Mur għall-kontenut ewlieni

Ix-xogħol fl-UE

Il-biċċa l-kbira tal-istaff tal-Kummissjoni taħdem fi Brussell u fil-belt tal-Lussemburgu, iżda hemm opportunitajiet biex taħdem f’postijiet oħra.

Brussell u l-belt tal-Lussemburgu huma l-kwartieri ġenerali għal ħafna istituzzjonijiet tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali, u joffru kwalità ta’ ħajja tajba f’ambjent internazzjonali u multilingwi. Matul is-snin, Brussell saret ċentru politiku ewlieni. Dan huwa post attraenti għall-gradwati żgħażagħ peress li joffri ħafna opportunitajiet biex wieħed jagħmel ħbieb u jsib impjieg.

Il-belt tal-Lussemburgu hi ċentru finanzjarju, legali u diġitali u belt sabiħa. Hi qed issir dejjem aktar attraenti għall-professjonisti tas-sengħa minħabba s-suq tax-xogħol li qed jespandi u t-tkabbir ekonomiku kontinwu.

Ix-xogħol fid-dinja

Aktar minn 3,000 membru tal-istaff jaħdmu fl-uffiċċji lokali tal-Kummissjoni li jinsabu f’kull pajjiż tal-UE (“rappreżentanzi”) u ċ-Ċentri Konġunti tar-Riċerka fil-Belġju, l-Italja, il-Ġermanja, Spanja u n-Netherlands.

Hemm aktar minn 140 Rappreżentanza Diplomatika tal-UE ġestiti mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, wieħed mill-akbar servizzi diplomatiċi fid-dinja. L-istaff tal-Kummissjoni għandu l-opportunità japplika biex jaħdem fihom, jimmaniġġja programmi ta’ kooperazzjoni tal-UE jew jiżviluppa l-kummerċ, pereżempju.