Mur għall-kontenut ewlieni
Artiklu tal-aħbarijiet23 April 2024Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni2 min qari

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tappella għal protezzjoni aħjar tat-tfal mill-vjolenza

Single Father - Germany

 

Fl-UE jgħixu 80 miljun tifel u tifla. Fid-dawl tal-istatistika allarmanti tal-abbuż, il-vjolenza u n-negliġenza tat-tfal fl-Ewropa kollha, il-Kummissjoni ħarġet Rakkomandazzjoni biex tappoġġja lill-pajjiżi tal-UE fl-iżvilupp u t-tisħiħ tas-sistemi għall-protezzjoni tat-tfal.

Din issejjaħ lill-awtoritajiet fil-livelli kollha ta’ governanza u s-soċjetà ċivili fis-setturi kollha biex jaħdmu flimkien biex jipproteġu lit-tfal mill-vjolenza b’mod koerenti u sistemiku. Ir-rakkomandazzjoni hija parti mill-impenn tal-UE fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Hija ttenni wkoll il-fehmiet ta’ aktar minn 1,000 tifel u tifla miġbura permezz tal-Pjattaforma l-ġdida tal-UE għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal.  

Ir-Rakkomandazzjoni tqiegħed lit-tfal fiċ-ċentru tas-sistemi ta’ protezzjoni tat-tfal u tappoġġja lill-pajjiżi tal-UE biex jadattaw is-sistemi tagħhom biex jipproteġu lit-tfal minn kwalunkwe forma ta’ vjolenza. Tagħmel dan billi: 

  • Jiġi stabbilit qafas ġenerali ta’ sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal, bil-pajjiżi tal-UE mistiedna jfasslu pjanijiet nazzjonali biex itemmu l-vjolenza kontra t-tfal u jimplimentaw b’mod effettiv il-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tat-tfal. 
  • Jittejbu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn is-setturi u l-awtoritajiet kompetenti permezz tat-taħriġ tal-professjonisti.
  • Jiġu stabbiliti azzjonijiet ta’ appoġġ komprensivi u kkoordinati f’każijiet ta’ vjolenza kontra t-tfal.
  • Ikun hemm rispons għall-ħtiġijiet ta’ sikurezza tat-tfal online u offline billi jittejjeb, pereżempju, il-litteriżmu diġitali tat-tfal. 
  • Jiġu protetti l-integrità u s-saħħa mentali tat-tfal, bil-prevenzjoni u bil-ġlieda kontra l-bullying (ċibernetiku), billi l-pajjiżi jiġu mħeġġa jiżviluppaw strateġiji nazzjonali tas-saħħa mentali.
  • Ikun hemm prevenzjoni tal-vjolenza kontra t-tfal billi titrawwem “responsabbiltà fis-soċjetà kollha” għall-protezzjoni tat-tfal permezz ta’ miżuri preventivi suffiċjenti.
  • Isir użu aħjar mill-għodod eżistenti tal-UE biex jissaħħu s-sistemi ta’ protezzjoni tat-tfal inklużi l-liġijiet, il-politiki u l-finanzjament. 

Id-drittijiet tat-tfal huma drittijiet fundamentali. Kemm il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE kif ukoll il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li l-Istati Membri kollha tal-UE huma parti minnha, jippromwovu l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Din l-aħħar rakkomandazzjoni se tgħin lill-UE tmexxi ’l quddiem l-objettiv tagħha li tikseb kultura ta’ tolleranza żero tal-vjolenza kontra t-tfal. Tmur ukoll lil hinn mill-fruntieri tal-UE billi tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE jadottaw approċċ integrat għall-protezzjoni tat-tfal lil hinn mill-fruntieri tagħhom, bħall-qerda tat-tħaddim tat-tfal, il-protezzjoni tat-tfal f’kunflitti armati u l-protezzjoni tat-tfal mit-tibdil fil-klima u l-perikli ambjentali. 

Għal aktar informazzjoni

Id-drittijiet tat-tfal

L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Garanzija Ewropea għat-Tfal

Il-Pjattaforma tal-UE għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal

Niġġieldu l-vjolenza fuq it-tfal u niżguraw il-protezzjoni tat-tfal 

Network tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal

Stqarrija għall-istampa: Il-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjoni biex tipproteġi aħjar lit-tfal mill-vjolenza

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
23 April 2024
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni