Mur għall-kontenut ewlieni

In-nies l-ewwel – L-ekoloġizzazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea qed tmexxi bl-eżempju - stabbiliet pjan ambizzjuż iżda realistiku biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2030.

Il-kisba tan-newtralità klimatika sal-2030

Minn mindu kisbet ir-reġistrazzjoni tal-iskema ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) fl-2005, il-Kummissjoni naqqset l-emissjonijiet tagħha tal-gassijiet serra b’38% billi tejbet l-effiċjenza enerġetika tal-bini tagħha, u naqqset l-użu tal-ilma, il-karta u l-iskart.

Biex tkompli tibni fuq din il-prattika t-tajba, u taqdi rwol ewlieni bħala protagonista fit-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali għall-klima, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet serra (GHG) b’60% meta mqabbla mal-2005, u tikkumpensa għall-emissjonijiet li jifdal permezz tat-tneħħija tal-karbonju (sa mhux aktar tard mill-2030).

Permezz tal-miżuri li ġejjin, il-Kummissjoni se tagħmel passi kbar lejn il-kisba tan-newtralità klimatika sal-2030. 

Bini aktar ekoloġiku, modi ta’ ħidma aktar ekoloġiċi

L-użu ta’ bini u spazji ta’ ħidma aktar effiċjenti, sostenibbli u reżiljenti għat-tibdil fil-klima se jikkontribwixxi għal terz tat-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju tal-Kummissjoni sal-2030 billi:

  • takkwista bini aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u aktar ekoloġiku
  • timxi lejn spazji tax-xogħol kollaborattivi dinamiċi
  • tnaqqas l-għadd ta’ uffiċċji

Il-valuri tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida - is-sostenibbiltà, l-estetika u l-inklużjoni - se jiġu riflessi wkoll meta jiġu żviluppati l-preżenza u l-azzjonijiet tal-Kummissjoni fis-siti tagħha. Pereżempju, il-Kummissjoni diġà hija impenjata b’mod attiv fi sħubija mar-Reġjun ta’ Brussell fit-tfassil tal-Kwartier Ewropew il-ġdid u pjanijiet ġodda ta’ mobbiltà.

Mobbiltà aktar ekoloġika u aktar intelliġenti

Il-bidla fil-mod kif norganizzaw l-ivvjaġġar relatat max-xogħol u l-prijoritizzazzjoni ta’ modi ta’ trasport aktar ekoloġiċi se jgħinu biex l-emissjonijiet f’dan il-qasam jitnaqqsu b’50% (2019-2024) billi:

  • torganizza aħjar l-ivvjaġġar relatat max-xogħol tal-istaff
  • tuża taħlita ta’ laqgħat virtwali, ibridi u wiċċ imb wiċċ ma’ esperti esterni

L-iżvilupp ulterjuri tal-imġiba sostenibbli fost l-istaff bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet b’madwar 45% f’dan il-qasam (2019-2030) billi:

  • tħeġġeġ l-istaff biex juża mezzi ta’ trasport aktar ekoloġiċi meta jivvjaġġa lejn ix-xogħol u lura
  • iżżid ix-xogħol mill-bogħod
  • torganizza kampanji u avvenimenti ta’ sensibilizzazzjoni

L-ekoloġizzazzjoni tal-infrastrutturi u l-assi tal-IT

L-ottimizzazzjoni tal-operazzjonijiet u l-assi tal-IT se tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’terz f’dan il-qasam billi:

  • taċċellera l-bidla għal apparati aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jistgħu jissewwew
  • tissimplifika s-sistemi tal-IT u tiddekummissjona sistemi obsoleti
  • tnaqqas gradwalment l-għadd ta’ kmamar tad-data lokali
  • iżżid l-użu ta’ flussi ta’ xogħol mingħajr karti u d-diġitalizzazzjoni tal-arkivji

Nagħtu eżempju għall-politiki tal-Patt Ekoloġiku tal-UE

L-azzjonijiet tal-Kummissjoni se jkollhom ukoll effett ta’ xprun u trasformazzjoni f’oqsma oħra tal-Patt Ekoloġiku:

  • tipprovdi ikel aktar ekoloġiku
  • issir aktar ċirkolari bl-użu tal-prinċipji tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku
  • tippreserva u tirrestawra l-ekosistema u l-bijodiversità fis-siti tal-Kummissjoni

Documents

 

5 APRIL 2022
Communication to the Commission - Greening the Commission

 

5 APRIL 2022
Annexes to the Communication to the Commission - Greening the Commission

 

5 APRIL 2022
Factsheet: Greening the Commission

 

28 APRIL 2022
Factsheet: Greening on level of ambition and EU targets