Mur għall-kontenut ewlieni

Koordinazzjoni mal-Bank Europew tal-Investiment

Il-Grupp tal-BEI jikkonsisti mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI). Il-kompitu tal-BEI huwa li jikkontribwixxi, permezz tal-finanzjament ta’ investimenti, għall-integrazzjoni, l-iżvilupp ibbilanċjat u l-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-UE. Il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment jiffurmaw il-Grupp tal-BEI.

Ir-rwol tal-Bank Europew tal-Investiment

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa l-istituzzjoni ta’ finanzjament tal-Unjoni li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni, l-iżvilupp u l-koeżjoni Ewropej permezz tal-finanzjament ta’ proġetti b’appoġġ għall-politiki tal-UE. Għalkemm il-maġġoranza tal-proġetti ffinanzjati mill-BEI jinsabu fi ħdan l-UE, il-BEI jwettaq ukoll operazzjonijiet barra mill-Unjoni. Il-BEI huwa mmaniġġjat mill-Bord tal-Gvernaturi, il-Bord tad-Diretturi u l-Kumitat tat-Tmexxija.

Il-bord tad-diretturi

Il-Bord tad-Diretturi tal-BEI jikkonsisti minn 29 Direttur, li jinkludu rappreżentant minn kull Stat Membru u l-Kummissjoni, u 19-il Direttur Supplenti. Skont l-Istatut tal-BEI, il-Kummissjoni taħtar Direttur wieħed u Direttur Supplenti wieħed fil-Bord tad-Diretturi tal-BEI.

Il-Bord tad-Diretturi jiltaqa’ għaxar darbiet fis-sena. Il-kompiti ewlenin tiegħu huma li:

  • jiżgura li l-BEI huwa mmaniġġjat skont it-Trattati Ewropej, l-istatut tal-BEI u d-direttivi stabbiliti mill-gvernaturi
  • japprova l-għoti ta’ self
  • jawtorizza l-konklużjoni ta’ garanziji u self
  • jirrakkomanda bidliet fil-politika kreditizja tal-Bank lill-Bord tal-Gvernaturi
  • japprova l-politiki operattivi tal-BEI

L-opinjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi mfittxija għall-operazzjonijiet kollha tal-BEI ffinanzjati mir-riżorsi proprji qabel ma jkunu ppreżentati lill-Bord tad-Diretturi tal-BEI għall-approvazzjoni. Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li tipprovdi opinjoni dwar il-konformità tal-investimenti proposti mal-leġiżlazzjoni u l-politiki rilevanti tal-UE. Aspetti bħall-profitt u r-riskju finanzjarju tal-proġett huma barra mill-ambitu tal-proċedura tal-Artikolu 19 u jibqgħu taħt ir-responsabbiltà unika tal-BEI. 

Il-mandati tal-BEI

L-UE tat lill-BEI numru ta’ mandati biex iwettaq ċerti operazzjonijiet ta’ self taħt garanzija baġitarja tal-UE li tkopri l-perjodu 2014-2020, inkluż il-mandat ta’ self estern tal-BEI li jkopri l-operazzjonijiet tal-BEI barra l-UE.

Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment

Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa

F’Novembru 2014, il-Kummissjoni flimkien mal-BEI nediet il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, strateġija komprensiva mfassla biex tneħħi l-ostakoli u jitrawmu l-investimenti fl-Unjoni. Flimkien mar-riformi ekonomiċi, ir-responsabbiltà fiskali tal-Istati Membri u t-tneħħija tal-ostakoli biex jitlesta s-Suq Uniku, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) huwa komponent finanzjarju ewlieni, bl-għan li jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq eżistenti u l-kundizzjonijiet ta’ investiment subottimali.

Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)

Skont il-Ftehim tal-FEIS, il-Kummissjoni qed tipprovdi garanzija tal-UE lill-BEI għal proġetti appoġġjati mill-FEIS. Il-proġetti appoġġjati mill-FEIS huma suġġetti għaċ-ċiklu tal-proġett u ta’ governanza normali tal-BEI. Barra minn hekk, il-FEIS għandu l-istruttura ta’ governanza ddedikata tiegħu stess, li ġiet stabbilita biex jiġi żgurat li l-investimenti magħmula permezz tal-FEIS jibqgħu ffukati fuq l-objettiv speċifiku tal-indirizzar tal-falliment tas-suq minħabba teħid ta’ riskji li jfixkel l-investiment fl-Ewropa.

Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investiment (EIAH) għandu l-għan li jsaħħaħ l-appoġġ mhux finanzjarju għal proġetti u investimenti. L-EIAH jikkonsisti minn tliet komponenti komplementari:

  • punt ta’ dħul għal firxa wiesgħa ta’ programmi u inizjattivi ta' konsulenza u ta' assistenza teknika għall-benefiċjarji pubbliċi u privati
  • pjattaforma ta’ kooperazzjoni fejn jiġi attirat, skambjat u mxerred l-għarfien espert bejn l-istituzzjonijiet sħab
  • rinfurzar jew estensjoni ta’ servizzi ta’ konsulenza eżistenti jew il-ħolqien ta’ oħrajn ġodda biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet mhux milħuqa