Mur għall-kontenut ewlieni
Artiklu tal-aħbarijiet8 Jannar 2024Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni1 min qari

L-UE se tneħħi l-kontrolli fil-fruntieri tal-ajru u tal-baħar mal-Bulgarija u r-Rumanija f’Marzu

Four people entering with luggage trollies the EU border controls at an airport

 

L-UE se tilqa’ lill-Bulgarija u lir-Rumanija fiż-żona Schengen, l-akbar żona ta’ moviment liberu fid-dinja. F’Marzu 2024, mhux se jkun hemm aktar kontrolli fil-fruntieri tal-ajru u tal-baħar. It-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri tal-art se tiġi diskussa u deċiża aktar tard fis-sena. Dan se jippermetti lin-nies u lin-negozji jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom għall-moviment liberu bl-ajru u bil-baħar, fid-dħul u l-ħruġ mill-Bulgarija u r-Rumanija. 

Il-Kummissjoni l-ewwel ikkonfermat li ż-żewġ pajjiżi kienu lesti li jsiru parti miż-żona Schengen fl-2011. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Bulgarija u r-Rumanija komplew juru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex isiru membri ta’ Schengen, u fl-2022 u fl-2023 l-esperti kkonfermaw mill-ġdid li kienu lesti li jsiru membri. F’dawn iż-żewġ pajjiżi ġew introdotti miżuri ta’ kooperazzjoni tas-sigurtà, tal-pulizija u ġudizzjarja biex jiġi żgurat li l-UE tibqa’ b’saħħitha kontra t-theddid għas-sigurtà. Dan id-disa’ tkabbir taż-żona Schengen se jagħti spinta lill-ivvjaġġar, il-kummerċ u t-turiżmu u se jsaħħaħ is-suq intern

Iż-żona Schengen mingħajr fruntieri tiggarantixxi moviment liberu lil kważi 450 miljun ċittadin tal-UE, flimkien ma’ ċittadini mhux tal-UE li jgħixu fl-UE jew li jżuru l-UE. Il-moviment liberu tal-persuni jfisser li kull ċittadin tal-UE jista’ jivvjaġġa, jaħdem u jgħix f’pajjiż tal-UE mingħajr formalitajiet speċjali. Iż-żona Schengen tirfed din il-libertà billi tippermetti liċ-ċittadini jiċċaqalqu fiż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri. 

Għal aktar informazzjoni 

Iż-żona Schengen 

Stqarrija għall-istampa: Il-Bulgarija u r-Rumanija jissieħbu fiż-żona Schengen billi jibdew bil-fruntieri tal-ajru u tal-baħar: Il-Kummissjoni tilqa’ d-deċiżjoni storika tal-Kunsill 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
8 Jannar 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni