Mur għall-kontenut ewlieni
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 10 Ottubru 2024
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • 1 min qari

L-importanza tas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol rikonoxxuta fil-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali

Sympathetic woman hugging friend with EMPATHY and SUPPORT

 

Spiss, il-persuni li jgħixu bi sfidi tas-saħħa mentali ma jsibux min jifhimhom, u jħossuhom mhux aċċettati u iżolati. Huwa kruċjali li dan jiġi indirizzat sabiex nibnu soċjetajiet aktar b’saħħithom u aktar inklużivi. Għal din ir-raġuni, fl-10 ta’ Ottubru ta’ kull sena niċċelebraw il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali. It-tema ta’ din is-sena tipprijoritizza s-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol. 

Biex timmarka din l-okkażjoni importanti, il-Kummissjoni ppreżentat Pakkett ta’ Appoġġ tal-UE dwar l-istigma. Il-Kummissjoni se taħdem mal-awtoritajiet nazzjonali biex timplimenta l-Pakkett, u se tlaqqa’ lill-awtoritajiet mal-gruppi li jippromwovu s-saħħa mentali, għat-tfassil ta’ politika inklużiva u infurmata. 

Biex tindirizza l-istigma, il-Kummissjoni mhix se tfassal il-politika u tieqaf hemm. Għaldaqstant, il-Kummissjoni nediet ukoll il-kampanja l-ġdida “In this together”. Din il-kampanja se tipprova tilħaq lin-nies madwar l-UE, se tisfida l-ideat żbaljati u se tippromwovi għarfien u aċċettazzjoni akbar dwar is-saħħa mentali. Se tappoġġa wkoll l-azzjoni nazzjonali fl-edukazzjoni billi tqassam materjal ta’ tagħlim lill-iskejjel madwar l-Ewropa sabiex iżżid is-sensibilizzazzjoni u tinnormalizza s-saħħa mentali.

Barra minn hekk, illum ġie ppubblikat tracker aġġornat biex jimmonitorja l-progress fuq l-20 inizjattiva ewlenija li huma parti mill-approċċ komprensiv tal-UE lejn is-saħħa mentali. Dan l-approċċ, li ġie introdott fl-2023, għandu opportunitajiet ta’ finanzjament li jiswew mal-EUR 1,23 biljun li se jappoġġaw lill-Istati Membri direttament u indirettament. L-għan tiegħu huwa li jiżgura (i) prevenzjoni adegwata u effettiva, (ii) aċċess għal kura tas-saħħa u trattament mentali ta’ kwalità għolja u għall-but ta’ kulħadd u (iii) riintegrazzjoni fis-soċjetà wara l-kura. 

Skont stħarriġ tal-UE tal-2023, kważi persuna minn kull 2 (46 % tal-popolazzjoni tal-UE) esperjenzaw problemi emozzjonali jew psikosoċjali, bħas-sensazzjoni ta’ dipressjoni jew ansjetà, fit-12-il xahar ta’ qabel. Ir-riskji huma għoljin u għal din ir-raġuni l-UE qed tintrabat li toħloq ġejjieni fejn titrawwem, tiġi apprezzata u mħarsa s-saħħa mentali ta’ kulħadd.

Għal aktar informazzjoni

Stqarrija mill-Kummissarju Kyriakides dwar il-Jum Dinji tas-Saħħa

Approċċ komprensiv tal-UE għas-saħħa mentali

Saħħa mentali fl-UE

Filmat: Kampanja dwar l-Istigma u d-Diskriminazzjoni minħabba s-Saħħa Mentali — Film Ewlieni

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
10 Ottubru 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni