Mur għall-kontenut ewlieni
Artiklu tal-aħbarijiet5 Ġunju 2024Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni2 min qari

Il-Jum Dinji tal-Ambjent 2024

Biodiversity Belgium - Landscapes

 

Fil-5 ta’ Ġunju, niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Ambjent. Dan il-jum ġie stabbilit min-Nazzjonijiet Uniti fl-1972, u hu l-akbar avveniment ambjentali internazzjonali b’miljuni ta’ nies jipparteċipaw fid-dinja kollha. Hu evolva fi pjattaforma globali prominenti għall-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni ambjentali.

L-UE poġġiet l-ambjent fuq quddiem nett tal-aġenda tagħha b’politiki tal-UE mfassla biex jipproteġu l-ambjent u l-bijodiversità, jissalvagwardjaw is-saħħa tal-bniedem, u jippromwovu t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Fl-2019, il-Kummissjoni introduċiet il-Patt Ekoloġiku Ewropew, strateġija komprensiva li għandha l-għan li tagħmel l-Ewropa newtrali għall-klima sal-2050.

Azzjonijiet ewlenin:

  • Tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b’effett ta' serra: l-istabbiliment ta’ qafas biex jinkiseb tnaqqis ta’ mill-inqas 55% fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra meta mqabbla mal-livelli tal-1990 sa tmiem dan id-deċennju
  • Diżakkoppjament tat-tkabbir ekonomiku mill-emissjonijiet: mill-1990, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra naqsu b’32.5%, filwaqt li l-ekonomija tagħna kibret bi kważi 70%
  • Trawwim tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet: l-implimentazzjoni tal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti biex jitħaffu l-proċessi tal-għoti ta’ permessi għall-manifattura ta’ teknoloġija nadifa u jingħata appoġġ lin-negozji Ewropej fiż-żamma tal-kompetittività filwaqt li ssir tranżizzjoni lejn prattiki aktar ekoloġiċi
  • Tnaqqis tal-impatt ambjentali tal-produzzjoni u tal-konsum tal-ikel: bil-pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari jagħmel il-prodotti sostenibbli n-norma, mill-elettronika, it-tessuti, il-vetturi, il-kostruzzjoni għall-ikel
  • Protezzjoni tal-bijodiversità: nibnu fuq Natura 2000, l-akbar network ta’ żoni naturali protetti fid-dinja, biex jiġu ssalvagwardjati r-riżorsi naturali u jitwaqqaf it-tnaqqis ta’ speċijiet u habitats fil-periklu
  • Indirizzar tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju: bl-Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri jiżgura li l-emissjonijiet jitnaqqsu kull fejn jiġu prodotti, anke barra mill-fruntieri tal-UE
  • Protezzjoni tan-nies minn perikli ambjentali: bir-regoli tal-UE li jiggarantixxu ilma tax-xorb sikur, ilma għall-għawm nadif, kwalità tal-arja mtejba, u tnaqqis fl-istorbju, kif ukoll it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tal-effetti ta’ sustanzi kimiċi dannużi
  • Appoġġ għan-nies u r-reġjuni affettwati minn avvenimenti klimatiċi estremi: bil-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE biex jingħata appoġġ liż-żoni affettwati
  • Protezzjoni tal-ħaddiema u tas-soċjetajiet vulnerabbli: l-istabbiliment tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Soċjali għall-Klima biex jingħata appoġġ lil komunitajiet vulnerabbli li qed jiffaċċjaw l-akbar sfidi biex jadattaw għal politiki ambjentali ġodda

Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata bis-sħiħ li tittrasforma l-UE f’ekonomija nadifa, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva, f’konformità mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa bbażat fuq ekonomija nadifa u ċirkolari. Hu qed imexxi ’l quddiem tranżizzjoni nadifa li tipproteġi lin-nies u lill-pjaneta, u li hi ekonomikament soda u soċjalment ġusta. 

Għal aktar informazzjoni

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew

L-istorja tal-Kummissjoni von der Leyen: Il-Patt Ekoloġiku Ewropew

Aktar dwar il-politika ambjentali tal-UE

Il-Ġimgħa Ekoloġika tal-UE 2024

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
5 Ġunju 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni