Mur għall-kontenut ewlieni

Il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit

Nipproteġu l-interessi tal-Unjoni Ewropea, niżguraw kompetizzjoni ġusta, u nissoktaw il-kooperazzjoni fl-oqsma ta’ interess reċiproku

Il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit konkluż bejn l-UE u r-Renju Unit jistabbilixxi arranġamenti preferenzjali f’oqsma bħall-kummerċ fi prodotti u f’servizzi, il-kummerċ diġitali, il-proprjetà intellettwali, l-akkwist pubbliku, l-avjazzjoni u t-trasport bit-triq, l-enerġija, is-sajd, il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, il-kooperazzjoni tematika u l-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni. Huwa mirfud minn dispożizzjonijiet li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi u rispett għad-drittijiet fundamentali.

Filwaqt li bl-ebda mod mhu se jaqbel mal-livell ta’ integrazzjoni ekonomika li eżista meta r-Renju Unit kien Stat Membru tal-UE, il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni jmur lil hinn mill-ftehimiet tradizzjonali ta’ kummerċ ħieles u jipprovdi bażi solida għall-preservazzjoni tal-ħbiberija u l-kooperazzjoni fit-tul tagħna.

Il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni kien iffirmat fit-30 ta’ Diċembru 2020, kien applikat proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2021 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021.

  • 30 APRIL 2021
Il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit (il-lingwi kollha)

Il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jikkonsisti f’dawn li ġejjin:

Il-kooperazzjoni fil-politika barranija, is-sigurtà esterna u d-difiża mhix koperta mill-Ftehim għax ir-Renju Unit ma riedx jinnegozja din il-materja. Għalhekk, minn Jannar 2021, m’hemm ebda qafas fis-seħħ bejn ir-Renju Unit u l-UE biex jiġu żviluppati u kkoordinati reazzjonijiet konġunti għall-isfidi tal-politika barranija, pereżempju l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuq ċittadini jew ekonomiji ta’ pajjiżi terzi.

Barra minn hekk, il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni ma jkopri ebda deċiżjoni relatata mal-ekwivalenzi għas-servizzi finanzjarji, l-adegwatezza tar-reġim tal-protezzjoni tad-data tar-Renju Unit, jew il-valutazzjoni tar-reġim sanitarju u fitosanitarju tar-Renju Unit għall-fini li jiġi elenkat bħala pajjiż terz permess li jesporta prodotti tal-ikel lejn l-UE. Fil-fatt, dawn huma deċiżjonijiet unilaterali tal-UE u mhumiex soġġetti għal negozjati.

Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles

Sħubija ekonomika u soċjali ġdida mar-Renju Unit

Il-ftehim mhux biss ikopri l-kummerċ tal-prodotti u s-servizzi, iżda firxa wiesgħa ta’ oqsma oħrajn li huma ta’ interess għall-Unjoni Ewropea, bħall-investiment, il-kompetizzjoni, l-għajnuna mill-Istat, it-trasparenza fiskali, it-trasport bl-ajru u bit-triq, l-enerġija u s-sostenibbiltà, is-sajd, il-protezzjoni tad-data, u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali.

  • Jipprevedi tariffi żero u kwoti żero fuq il-prodotti kollha li jikkonformaw mar-regoli ta’ oriġini xierqa.
  • Iż-żewġ partijiet impenjaw ruħhom li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi sodi billi jżommu livelli għoljin ta’ protezzjoni f’oqsma bħall-protezzjoni ambjentali, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ipprezzar tal-karbonju, id-drittijiet soċjali u tax-xogħol, it-trasparenza fiskali u l-għajnuna mill-Istat, b’infurzar domestiku effettiv, b’mekkaniżmu vinkolanti għas-soluzzjoni tat-tilwim, u bil-possibbiltà li ż-żewġ partijiet jieħdu miżuri ta’ rimedju.
  • L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit qablu dwar qafas ġdid għall-ġestjoni konġunta tal-istokkijiet tal-ħut fl-ilmijiet tal-UE u tar-Renju Unit. Ir-Renju Unit se jkun jista’ jkompli jiżviluppa l-attivitajiet tas-sajd Brittaniċi, filwaqt li se jiġu salvagwardjati l-attivitajiet u l-għajxien tal-komunitajiet tas-sajd Ewropej u se jiġu preservati r-riżorsi naturali Ewropej.
  • Dwar it-trasport, il-ftehim jaħseb għal konnettività kontinwa u sostenibbli bl-ajru, bit-triq, bil-ferroviji u bil-baħar permezz ta’ aċċess għas-suq li huwa anqas minn dak li joffri s-Suq Uniku. Jinkludi dispożizzjonijiet biex jiżgura li l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-UE u tar-Renju Unit issir b’kundizzjonijiet ekwi, ħalli jitħarsu d-drittijiet tal-passiġġieri, id-drittijiet tal-ħaddiema u s-sikurezza tat-trasport.
  • Dwar l-enerġija, il-ftehim jipprovdi mudell ġdid għall-kummerċ u l-interkonnettività, b’garanziji għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta, inkluż dwar standards tas-sikurezza għall-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli u offshore.
  • Dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, il-ftehim għandu l-għan li jiżgura bosta drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u taċ-ċittadini tar-Renju Unit. Dan jikkonċerna liċ-ċittadini tal-UE li jaħdmu, jivvjaġġaw jew jiċċaqilqu lejn ir-Renju Unit, u liċ-ċittadini tar-Renju Unit li jaħdmu, jivvjaġġaw jew jiċċaqilqu lejn l-UE wara l-1 ta’ Jannar 2021.
  • Fl-aħħar nett, b’dan il-ftehim, ir-Renju Unit se jkun jista’ jissokta jieħu sehem f’numru ta’ programmi ewlenin tal-UE għall-perjodu 2021-2027, bħalma huwa l-programm Orizzont Ewropa, iżda din il-parteċipazzjoni hija soġġetta għal kontribuzzjoni finanzjarja mir-Renju Unit lill-baġit tal-UE.

Iktar informazzjoni:

Sħubija ġdida għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħna

Il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni jistabbilixxi qafas ġdid għall-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji tal-liġi kriminali u ċivili. Dan jirrikonoxxi l-ħtieġa għal kooperazzjoni b’saħħitha bejn il-pulizija nazzjonali u l-awtoritajiet ġudizzjarji, b’mod partikolari għall-ġlieda u l-prosekuzzjoni kontra l-kriminalità u t-terroriżmu transfruntieri.

Din tibni kapaċitajiet operazzjonali ġodda li jqisu l-fatt li r-Renju Unit, bħala membru mhux tal-UE barra miż-żona Schengen, mhux se jkollu l-istess faċilitajiet bħal qabel. Il-kooperazzjoni fis-sigurtà tista’ tiġi sospiża f’każ ta’ ksur mir-Renju Unit tal-impenn tiegħu għal aderenza kontinwa mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-infurzar domestiku tagħha.

Ftehim Orizzontali dwar il-Governanza

Qafas dejjiemi

Biex tingħata ċertezza legali massima lin-negozji, lill-konsumaturi u liċ-ċittadini, hemm Kapitlu apposta dwar il-governanza li jipprovdi ċarezza dwar kif se jitħaddem u jiġi kkontrollat il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni. Dan jistabbilixxi wkoll Kunsill Konġunt ta’ Sħubija li se jiżgura l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni adegwati tal-Ftehim, li se jiddiskuti kull kwistjoni li tqum.

Permezz ta’ mekkaniżmi vinkolanti ta’ infurzar u soluzzjoni tat-tilwim se jkun żgurat li jitħarsu d-drittijiet tan-negozji, tal-konsumaturi u tal-individwi. Dan ifisser li n-negozji fl-UE u fir-Renju Unit se jkunu jistgħu jikkompetu b’kundizzjonijiet ekwi u se jkun evitat li xi parti tuża l-awtonomija regolatorja tagħha biex tagħti sussidji inġusti jew tgħawweġ il-kompetizzjoni. Il-Ftehim jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ riekwilibriju, ta’ rimedju, ta’ kumpens u ta’ salvagwardja.

Iż-żewġ partijiet jistgħu jinvolvu ruħhom f’ritaljazzjoni transsettorjali f’każ ta’ ksur tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni. Din ir-ritaljazzjoni transsettorjali tapplika għall-oqsma kollha tas-sħubija ekonomika. Japplikaw klawżoli speċifiċi ta’ sospensjoni għall-kooperazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’każ li Parti tikser l-obbligi tagħha.

Sejħa għall-applikazzjonijiet: attivitajiet ta’ soluzzjoni tat-tilwim skont il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit

  • 22 JANNAR 2021
Slides on Governance and Enforcement in the EU-UK Trade and Cooperation Agreement

Il-Grupp Konsultattiv Domestiku tal-UE taħt il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit (KESE)

Ilmenti

Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni mar-Renju Unit hu ċentrali biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji tal-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minnu. Għandek ilment dwar il-mod li bih ir-Renju Unit qed jimplimenta l-Ftehim? Jekk jogħġbok wieġeb ftit mistoqsijiet sempliċi biex nindirizzaw l-ilment tiegħek lis-servizz xieraq tal-Kummissjoni.

Ressaq ilment

Jekk għandek ilment dwar il-mod li bih Stat Membru tal-Unjoni Ewropea qed jimplimenta l-Ftehim, jekk jogħġbok uża l-formola tal-ilmenti għal ksur tal-liġi tal-Unjoni.

Materjal għall-istampa

  • 29 DIĊEMBRU 2020
Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit: Bidliet kbar meta mqabbla mal-benefiċċji tas-sħubija fl-UE - LISTA TA’ KONTROLL
  • 24 DIĊEMBRU 2020
Il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit Relazzjoni ġdida li ġġib magħha bidliet kbar