Mur għall-kontenut ewlieni

Ir-Regolament dwar is-Sussidji Barranin

Update of the Industrial strategy for Europe
Ir-Regolament dwar is-Sussidji Barranin

Nindirizzaw id-distorsjonijiet fis-Suq Uniku kkawżati minn kontribuzzjonijiet finanzjarji barranin

X’inhu sussidju barrani?

Għaliex s-sussidji barranin jistgħu joħolqu distorsjoni fis-Suq Uniku

Is-sussidji barranin jistgħu jagħtu lir-riċevituri tagħhom vantaġġ inġust biex jakkwistaw kumpaniji jew biex jiksbu kuntratti ta’ akkwist pubbliku fl-UE. Ir-riċevituri ta’ sussidji barranin għandhom il-potenzjal li jeskludu kumpaniji mhux sussidjati, jagħmlu ħsara lill-innovazzjoni, u jħallu impatt negattiv fuq il-kwalità u l-għażla tal-oġġetti u s-servizzi tal-konsumatur.

Eżempji ta’ sussidji barranin distorsivi

Capital Markets, Paris Financial Centre and Stock Exchange, France
Konċentrazzjoni sussidjata

Kumpanija tixtieq tikseb kumpanija fil-mira tal-UE. Tali akkwist hu appoġġjat mill-gvern ta’ pajjiż mhux tal-UE permezz ta’ għotja diretta u garanzija benefiċjarja mill-Istat fuq self lill-akkwirent. Dawn is-sussidji jagħmluha aktar faċli għall-akkwirent li jiffinanzja l-akkwist u li jissupera l-kompetituri potenzjali li jixtiequ wkoll jakkwistaw il-kumpanija fil-mira tal-UE.

Corporate and office relations
Akkwist pubbliku

Kumpanija mhux tal-UE li beħsiebha tissottometti offerta f’offerta pubblika organizzata minn awtorità kontraenti fi Stat Membru tal-UE għal proġett kbir. Il-kumpanija hi appoġġjata mill-gvern ta’ pajjiż mhux tal-UE permezz ta’ sussidji diretti. B’riżultat ta’ dan, il-kumpanija tista’ tagħmel offerta bi prezz baxx li ma kinitx tkun kapaċi tagħmel mingħajr is-sussidju, u għalhekk Ikollha vantaġġ fuq il-kompetituri. 

Operation to fight cigarette smuggling in Latvia
Każ fuq inizjattiva proprja (<i>ex-officio</i>)

Sussidjarja tal-UE ta’ kumpanija prinċipali minn pajjiż mhux tal-UE li għandha aċċess għal finanzjament irħis appoġġjat mill-Istat mhux tal-UE tal-kumpanija prinċipali, pereżempju, fil-forma ta’ garanziji bla limitu mill-Istat jew għotja finanzjarja diretta. Il-finanzjament irħis jippermetti lis-sussidjarja tal-UE tistabbilixxi fabbriki fl-UE u teskludi kompetituri li ma jibbenefikawx minn sussidji.

Ir-Regolament dwar is-Sussidji Barranin (FSR)

L-UE għandha rwol importanti fl-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tas-suq ġusti u mingħajr distorsjoni fis-Suq Uniku.

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida għandha l-għan li tindirizza d-differenzi regolatorji bejn l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri tal-UE u s-sussidji mogħtija minn gvernijiet mhux tal-UE. Tal-ewwel huwa soġġett għal skrutinju mill-qrib, filwaqt li s’issa, ma kien hemm l-ebda regola komparabbli għal sussidji minn pajjiżi mhux tal-UE.

L-FSR jippermetti lill-Kummissjoni tinvestiga l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija minn awtoritajiet mhux tal-UE lil kumpaniji attivi fl-UE.

Għodod disponibbli kontra sussidji barranin distorsivi

Jekk il-Kummissjoni tidentifika l-eżistenza ta’ sussidji barranin li jfixklu l-kompetizzjoni fl-UE, tista’ tittieħed azzjoni billi jintuaw l-għodod li ġejjin:

concentration

L-obbligu ta’ notifika ex-ante għal konċentrazzjonijiet li jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja minn gvern mhux tal-UE, meta (i) il-fatturat fl-UE tal-kumpanija li se tiġi akkwistata, ta’ mill-inqas waħda mill-partijiet fil-fużjoni jew tal-impriża konġunta, jkun mill-inqas €500 miljun u (ii) il-kontribuzzjoni finanzjarja barranija tkun ta’ mill-inqas €50 miljun.

public tender

L-obbligu ta’ notifika ex-ante għal proċedura ta’ akkwist pubbliku meta (i) il-valur tal-kuntratt ikun mill-inqas €250 miljun u (ii) l-offerta tkun tinvolvi kontribuzzjoni finanzjarja barranija ta’ mill-inqas €4 miljun għall kull pajjiż mhux tal-UE.

market

Għas-sitwazzjonijiet l-oħra kollha tas-suq, il-Kummissjoni tista’ tibda investigazzjonijiet fuq inizjattiva tagħha (ex-officio), inkluża l-possibblità li titlob notifika ad-hoc għal konċentrazzjonjiet iżgħar u għal proċeduri ta’ akkwist pubbliku.

