Mur għall-kontenut ewlieni

X’tagħmel il-Kummissjoni Ewropea fl-istrateġija u l-politika

Rwoli prinċipali fl-istrateġija u l-politika

Il-Kummissjoni Ewropea għandha rwol attiv fl-iżvilupp tal-istrateġija ġenerali tal-UE u fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE. Hi tevalwa u tirrapporta dwar il-politiki tagħha fuq bażi regolari.

Stabbiliment tal-prijoritajiet strateġiċi

Flimkien mal-istituzzjonijiet ewlenin oħrajn tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa l-istrateġija u d-direzzjoni politika ġenerali tal-UE.

Kull ħames snin, fil-bidu tat-terminu tal-Kummissjoni l-ġdida, il-president tal-Kummissjoni jiddetermina wkoll il-prijoritajiet politiċi għall-mandat li jkun ġej.

Il-Kummissjoni tbiddel dawn il-prijoritajiet f’azzjonijiet konkreti fuq bażi annwali permezz ta’ programm ta' ħidma annwali, li jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni għat-tnax-il xahar li jkunu ġejjin.

Skopri aktar dwar il-prijoritajiet u l-għanijiet strateġiċi tal-Kummissjoni Ewropea, l-istrateġiji internazzjonali u r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE.

Żvilupp u implimentazzjoni tal-politiki

Il-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa u timplimenta l-politiki tal-UE billi

  • tipproponi liġijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • tgħin lill-pajjiżi tal-UE jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE
  • timmaniġġja l-baġit tal-UE u talloka l-fondi
  • tiżgura li jkun hemm konformità mal-liġi tal-UE flimkien mal-Qorti tal-Ġustizzja
  • tirrappreżenta lill-UE barra mill-Ewropa flimkien mas-servizz diplomatiku tal-UE, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

Il-politiki tal-UE huma mfassla biex isarrfu f’benefiċċji għaċ-ċittadini, għan-negozji u għall-partijiet ikkonċernati fl-UE. L-inizjattivi tal-Kummissjoni għall-politiki l-ġodda jrid ikun hemm qbil internament dwarhom skont proċedura stabbilita.

L-għodod ta' regolamentazzjoni aħjar jiżguraw li kull politika ġdida tkun ibbażata fuq l-evidenza u l-aħjar prattiki disponibbli.

Skopri dwar kif il-Kummissjoni Ewropea tieħu d-deċiżjonijiet dwar il-politiki.

Rappurtar

Il-Kummissjoni Ewropea tippjana u tirrapporta dwar il-ħidma tagħha f’ċiklu annwali magħruf bħala ċ-ċiklu tal-ipprogrammar u tal-ippjanar strateġiku. Ir-rapporti li jirriżultaw minn kull ċiklu huma ppubblikati regolarment mill-Kummissjoni Ewropea.

Rapporti annwali tal-attività

Rapporti annwali dwar l-immaniġġjar u l-prestazzjoni

Evalwazzjoni

Il-Kummissjoni tevalwa kontinwament jekk il-politiki tal-UE jkunux issodisfaw il-ħtiġijiet tan-negozji u ċ-ċittadini Ewropej. L-evalwazzjonijiet jivvalutaw politika għall-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE. L-evalwazzjonijiet huma kkomunikati lill-pubbliku permezz ta' pjanijiet direzzjonali ta' evalwazzjoni.

L-evalwazzjoni tal-politiki