L-atturi tad-diżinformazzjoni jużaw varjetà ta’ tekniki biex iqarrqu u jimmanipulaw lin-nies online. Dan jista’ jvarja minn kloni ta’ siti web leġittimi għal audios jew videos manipulati b’mod ċar (magħrufin bħala “deepfakes”, spiss maħluqin bl-użu tal-intelliġenza artifiċjali), imfasslin biex jappellaw għall-emozzjonijiet u l-ġudizzju tagħna.
Il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mas-sħab tagħha, għamlet disponibbli xi suġġerimenti u riżorsi biex tgħinek tevita li taqa’ għad-diżinformazzjoni u xxerridha b’mod mhux intenzjonat. Se juruk kif tirrikonoxxi d-diżinformazzjoni u d-deepfakes, tirreżisti l-manipulazzjoni, u tidentifika sorsi affidabbli.
Billi ssegwi dawn is-suġġerimenti, tkun tista’ tinnaviga b’mod sikur il-pajsaġġ online u tieħu deċiżjonijiet infurmati dwar il-kontenut li taqsam.
Kif tagħraf id-diżinformazzjoni
Qatt ħassejt li mezz fdat tal-media qed jippowstja xi ħaġa stramba jew xokkanti? L-atturi tad-diżinformazzjoni spiss jippruvaw jimpersunaw il-media jew l-istituzzjonijiet biex ixerrdu messaġġi dannużi. Dan hu l-approċċ tipiku tal-hekk imsejħin operazzjonijiet “doppelganger” li jużaw kloni foloz ta’ siti web leġittimi sabiex jiskattaw emozzjonijiet, xokk u manipulazzjoni tal-qarrej.
Jekk tara sors magħruf sew tal-aħbarijiet li jippubblika storja mhux tas-soltu online, oqgħod attent għad-disinn tas-sit web, u oqgħod attent għal tmiem tal-URL mhux tas-soltu bħal “.ltd”, “.online”, jew “.foo”. Staqsi lilek innifsek jekk is-sit web jidhirx awtentiku.
Jekk xi ħaġa ma tidhirx tajba, iċċekkja darbtejn dak li verament qalet dik il-persuna jew l-organizzazzjoni. Ikkonsulta profili uffiċjali tal-media soċjali jew siti web biex issir taf l-istorja vera, u waqqaf id-diżinformazzjoni milli tinfirex.
Kif tagħraf id-deepfakes
Qatt rajt ċelebrità jew politiku jagħmel xi ħaġa inkredibbli jew xokkanti fuq il-media soċjali? Għalkemm dan jidher konvinċenti, kif tista’ tkun ċert li l-persuna hi reali?
Oqgħod attent: l-audios u l-videos deepfake jistgħu jkunu diffiċli ħafna biex jingħarfu, u jistgħu jsiru faċilment bl-użu tal-intelliġenza artifiċjali. Xi wħud minnhom jistgħu jidhru divertenti u bla ħsara, iżda ħafna minnhom huma mfasslin biex jimmanipulawk.
Qabel ma tixxerja, kun ċert li tikkonferma jekk l-awtur tal-kontenut hux sors uffiċjali, iċċekkja jekk sorsi oħrajn humiex qed jirrapportaw dwar l-istorja, u vverifika l-profili online tal-persuni involuti. Inkella, tista’ qed ixxerred id-diżinformazzjoni b’mod mhux intenzjonat.
Kif tirreżisti l-manipulazzjoni
Qatt ħassejt il-ħtieġa li tirreaġixxi minnufih għal post fuq il-media soċjali?
Meta tiltaqa’ ma’ videos jew stejjer tal-aħbarijiet li jitkellmu dwar l-frustrazzjonijiet, il-biżgħat jew ix-xewqat tiegħek, tista’ tħoss il-ħtieġa li tagħmel xi ħaġa dwarhom. L-atturi tad-diżinformazzjoni spiss jieħdu vantaġġ min-natura umana sabiex iħeġġuk taqsam u tirreaġixxi malajr.
Oqgħod attent mill-kontenut li jgħoġbok, idejqek jew jixxokkjak, peress li jista' jkun intenzjonat jew iddisinjat biex jimmanipulak.
Ipproteġi ruħek mill-manipulazzjoni billi żżomm ma’ sorsi affidabbli tal-aħbarijiet. Evita li taqsam informazzjoni minn posts anonimi tal-media soċjali, siti web oskuri, jew artikli b’titli ta’ clickbait, bħal “M’intix se temmen x’se jiġri wara!”.
Pariri għall-għalliema: Kif tgħin lill-istudenti tiegħek jidentifikaw id-diżinformazzjoni
L-għalliema għandhom rwol enormi fl-iżgurar li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jirrikonoxxu u jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni minn età bikrija. Biex tgħinek trawwem fl-istudenti tiegħek il-ħiliet li jeħtieġu biex jinnavigaw ix-xenarju diġitali diffiċli tal-lum, il-Kummissjoni ħolqot sett ta’ għodod.
B’eżempji tal-ħajja reali u eżerċizzji fi gruppi, is-sett ta’ għodod se jġiegħel lill-istudenti tiegħek jaħsbu dwar kif tiġi ppreżentata l-informazzjoni online u x’motivazzjonijiet jista’ jkollhom dawk li jxerrdu informazzjoni falza jew qarrieqa.
Huma se jitgħallmu dwar l-istrateġiji li l-atturi tad-diżinformazzjoni jużaw biex jimmanipulaw l-udjenza tagħhom, dwar kif jistgħu jevitaw li jiġu mqarrqin, u dwar kif jitkellmu ma’ persuni li jkunu waqgħu għad-diżinformazzjoni.