Fir-rigward taż-żewġ għodod ta’ notifika, l-akkwirent jew l-offerent se jkollhom jinnotifikaw ex-ante l-kontribuzzjonijiet finanzjarji li rċevew mingħand gvernijiet u awtoritajiet pubbliċi mhux tal-UE fir-rigward ta’ konċentrazzjonijiet jew akkwisti pubbliċi li jissodisfaw il-limiti stabbiliti rilevanti. Sakemm issir ir-reviżjoni u l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-konċentrazzjoni inkwistjoni ma tistax titlesta. Fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku, l-offerent investigat ma jistax jingħata l-kuntratt (obbligu ta’ waqfien totali) sakemm tintemm l-investigazzjoni jew jiskadi l-limitu ta’ żmien.

Il-Kummissjoni se tkun tista’ titlob ukoll notifiki ad-hoc għal konċentrazzjonijiet u għal proċeduri ta’ akkwist pubbliku taħt il-limiti stabbiliti rilevanti, jekk tissuspetta li setgħu kienu involuti sussidji barranin fit-tranżazzjoni u jekk it-tranżazzjoni ma tkunx għadha ġiet konkluża. Fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku, dan japplika wkoll jekk il-Kummissjoni tirċievi informazzjoni ġdida li twassalha biex tissuspetta li notifika jew dikjarazzjoni, li ġiet sottomessa, ma kinitx kompluta, jew meta tali notifika jew dikjarazzjoni ma ġietx trasferita lill-Kummissjoni. Fil-każ ta’ notifika ad-hoc, il-konċentrazzjoni jew il-proċedura ta’ akkwist pubbliku kkonċernata se tkun soġġetta għall-istess obbligu ta’ waqfien totali kif deskritt hawn fuq.

L-għodda ta’ investigazzjoni ġenerali (ex-officio) se tippermetti lill-Kummissjoni biex tinvestiga fuq inizjattiva tagħha kwalunkwe tip ta’ attività ekonomika u sitwazjoni tas-suq, bħall-investiment greenfield jew l-għoti ta’ servizzi, meta tissuspetta li sussidju barrani jista’ jkun involut.

Struttura tal-valutazzjoni

Il-proċedura biex jiġu investigati s-sussidji barranin se tinvolvi rieżami preliminari u, jekk ikun hemm evidenza biżżejjed ta’ sussidju barrani distortiv, investigazzjoni fil-fond.

  • Il-Kummissjoni se tivvaluta jekk kontribuzzjoni finanzjarja minn gvern mhux tal-UE tikkostitwixxix sussidju barrani skont it-tifsira tal-FSR u jekk toħloqx distorsjoni tas-Suq Uniku.
  • Jekk tagħmel dan, il-Kummissjoni tibbilanċja l-effetti negattivi f’termini tad-distorsjoni mal-effetti pożittivi tas-sussidju barrani fuq l-iżvilupp tal-attività ekonomika sussidjata rilevanti.
  • Meta l-effetti negattivi jegħlbu l-effetti pożittivi, il-Kummissjoni tista’ timponi miżuri ta’ rimedju jew taċċetta impenji mill-kumpaniji kkonċernati biex tiġi rrimedjata d-distorsjoni.
Visual foreign subsidies regulation
procedure
Kif se taħdem il-proċedura?

Notifika ex-ante speċifika

  • Konċentrazzjonijiet (>€500 miljun fatturat tal-UE u > €50 miljun kontribuzzjoni barranija)
  • Offerti fl-akkwist (> €250 miljun u > €4 miljun kontribuzzjoni għal kull pajjiż mhux tal-UE)

Għodda ġenerali ta’ skrinjar

  • Ex-officio
  • Kwalunkwe sitwazzjoni tas-suq
assessment
Il-Kummissjoni kif se tivvaluta d-distorsjonijiet possibbli?

Kategoriji ta’ sussidji li x’aktarx joħolqu distorsjoni

  • Garanziji bla limitu
  • Sussidji lil kumpanija f’diffikultà mingħajr pjan ta’ ristrutturar
  • Sussidji li jiffaċilitaw konċentrazzjoni direttament
  • Sussidji li jippermettu offerta vantaġġuża bla bżonn
  • Il-finanzjament tal-esportazzjoni mhux konformi mal-Arranġament tal-OECD dwar krediti għall-esportazzjoni appoġġjati b’mod uffiċjali

Indikaturi ta’ distorsjoni

  • Ammont u natura tas-sussidju
  • Is-sitwazzjoni tal-kumpanija, inkluż id-daqs tagħha, u s-suq jew is-setturi kkonċernati
  • Il-livell u l-evoluzzjoni tal-attività ekonomika fis-suq intern
  • Skop, kundizzjonijiet u użu tas-sussidju

Is-sussidji li x’aktarx ma jkunux ta’ distorsjoni

  • L-ammont huwa inqas minn €4 miljun/3 snin

Sussidji meqjusa bħala mhux distortivi

  • L-ammont huwa inqas mil-limiti għall-għajnuna de minimis skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat
  • Sussidji li għandhom l-għan li jagħmlu tajjeb għad-danni kkawżati minn diżastri naturali jew ġrajjiet mhux mistennija
balance
X’inhu t-test tal-ibbilanċjar?

Dan it-test iqis jekk l-effetti distorsivi ta’ sussidju barrani humiex mitigati mill-effetti pożittivi fuq l-iżvilupp tal-attività ekonomika sussidjata rilevanti. Dan jgħin biex jiġi deċiż jekk jiġux imposti miżuri ta’ rimedju jew jiġux aċċettati impenji, kif ukoll in-natura u l-livell ta’ miżuri jew impenji ta’ rimedju possibbli.

remedy
X’miżuri ta’ rimedju se jkollha s-setgħa li timponi l-Kummissjoni?
  • Timponi miżuri ta’ rimedju strutturali jew mhux strutturali (eż. ċessjoni tal-assi, aċċess għall-infrastruttura, projbizzjoni ta’ ċerta mġiba fis-suq)
  • Taċċetta l-impenji offruti mill-kumpanija
  • Tipprojbixxi l-konċentrazzjoni sussidjata jew l-għoti ta’ akkwist lill-offerent issussidjat.

Stadji importanti tal-inizjattiva

  1. 21-22 ta’ Marzu 2019

    Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni tidentifika għodod ġodda biex jiġu indirizzati l-effetti distorsivi tas-sussidji barranin fuq is-Suq Uniku.

  2. Frar 2020

    Fir-rapport tiegħu dwar il-politika tal-kompetizzjoni, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni tesplora għodod ġodda biex tindirizza d-distorsjonijiet minħabba s-sussidji.

  3. 17 ta’ Ġunju 2020

    Il-Kummissjoni tadotta White Paper dwar is-sussidji barranin biex tniedi dibattitu pubbliku

  4. 23 ta’ Settembru 2020

    Konsultazzjoni pubblika ta’ 14-il ġimgħa tispiċċa, 150 minn dawk li wieġbu ressqu l-fehmiet tagħhom

  5. 6 ta’ Ottubru 2020

    Il-Kummissjoni tippubblika Valutazzjoni tal-impatt tal-bidu għal proposta leġiżlattiva

  6. Ottubru 2020 - Jannar 2021

    Il-Kummissjoni tiġbor il-feedback tal-partijiet ikkonċernati f’konsultazzjoni mmirata

  7. 3 ta’ Marzu 2021

    Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju joħroġ opinjoni pożittiva dwar ir-rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt

  8. 5 ta’ Mejju 2021

    Il-Kummissjoni tadotta Proposta għal Regolament dwar sussidji barranin distorsivi

  9. 30 ta' Ġunju 2022

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jilħqu qbil politiku dwar it-test tar-Regolament dwar is-Sussidji Barranin

  10. Novembru 2022

    It-test finali tar-Regolament jiġi adottat fl-10 ta’ Novembru 2022 mill-Parlament u fit-28 ta’ Novembru 2022 mill-Kunsill

  11. 12 ta' Jannar 2023

    Jidħol fis-seħħ ir-Regolament dwar is-Sussidji Barranin

     

  12. Jannar 2023

    Il-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni u formoli ta’ notifika, segwiti minn perjodu ta’ 4 ġimgħat għall-feedback tal-partijiet ikkonċernati

  13. 12 ta' Lulju 2023

    Ir-Regolament dwar is-Sussidji Barranin jibda japplika. Il-Kummissjoni tista’ tibda investigazzjonijiet ex-officio

  14. 12 ta' Ottubru 2023

    L-obbligu ta’ notifika għall-konċentrazzjonijiet u l-akkwist pubbliku ’l fuq minn ċerti limiti jibda japplika

Dokumenti

13 JANNAR 2023
Regulation on foreign subsidies distorting the internal market

 

5 MEJJU 2021
Press release: Commission proposes new Regulation to address distortions caused by foreign subsidies in the Single Market

 

5 MEJJU 2021
Questions and Answers: Distortive foreign subsidies

 

5 MEJJU 2021
Impact Assessment report on distortive foreign subsidies

 

5 MEJJU 2021
Executive summary of the Impact Assessment report: Distortive foreign subsidies

 

5 MEJJU 2021
Opinion of the Regulatory Scrutiny Board: Distortive foreign subsidies

Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar fit-8 ta’ Frar 2023.