Mur għall-kontenut ewlieni

Il-Kummissjoni hija impenjata li tissimplifika l-liġi tal-UE u tnaqqas l-ispejjeż mhux meħtieġa bħala parti mill-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT). Huwa importanti li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-UE u l-objettivi tagħha jkomplu jkunu rilevanti, b’qies tax-xejriet u tal-isfidi l-ġodda, bħad-diġitalizzazzjoni. Il-liġijiet tal-UE għandhom jagħtu l-akbar benefiċċji liċ-ċittadini u lin-negozji, b’mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u medji. B’appoġġ għall-isforzi tal-Kummissjoni f’dan il-kuntest, twaqqaf grupp ta’ esperti ta’ livell għoli, il-Pjattaforma Fit for Future (F4F), li tibni fuq l-esperjenza miksuba mill-Pjattaforma REFIT.

Il-Pjattaforma hija ppreseduta mill-Viċi President tal-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva, Maroš Šefčovič. Il-ħidma tagħha se tiffoka fuq suġġetti enfasizzati fil-programm ta’ ħidma annwali. Għal kull suġġett, il-Pjattaforma se tiġbor data, evidenza u input dwar il-potenzjal għas-simplifikazzjoni u għat-tnaqqis ta’ spejjeż bla bżonn ta’ liġijiet speċifiċi tal-UE mingħajr ma timmina l-kisba tal-objettivi tagħhom. Il-Pjattaforma mbagħad se toħroġ opinjonijiet li jqisu l-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni u d-densità leġiżlattiva.

Il-membri tal-Pjattaforma l-ġdida se jinkludu rappreżentanti mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tal-Istati Membri, mill-Kumitat tar-Reġjuni, mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u minn partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw organizzazzjonijiet tan-negozju u nongovernattivi. In-Network tar-Rappreżentanti għall-SME se jipprovdi input u se jkun rappreżentat fil-laqgħat plenarji tal-Pjattaforma.