Mur għall-kontenut ewlieni
Closeup of little boy blowing a wind turbine toy and studying how green energy works from a young age - Concept of future generation and enewable Energy
© damianobuffo/Adobe Stock
REPowerEU

Enerġija affordabbli, sigura u sostenibbli għall-Ewropa

Daqqa t’għajn lejn REPowerEU

Azzjonijiet

Niddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija tagħna

Meta r-Russja invadiet l-Ukrajna, sar saħansitra aktar ċar li l-UE kellha bżonn modi alternattivi biex tiżgura l-provvista tal-enerġija tagħha. Filwaqt li huwa minnu li xi Stati Membri storikament importaw aktar gass Russu minn oħrajn, il-konsegwenzi ta’ interruzzjonijiet possibbli kulħadd kien se jbati minnhom b’mod konġunt. Din hija r-raġuni għaliex huwa imperattiv li l-Istati Membri kollha jaħdmu spalla ma’ spalla, lesti li jaqsmu l-gass mal-ġirien tagħhom f’każ ta’ bżonn.

Jeħtieġ li l-UE tiżgura l-provvisti tal-enerġija tagħha mhux biss għax-xitwa li ġejja, iżda wkoll għas-snin li ġejjin. Huwa għalhekk li s-sħubijiet tagħna jiffukaw fuq il-bini ta’ futur aktar ekoloġiku, lejn in-newtralità klimatika.

L-infrastruttura li nużaw għall-gass illum tista’ tintuża għall-idroġenu nadif fil-futur. L-investiment tagħna llum huwa wkoll investiment fid-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħna fil-futur.

Niżguraw provvisti tal-enerġija affordabbli

Il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE, li tnediet f’April 2022, kellha rwol kruċjali biex tgħin fid-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tagħna matul l-2022. Il-pjattaforma tgħin biex tikkoordina l-azzjoni u n-negozjati tal-UE mal-fornituri esterni tal-gass biex tipprevjeni lill-pajjiżi tal-UE milli jagħmlu offerti lil xulxin. Il-Pjattaforma qed tisfrutta wkoll il-piż tas-suq uniku tal-UE biex jinkisbu kundizzjonijiet aħjar għall-konsumaturi kollha tal-UE.

Wara l-invażjoni Russa fuq skala sħiħa tal-Ukrajna, l-UE pproponiet akkwist komuni tal-gass biex jiġi żgurat li l-Ewropej ikollhom aċċess għal enerġija affordabbli u biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fil-provvista tal-enerġija. Din is-sistema ppermettitilna nibdew nixtru sehem mill-ħtiġijiet tal-gass tagħna flimkien, bħala Ewropej, minflok ma nikkompetu bejnietna għal provvisti skarsi.

F’Mejju 2023, l-UE rnexxielha tattira offerti minn għadd totali ta’ 25 kumpanija fornitriċi ekwivalenti għal aktar minn 13.4 biljun metru kubu ta’ gass (bcm). Dan jissupera b’mod komdu d-domanda konġunta ta’ 11.6 bcm li l-kumpaniji tal-UE ppreżentaw permezz tal-ewwel offerta (skont il-mekkaniżmu AggregateEU). Il-kumpaniji tal-UE issa se jkunu jistgħu jinnegozjaw it-termini tal-kuntratti ta’ provvista direttament mal-kumpaniji fornituri. Sa tmiem l-2023 se jsegwu erba’ offerti oħra.

Regoli ġodda dwar il-ħżin tal-gass

Biex jiġu evitati blackouts u skarsezzi tal-enerġija, il-pajjiżi tal-UE qablu li jimlew il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass qabel ix-xitwa.

  • Il-mira tal-UE maqbula s-sena l-oħra kienet li l-faċilitajiet ta’ ħżin tal-gass taħt l-art jimtlew għal 80% tal-kapaċità sal-1 ta’ Novembru 2022.
    Billi ħadmu flimkien, il-pajjiżi tal-UE qabżu dan, u minflok laħqu 95% tal-ħżin tal-gass.
  • Il-mira ta’ kull sena għax-xtiewi li ġejjin se tkun li l-faċilitajiet tal-ħżin jimtlew sa 90% tal-kapaċità sal-1 ta’ Novembru.
  • Din is-sena, l-UE diġà laħqet il-mira tagħha ta’ 90% f’nofs Awwissu.

L-iffrankar tal-enerġija

L-iffrankar tal-enerġija huwa l-irħas u l-aktar mod sikur u nadif biex innaqqsu d-dipendenza tagħna fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja. Iċ-ċittadini, in-negozji u l-industrija Ewropej kollha kkontribwew għal dan.

Fil-livell tal-UE, l-Istati Membri qablu mal-proposti tal-Kummissjoni biex b’mod volontarju jitnaqqas l-użu tal-gass fl-UE kollha bi 15% fix-xitwa li għaddiet.

Il-pajjiżi kollha tal-UE qablu li jnaqqsu l-konsum tal-gass tagħhom b’mill-inqas 15%

Bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023, id-domanda għall-gass naqset bi 18%, u qabżet il-mira

Il-mira volontarja għat-tnaqqis tad-domanda għall-gass ġiet estiża mill-Istati Membri għal sena addizzjonali f’Marzu 2023, kif propost mill-Kummissjoni

Nintervjenu fil-prezzijiet tal-gass

Il-prezzijiet tal-gass fl-Ewropa llum huma aktar baxxi minn qabel l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, parzjalment bis-saħħa tar-rispons Ewropew ikkoordinat taħt REPowerEU. U l-Ewropa issa qed tinvesti fl-enerġiji nodfa u fl-indipendenza enerġetika bħal qatt qabel.

Madankollu, il-pajjiżi tal-UE qablu li jpoġġu limitu fuq iż-żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-gass biex jgħinu jipproteġu liċ-ċittadini u lill-ekonomija. Se jiġi applikat limitu massimu tal-prezz għat-tranżazzjonijiet tal-gass meta u jekk il-prezzijiet tal-gass jilħqu livelli eċċezzjonali.

Dan il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq huwa temporanju u huwa fis-seħħ sa Frar 2024.

Aqra aktar dwar il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni

Qed nippjanaw li nkomplu bl-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u nistennew li l-kapaċità tagħna tkompli tiżdied fl-2023, u tissostitwixxi 12-il bcm addizzjonali ta’ gass b’sorsi rinnovabbli.

F’Marzu 2023, l-UE qablet dwar leġiżlazzjoni aktar b’saħħitha biex iżżid il-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli tagħha, li żżid il-mira vinkolanti tal-UE għall-2030 għal 42.5%, bl-ambizzjoni li tilħaq 45% - dan kważi jirdoppja s-sehem eżistenti tal-enerġija rinnovabbli fl-UE.

Biex nappoġġjaw din it-tranżizzjoni nadifa, irridu nrawmu aħjar l-industrija tagħna stess – mill-idroġenu għas-sustanzi kimiċi, mill-bijoteknoloġija għan-nanoteknoloġija. Biex niksbu dan il-pjan, fi Frar 2023 ipproponejna Pjan Industrijali għall-Patt Ekoloġiku għall-Ewropa.

Kif jiġi ffinanzjat REPowerEU

Il-pjan REPowerEU kien jeħtieġ investimenti u riformi massivi. Qed nimmobilizzaw kważi €300 biljun - madwar €72 biljun se jkunu f’għotjiet u madwar €225 biljun f’self. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) hija fil-qalba ta’ dan il-finanzjament.

Dan se jinkludi madwar €10 biljun f’konnessjonijiet neqsin għall-gass u l-LNG sabiex l-ebda Stat Membru ma jitħalla fil-kesħa, u sa €2 biljun għall-infrastruttura taż-żejt biex tintemm il-konsenja taż-żejt Russu. Il-bqija tal-finanzjament (95% minnu) se jmur biex titħaffef u tiżdied it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.

Passi li jmiss

Il-progress li għamilna matul l-aħħar sena għen biex intemmu din ix-xitwa (2022/2023) f’pożizzjoni tajba, mingħajr ebda skarsezza ta’ gass, u nistgħu nibdew l-istaġun tal-mili mill-ġdid li jmiss b’fiduċja u bil-faċilitajiet ta’ ħżin nofshom mimlijin.

Iżda m’għandna nkunu taħt l-ebda illużjoni li x-xhur diffiċli għaddew, ladarba r-Russja qed issegwi l-invażjoni brutali tagħha tal-Ukrajna u tuża l-provvisti tal-enerġija tagħha bħala arma.

Huwa għalhekk li se niffukaw fuq it-twettiq kontinwu tal-Pjan REPowerEU.

  • Kapitli nazzjonali ġodda ta’ REPowerEU taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza aġġornata
  • Spinta lid-dekarbonizzazzjoni industrijali
  • Niffirmaw u nimplimentaw leġiżlazzjoni ġdida għal introduzzjoni aktar rapida tal-enerġija rinnovabbli
  • Ninvestu fl-infrastruttura tal-enerġija u fl-interkonnessjonijiet
  • Miżuri regolatorji biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika
  • Qafas regolatorju modern għall-idroġenu, u aċċelleratur tal-idroġenu

Skeda ta’ żmien

  1. 10 ta’ Mejju 2023

    Tnedija tal-ewwel sejħa għall-offerti għax-xiri konġunt tal-gass taħt il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE

  2. 30 ta’ Marzu 2023

    Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jilħqu ftehim proviżorju dwar id-direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli

  3. 14 ta’ Diċembru 2022

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jilħqu qbil politiku dwar il-finanzjament ta’ REPowerEU u li jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu kapitli ta’ REPowerEU fil-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza

  4. 9 ta’ Diċembru 2022

    Tnediet Alleanza industrijali ġdida li tagħti spinta lill-enerġija solari u lis-sigurtà tal-enerġija tal-UE

  5. 9 ta’ Novembru 2022

    Il-Kummissjoni tintensifika t-tranżizzjoni ekoloġika lil hinn mill-gass Russu billi taċċellera l-permessi għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

  6. 26 ta’ Lulju 2022

    Abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill jilħaq qbil biex jiżgura tnaqqis ordnat u kkoordinat tal-konsum tal-gass fl-UE kollha bi tħejjija għax-xitwa li ġejja.

  7. 20 ta’ Lulju 2022

    Niffrankaw il-Gass għal Xitwa Sikura: Il-Kummissjoni tipproponi pjan biex tnaqqas id-domanda għall-gass ħalli l-UE tkun ippreparata għall-qtugħ fil-provvista

  8. 18 ta’ Lulju 2022

    L-UE u l-Ażerbajġan jiffirmaw Memorandum ta’ Qbil ġdid dwar Sħubija Strateġika fil-Qasam tal-Enerġija, li jistabbilixxi l-pedamenti għal sħubija fit-tul dwar l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija nadifa. Bis-saħħa ta’ dan, il-kapaċità tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar se tiġi rduppjata biex twassal mill-anqas 20 biljun metru kubu lill-UE kull sena sal-2027.

  9. 15 ta’ Lulju 2022

    Il-Kummissjoni tapprova l-“IPCEI Hy2Tech”, l-ewwel Proġett Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni li qatt sar fis-settur tal-idroġenu. Il-proġett għandu l-għan li jiżviluppa teknoloġiji innovattivi għall-katina tal-valur tal-idroġenu għad-dekarbonizzazzjoni tal-proċessi industrijali u l-mobbiltà. Dan jinvolvi 35 kumpanija u 41 proġett minn 15-il Stat Membru.

  10. 27 ta’ Ġunju 2022

    Jiġu adottati regoli ġodda dwar il-ħżin tal-gass. Huma se jsaħħu s-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE fid-dawl tax-xitwa li jmiss. Ir-regoli l-ġodda se jirrikjedu li l-Istati Membri tal-UE jimlew il-faċilitajiet tal-ħżin sa 80% tal-kapaċità sa Novembru ta’ din is-sena – u sa 90% fis-snin sussegwenti.

  11. 23 ta’ Ġunju 2022

    L-UE u n-Norveġja jaqblu li japprofondixxu s-sħubija tagħhom biex iżidu l-provvisti tal-gass fuq terminu qasir u twil, jindirizzaw il-prezzijiet għaljin tal-enerġija, u jsaħħu l-kooperazzjoni dwar l-enerġija nadifa, inkluż dwar l-idroġenu.

  12. 17 ta’ Ġunju 2022

    L-UE, l-Istati Uniti u 11-il pajjiż ieħor iniedu l-Perkors tal-Enerġija relatat mal-Wegħda Globali b’rabta mal-Metan biex jikkatalizzaw it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur taż-żejt u l-gass, billi javvanzaw kemm il-progress fil-klima kif ukoll is-sigurtà tal-enerġija.

  13. 15 ta’ Ġunju 2022

    L-UE, l-Eġittu u l-Iżrael jiffirmaw Memorandum ta’ Qbil trilaterali għall-esportazzjoni tal-gass naturali lejn l-Ewropa. Il-gass naturali mill-Iżrael, l-Eġittu u sorsi oħrajn fir-reġjun tal-Lvant tal-Mediterran se jintbagħat lejn l-Ewropa permezz tal-infrastruttura tal-esportazzjoni tal-LNG tal-Eġittu.

  14. 25 ta’ Mejju 2022

    Il-Kummissjoni tistabbilixxi t-Task Force tal-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE biex tiżgura provvisti alternattivi.

  15. 18 ta’ Mejju 2022

    Il-Kummissjoni tippreżenta REPowerEU, pjan biex titnaqqas b’mod rapidu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi u titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika.

Dokumenti

  • Communication

A clear and complete repository of the thematic areas that are shaping the REPowerEU initiative