekonomiku sostanzjali. Pereżempju, l-ekonomiji tal-Polonja u ta’ Malta żdiedu b’aktar mid-doppju fid-daqs. Is-Slovakkja kibret bi 80%. L-ekonomiji tal-Istati Membri l-ġodda kollha qed jikkonverġu b’mod kostanti mal-medja tal-UE-27.
Il-pajjiżi li kienu diġà membri fiż-żmien tat-tkabbir tal-2004 esperjenzaw ukoll tkabbir u prosperità. L-esportazzjonijiet Spanjoli lejn l-10 pajjiżi rduppjaw matul dawn l-aħħar 20 sena. Il-kummerċ Taljan fl-oġġetti ma’ dawn il-pajjiżi żdied b’77% minn dak iż-żmien ’l hawn. Ir-rabtiet kummerċjali bejn il-Litwanja u l-Iżvezja kibru wkoll b’mod sinifikanti. F’inqas minn għoxrin sena, il-fluss intern tal-merkanzija fl-UE żdied b’aktar minn 40%.
U n-nies raw dan it-tkabbir f’ħajjithom. Il-pagi reali rduppjaw mill-2004 sal-2023 fl-10 stati. U l-livelli tal-faqar naqsu bin-nofs. Mis-26 miljun impjieg ġdid li tfaċċaw fl-UE kollha f’dawn l-aħħar 20 sena, inħolqu 6 miljuni fl-10 Stati Membri l-ġodda tal-UE.
Fatti u ċifri
- L-ekonomiji tal-10 Stati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004 gawdew minn tkabbir ekonomiku sostnut: l-Estonja rat rata medja ta’ tkabbir annwali tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) ta’ aktar minn 8%, filwaqt li l-Polonja, is-Slovakkja, Malta u l-Latvja żdiedu b’medja ta’ aktar minn 7%.
- Il-PDG per capita medju tal-10 Stati Membri kiber minn 59% tal-medja tal-UE-27 fl-2004 għal 81% fl-2022.
- Il-livelli tal-faqar u l-esklużjoni soċjali naqsu b’mod sinifikanti f’dawn l-Istati Membri, minn 37% fl-2005 għal 17% fl-2020. L-għadd ta’ tfal f’riskju ta’ faqar naqas minn 41% għal 17% fl-istess perjodu.
- Is-sehem ta’ persuni ta’ bejn 25 u 34 sena b’edukazzjoni terzjarja żdied bi kważi 20 punt perċentwali fl-10 Stat Membru sa mill-adeżjoni.
- Sebgħa minn dawn l-10 Stati Membri adottaw l-euro. Is-Slovenja kienet l-ewwel waħda li adottatha fl-2007, filwaqt li l-Litwanja adottatha fl-2015. Dan ippermetta li aktar negozji u ċittadini jgawdu l-benefiċċji sħaħ tas-suq uniku mingħajr riskji tar-rata tal-kambju.
Min-negozju Pollakk tal-elettronika sas-settur Ġermaniż tal-manifattura tal-karozzi, l-industrija kibret minħabba l-ekonomiji ta’ skala offruti minn suq uniku mkabbar. L-industrija Ewropea kisbet aċċess akbar għal inputs ewlenin bħall-materja prima kritika. Il-kumpaniji issa jistgħu faċilment jiksbu r-ram f’Ċipru, il-kobalt fiċ-Ċekja, il-materjali tal-art rari fil-Litwanja u n-nikil fis-Slovakkja.
Sħubija usa’ fl-UE ħolqot ukoll opportunitajiet għall-bejgħ f’suq akbar għall-prodotti agroalimentari, li joffri liċ-ċittadini għażla akbar ta’ prodotti ta’ kwalità. L-10 Stati Membri l-ġodda saħħew id-diversità agrikola tal-UE, bi tradizzjonijiet tal-biedja, għelejjel, bhejjem u prodotti ta’ kwalità għolja differenti. Il-valur tal-produzzjoni agrikola f’dawn il-pajjiżi ttripla matul l-aħħar żewġ deċennji, u qabeż €68 biljun.
Fatti u ċifri
- L-aċċess għal suq uniku akbar kien ta’ benefiċċju għall-industriji Ewropej. Bejn l-2004 u l-2022, is-Slovakkja rduppjat il-produzzjoni tagħha tal-metalli bażiċi, filwaqt li ċ-Ċekja aktar milli rduppjat il-produzzjoni tagħha ta’ prodotti tal-karta.
- Permezz tal-Politika Agrikola Komuni, l-UE għenet biex timmodernizza l-industriji agrikoli u tal-ikel fl-10 Stati Membri.
- L-Ewropej jistgħu jgawdu minn aktar ikel u prodotti agrikoli ta’ kwalità għolja mill-Unjoni. Mill-inbid Għawdxi sal-kaboċċa ffermentata Slovakka, mill-10 pajjiżi żdiedu aktar minn 280 prodott mal-lista tal-UE ta’ prodotti b’denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti.
Matul dawn l-aħħar 20 sena, l-UE investiet b’mod sostanzjali fl-infrastruttura biex l-Ewropa ssir post aħjar fejn wieħed jgħix u jaħdem - mill-awtostradi sal-pipelines, it-trasport pubbliku, il-konnettività, iċ-ċentri tad-data u l-infrastruttura transfruntiera.
Il-konnessjonijiet tat-trasport tal-Ewropa ġew estiżi u mtejba, u jgħaqqdu l-partijiet kollha tal-kontinent. Pereżempju, is-Slovenja issa għandha network ferrovjarju elettrifikat estiż, filwaqt li l-investimenti tal-UE kkontribwew ukoll għall-iżvilupp ta’ linji tal-metro fl-Ungerija. Hemm ħafna aktar proġetti ppjanati - Rail Baltica, pereżempju, se tgħaqqad l-istati Baltiċi mal-bqija tal-Ewropa, u se ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-Finlandja u pajjiżi oħra fl-UE.
Is-suq tal-enerġija integrat tagħna - bi grilji tal-elettriku interkonnessi bejn Malta u l-Italja, u l-konnessjonijiet tal-gass li jgħaqqdu d-Danimarka u l-Polonja, pereżempju - għenuna negħlbu l-kriżijiet, pereżempju meta r-Russja waqqfet il-provvisti tal-gass. Il-pajjiżi tal-UE ħadmu flimkien biex jiksbu provvisti tal-enerġija aktar siguri u sostenibbli, filwaqt li xprunaw it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u naqqsu d-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili Russi.
B’investimenti sostanzjali tal-UE, il-kopertura tan-networks tal-broadband b’veloċità għolja u l-aċċess għall-internet żdiedu fl-UE kollha. Pijunieri diġitali bħall-Estonja qed jikkontribwixxu biex jiġu attwati servizzi tal-gvern elettroniku innovattivi. Fil-partijiet kollha tal-Ewropa, miljuni ta’ nies kisbu aċċess għan-network 5G. Barra minn hekk, iċ-ċittadini kollha tal-UE bbenefikaw mit-tneħħija tat-tariffi tar-roaming bil-mobile, u b’hekk evitaw spejjeż żejda għal telefonati jew smses li jsiru waqt l-ivvjaġġar fis-27 Stat Membru kollha. U l-investiment tal-UE qed jgħin biex ikomplu jittejbu l-konnettività u r-reżiljenza tan-network - pereżempju, permezz tar-rotta l-ġdida tal-fibra ottika li tgħaqqad l-Iżvezja u l-Finlandja mal-pajjiżi Baltiċi.
Illum, qed inkomplu nieħdu l-affarijiet aktar ’il quddiem bin-NextGenerationEU. B’valur ta’ aktar minn €800 biljun, dan qed jiffinanzja mijiet ta’ proġetti, minn parks eoliċi lil hinn mill-kosta sa ferroviji elettriċi, minn servizzi diġitali tal-ogħla livell sa ċentri mediċi ta’ klassi dinjija, u qed joħloq impjiegi ta’ kwalità - fis-27 Stati Membri kollha.
U hekk kif l-ambjent strateġiku madwarna qed ikompli jinbidel u l-Ewropa jeħtieġ li tagħmel aktar dwar id-difiża, l-Istati Membri kollha qed jieħdu sehem fl-isforz - mir-riċerka Estonjana dwar id-difiża sal-iżvilupp Żvediż tal-inġenji tal-ajru u l-produzzjoni Pollakka tal-munizzjon.
Fatti u ċifri
- Bl-appoġġ tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, in-network tat-trasport tal-Ewropa ġie ttrasformat u mkabbar. It-tul tal-awtostradi ttripla fil-Polonja, fl-Ungerija u fis-Slovakkja f’dawn l-aħħar għoxrin sena. Mill-2004, in-network ferrovjarju tal-Litwanja kiber b’200 kilometru.
- F’dawn l-aħħar 20 sena, l-UE rnexxielha ttejjeb l-effiċjenza enerġetika tal-ekonomija tagħha. B’mod ġenerali, l-UE naqqset l-intensità enerġetika tal-ekonomija tagħha bi kważi 33%. L-10 Stati Membri l-ġodda marru saħansitra aħjar, u naqqsu l-intensità enerġetika tal-ekonomiji tagħhom b’aktar minn 40%.
F’dawn l-aħħar 20 sena, l-Unjoni Ewropea rreġistrat bosta suċċessi fir-riċerka u l-innovazzjonijiet kreattivi - pereżempju fil-prevenzjoni tal-mard u t-trattament tal-kanċer. Ħafna minn dawn seħħew fl-10 pajjiżi l-ġodda tal-UE jew kienu r-riżultat ta’ kooperazzjoni bejn riċerkaturi minn Stati Membri antiki u dawk ġodda, bl-appoġġ finanzjarju tal-UE.
Xjenzati Ungeriżi u Franċiżi għamlu riċerka avvanzata dwar il-materja, u rċevew Premju Nobel fil-Fiżika għall-ħidma tagħhom. Pereżempju, mil-Latvja sa Spanja, l-akkademiċi ħadmu aktar mill-qrib biex isaħħu l-għarfien tagħna dwar il-ġenomi.
Fatti u ċifri
- Iċ-Ċekja, l-Ungerija, l-Italja, il-Ġermanja u oħrajn qed jikkooperaw biex jibnu l-akbar infrastruttura u l-aktar avvanzata tal-laser b’potenza għolja fid-dinja.
Mill-għargħar san-nirien fil-foresti, mit-terremoti sal-emerġenzi mediċi, is-27 Stat Membru taw assistenza vitali lil xulxin meta ntlaqtu minn diżastri.
Il-pajjiżi kollha tal-UE għaddew l-appoġġ mal-kontinent kollu u lil hinn permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili matul l-aħħar 20 sena. L-eżempji huma ħafna. Ħames Stati Membri pprovdew assistenza mill-aktar fis lill-Ungerija wara l-għargħar għal għarrieda fl-2010. Fis-sajf tal-2022, ħaddiema tat-tifi tan-nar Awstrijaċi għenu lis-Slovenja meta l-pajjiż iffaċċja nirien devastanti fil-foresti. Is-sena li għaddiet, ħaddiema tat-tifi tan-nar mis-Slovakkja taw l-għajnuna lill-Greċja meta din kienet qiegħda tikkonfronta nirien storiċi fil-foresti.
Mill-ewwel jum tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Istati Membri tal-UE ħadmu flimkien biex jagħtu appoġġ lill-poplu Ukren. Ċentri loġistiċi fil-Polonja u fis-Slovakkja, kif ukoll fir-Rumanija, għenu biex l-għajnuna tiġi diretta mill-Unjoni kollha. L-UE tat protezzjoni temporanja lil aktar minn 4.1 miljun refuġjat Ukren, bi kważi 1.7 miljun minnhom ospitati mill-Istati Membri li ssieħbu fl-2004.
Fatti u ċifri
- L-Istati Membri tal-UE ħadmu flimkien biex jimmobilizzaw l-għajnuna ta’ emerġenza għal pajjiżi oħra u għal xulxin, u wieġbu għal aktar minn 700 talba għall-assistenza li saru permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili mill-2004.
- Il-ħażniet ta’ oġġetti mediċi tar-rescEU li jinsabu fl-Ungerija, fil-Polonja, fil-Litwanja u fis-Slovenja, kif ukoll ajruplani tat-tifi tan-nar ippożizzjonati minn qabel f’Ċipru u ħelikopters fiċ-Ċekja, ippermettew lill-UE tgħaddi l-appoġġ malajr lejn is-27 Stat Membru kollha.
- Il-Polonja qed tospita ċ-ċentru ta’ evakwazzjoni medika tal-UE għall-pazjenti Ukreni li jeħtieġu trattament urġenti. Sal-lum, aktar minn 3,200 persuna ġew trasferiti biex jirċievu kura tas-saħħa speċjalizzata fi sptarijiet fl-Ewropa kollha.
- Ċipru jinsab fuq quddiem nett tal-kuritur marittimu li jgħaddi l-għajnuna umanitarja lill-poplu Palestinjan.
Matul dawn l-aħħar 20 sena, il-vuċi tal-Ewropa fix-xena dinjija saret aktar b’saħħitha - kemm biex timmobilizza lid-dinja biex tieħu azzjoni dwar it-tibdil fil-klima kif ukoll biex tiġġieled il-pandemija, jew biex tippromwovi d-demokrazija.
Iż-żieda ta’ 10 Stati Membri ġodda tat spinta lis-setgħa ekonomika tagħna globalment. Suq uniku akbar għamel lill-UE sieħeb kummerċjali saħansitra aktar attraenti, li jippermettilna noħolqu opportunitajiet ġodda barra mill-pajjiż. Mill-2004, il-kummerċ internazzjonali globali tagħna kiber bi €3 triljun - u laħaq €5 triljun fl-2023.
Unjoni akbar tejbet ukoll ir-rwol tal-Ewropa bħala donatur umanitarju ewlieni. L-appoġġ umanitarju Ewropew, kemm fl-Ukrajna, f’Gaża jew fis-Sudan, jitwettaq minn ħaddiema umanitarji mill-UE kollha, inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi Pollakki, sħab umanitarji Ċeki u ħaddiema umanitarji Ċiprijotti, fost l-oħrajn.
It-tkabbir ippromwova l-prosperità, saħħaħ id-demokrazija u żgura l-istabbiltà fl-Unjoni kollha. U b’27 Stat Membru, l-UE saret attur ġeopolitiku aktar b’saħħtu.
Stejjer ta’ suċċess
![Modernisation of the tram line Dúbravsko - Karloveská Radál: people waiting at a tram stop](https://commission.europa.eu/sites/default/files/styles/oe_theme_medium_no_crop/public/2024-04/P063558-520312.jpg?itok=AtrdH2pW)
It-tkabbir kien storja ta’ suċċess. Huwa għen lill-Istati Membri kollha biex jegħlbu aħjar l-isfidi Ewropej u globali. Filwaqt li l-kriżi finanzjarja, il-pandemija tal-COVID-19, l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-aktar reċenti l-gwerra fil-Lvant Nofsani xi drabi ttestjaw l-unità tal-UE, l-Unjoni mkabbra tagħna dejjem irnexxielha tfassal rispons - u tagħti riżultati.
Illum, l-UE hija aktar b’saħħitha minħabba l-10 Stati Membri li ssieħbu għoxrin sena ilu. U kull pajjiż jinsab f’qagħda aħjar bis-saħħa tas-sħubija fl-UE.
Testimonjanzi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea 20 sena ilu, fl-2004.
“L-1 ta’ Mejju 2004 huwa wieħed minn dawk il-ġranet li ma tinsa qatt. Ma kienx biss il-qofol ta’ proċess, iżda wkoll il-mument li fih żewġ partijiet tal-Ewropa reġgħu ngħaqdu. Kif konna ngħidu fil-familja tiegħi – l-Ewropa tista’ terġa’ tibda tieħu n-nifs b’żewġ pulmuni.”
20 sena flimkien: ċelebrazzjonijiet
Celebration of the 20th anniversary of the 2004 EU enlargementAerial view of a large European flag deployed alongside the flags of the 10 countries that joined the European Union in 2004 Celebration of the 20th anniversary of the 2004 EU enlargementParticipants unfurling a large European flag Berlaymont building illuminated with the logo of 20th anniversary of the 2004 EU-enlargementView of the Berlaymont at night with the 20th anniversary of the 2004 EU-enlargement logo 20th anniversary of the 2004 enlargement of the EU: illuminations in the 10 Member States celebrating their accession to the EU Žvėrynas bridge illuminated in European flag colours. 20th anniversary of the 2004 enlargement of the EU: illuminations in the 10 Member States celebrating their accession to the EUEstonian Maritime Museum Fat Margaret. 20th anniversary of the 2004 enlargement of the EU: illuminations in the 10 Member States celebrating their accession to the EUHouse of the European Union illuminated in the colors of the European flag. 20th anniversary of the 2004 enlargement of the EU: illuminations in the 10 Member States celebrating their accession to the EUSzéchenyi Chain Bridge with the Hungarian Academy of Sciences illuminated in the colours of the European Union on the background. 20th anniversary of the 2004 enlargement of the EU: illuminations in the 10 Member States celebrating their accession to the EUEU House: European Commission Representation in Cyprus. 20th anniversary of the 2004 enlargement of the EU: illuminations in the 10 Member States celebrating their accession to the EUNational Bank of Slovakia.
Riżorsi
Id-data użata fil-kampanja “20 snin flimkien” hija bbażata fuq l-istatistika tal-Eurostat kif ukoll fuq sorsi oħra ta’ informazzjoni uffiċjali u soġġetta għal aġġornamenti. L-istħarriġiet kollha msemmija meħudin mill-Ewrobarometru.