Mur għall-kontenut ewlieni
Djalogu Strateġiku dwar il-futur tal-agrikoltura tal-UE

Il-bdiewa huma kruċjali għall-preżent u l-futur tagħna

Bis-saħħa tas-settur agroalimentari tal-Ewropa, 450 miljun persuna għandhom aċċess għal ikel sikur, tajjeb għas-saħħa u affordabbli.

Il-bdiewa tal-UE huma s-sinsla tal-awtosuffiċjenza tal-ikel tal-Ewropa, u xprunaturi vitali tal-impjiegi u tat-tkabbir sostenibbli fiż-żoni rurali. Huma qed jagħtu kontribut ċentrali għat-tranżizzjoni ekoloġika kollettiva tagħna. Fl-istess ħin, jiffaċċjaw sfidi, bħat-tibdil fil-klima u suq globali kompetittiv. Huma urew reżiljenza notevoli matul pandemija, kriżi tal-enerġija, il-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u inflazzjoni għolja.

Portrait of Ursula von der Leyen, President of the European Commission

Irridu naħdmu flimkien mal-irġiel u n-nisa fil-biedja tal-UE biex niżguraw il-provvista tal-ikel tagħna għall-futur. Il-bdiewa tagħna qed jiffaċċjaw sfidi dejjem akbar: huwa għalhekk li rridu nniedu djalogu strateġiku dwar il-futur tal-agrikoltura fl-UE. Jien konvita li l-agrikoltura u l-protezzjoni tad-dinja naturali jistgħu jimxu id f’id. Għandna bżonnhom it-tnejn.

Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea, L-Istat tal-Unjoni 2023
Il-produttività
tinsab taħt pressjoni qawwija minħabba t-tibdil fil-klima, u t-temp sever
Aktar minn 17-il miljun persuna
jaħdmu fl-agrikoltura fl-UE
57 sena
L-età medja tal-bdiewa tal-UE

Tnedija tad-Djalogu Strateġiku

Il-Professur Peter Strohschneider inħatar bħala l-president tad-Djalogu, abbażi tal-esperjenza twila tiegħu, b’mod partikolari bħala president tal-Kummissjoni għall-Futur tal-Agrikoltura tal-Gvern Federali tal-Ġermanja.

L-ewwel laqgħa tad-Djalogu Strateġiku dwar l-Agrikoltura, saret fil-25 ta’ Jannar 2024.

Dati għal-laqgħat plenarji:

  1. Plenarja 1
    25 ta' Jannar
  2. Plenarja 2
    11-12 ta' Marzu
  3. Plenarja 3
    22-23 ta’ April
  4. Plenarja 4
    11-12 ta’ Ġunju
  5. Plenarja 5
    9-10 ta’ Lulju

Rapport li se ppubblikat sas-Sajf 2024

L-Iskop tad-Djalogu

Id-Djalogu huwa kruċjali għall-iżvilupp ta’ fehim konġunt tas-sistema futura tal-UE tal-biedja u tal-ikel. Hu jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet li ġejjin:

  • Kif nistgħu nagħtu lill-bdiewa tagħna, u lill-komunitajiet rurali li jgħixu fihom, perspettiva aħjar, inkluż livell ta’ għajxien ġust?
  • Kif nistgħu nappoġġjaw l-agrikoltura fil-konfini tal-pjaneta tagħna u l-ekosistema tagħha?
  • Kif nistgħu nagħmlu użu aħjar mill-opportunitajiet enormi offruti mill-għarfien u l-innovazzjoni teknoloġika?
  • Kif nistgħu nippromwovu futur tajjeb u b’saħħtu għas-sistema alimentari tal-Ewropa f’dinja kompetittiva?

Id-Djalogu hu opportunità biex jinstemgħu l-perspettivi, l-ambizzjonijiet, it-tħassib u s-soluzzjonijiet tal-bdiewa u ta’ partijiet ikkonċernati ewlenin oħra mill-katina agroalimentari kollha, bl-għan li tinstab bażi komuni għall-futur tas-settur agroalimentari tal-Unjoni.

X’qed tagħmel l-UE dwar l-agrikoltura