Mur għall-kontenut ewlieni

Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir

X'inhu l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir?

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) hu l-għodda ewlenija tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi prijoritajiet ekonomiċi u soċjali tal-UE għas-sena ta’ wara. Hu jipprovdi analiżi tal-ekonomija Ewropea u jippreżenta reazzjoni politika xierqa biex nindirizzaw l-isfidi identifikati, sabiex jitrawmu t-tkabbir, l-inklużività u l-konverġenza fl-UE, f’konformità mal-istrateġija għat-tkabbir ekonomiku fit-tul tal-Unjoni. L-SAT jindika l-bidu tas-Semestru Ewropew, iċ-ċiklu annwali ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika u jagħti gwida għall-politiki orizzontali għall-fażi speċifika tal-pajjiżi tas-Semestru Ewropew, li twassal għall-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika għal kull Stat Membru kull sajf.

X’inhuma l-passi li jmiss tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir?

Wara l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir hu diskuss fil-livelli tal-UE u dawk nazzjonali, inklużi s-sħab soċjali. B’mod partikolari, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jadottaw pożizzjonijiet. B’kont meħud ta’ dawn l-inputs, il-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa jipprovdi gwida dwar il-prijoritajiet tar-riforma, li mbagħad għandha tiġi riflessa fil-programmi u l-pjanijiet tal-Istati Membri.

X’inhuma l-passi li jmiss tas-Semestru Ewropew?

Wara l-pubblikazzjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, il-Kummissjoni tkompli bid-djalogu mal-Istati Membri, il-partijiet interessati u s-sħab soċjali biex jiżviluppaw fehim komuni dwar l-isfidi fl-Istati Membri. Abbażi ta’ dan id-djalogu u valutazzjoni ulterjuri, il-Kummissjoni tippreżenta fi Frar l-analiżi annwali tagħha dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istati Membri, inkluż il-progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi maħruġa fis-snin preċedenti u valutazzjoni ta’ żbilanċi possibbli.

L-Istati Membri għandhom bosta opportunitajiet biex jikkontribwixxu għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni, pereżempju, matul missjoni teknika lejn l-Istati Membri ta’ persunal tal-Kummissjoni, il-laqgħat bilaterali miżmumin fi Brussell, u l-missjonijiet politiċi lill-Istati Membri taħt it-tmexxija tal-Viċi President Dombrovskis.

F’April, l-Istati Membri jissottomettu lill-Kummissjoni l-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom dwar il-politiki ekonomiċi u l-programmi ta’ stabbiltà jew konverġenza dwar il-politiki baġitarji. Il-Kummissjoni tanalizzahom u mbagħad toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) f’Mejju, fiż-żmien biex dawn jiġu approvati mill-Kunsill Ewropew qabel is-sajf u adottati mill-ECOFIN f’Lulju. L-Istati Membri mbagħad għandhom jinkorporaw din il-gwida politika fil-baġits annwali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-pjanijiet ta’ politika tagħhom.

Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija

X’inhu r-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija?

Ir-rapport dwar il-mekkaniżmu ta’ twissija (AMR) jinħareġ f’Novembru bħala parti mis-sorveljanza annwali tal-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku (MIP), li għandha l-għan li tidentifika u tindirizza l-iżbilanċi li jistgħu jfixklu l-funzjonament normali tal-ekonomiji tal-Istati Membri jew tal-UE u jipperikolaw l-unjoni ekonomika u monetarja.

L-analiżijiet fl-AMR jinkludu qari ekonomiku tat-tabella ta’ valutazzjoni ta’ indikaturi miftiehma. L-AMR mhux eżerċizzju awtomatiku. Il-Kummissjoni ma tnedix reviżjoni dettaljata għax indikatur hu ogħla mil-livell limitu indikattiv. Minflok, il-Kummissjoni tieħu kont tal-istampa ekonomika kollha. Hu biss abbażi tar-reviżjonijiet fil-fond li l-Kummissjoni tikkonkludi jekk jeżistux jew le żbilanċi, u żbilanċi eċċessivi potenzjali.

X'ikun żbilanċ?

Ir-Regolament Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi jiddefinixxi żbilanċ makroekonomiku bħala "kwalunkwe xejra li tagħti bidu għal żviluppi makroekonomiċi li qed jaffettwaw negattivament jew għandhom il-potenzjali li jaffettwaw negattivament, il-funzjonament korrett tal-ekonomija ta’ Stat Membru jew tal-unjoni ekonomika u monetarja, jew tal-Unjoni b’mod ġenerali". Hu jiddefinixxi l-iżbilanċi eċċessivi bħala “żbilanċi kbar li jipperikolaw jew jirriskjaw li jipperikolaw il-funzjonament xieraq tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja”. Billi d-definizzjoni pprovduta fir-Regolament hi ġenerali ħafna, l-interpretazzjoni ekonomika hi meħtieġa biex tiġi vvalutata l-preżenza ta’ xejriet mhux sostenibbli u l-vulnerabbiltajiet li, jekk ma jiġux ikkoreġuti, jistgħu jkollhom implikazzjonijiet ta’ ħsara għall-istabbiltà makroekonomika għall-pajjiż innifsu, għaż-żona tal-euro jew għall-UE.

Fil-prattika, dawn l-iżbilanċi jinkludu ż-żewġ sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltajiet (eż. livelli għoljin ta’ dejn) u xejriet mhux sostenibbli (eż. żidiet eċċessivi fil-prezzijiet tad-djar jew kreditu) li jistgħu jwasslu għall-aġġustament għal għarrieda u kbir, u għalhekk ta’ ħsara. Pereżempju, l-eżistenza ta' defiċit persistenti fil-kont kurrenti jitqies bħala żbilanċ jekk iwassal għar-riskju li jkun hemm "waqfien għal għarrieda" u jirriżulta f’kosti għolja fil-benefiċċji soċjali. Bl-istess mod, surplus favorevoli kbir u persistenti fil-kont kurrenti jista’ jkun indikatur li l-eċċess tat-tfaddil mhux qed jintuża b’mod effiċjenti biex isostni l-investiment fl-ekonomija domestika.

X’inhuma l-passi li jmiss wara l-adozzjoni tar-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija?

Wara l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni, l-AMR hu diskuss fil-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN), fil-Grupp tal-Euro jekk jikkonċernaw l-Istati Membri taż-żona tal-euro u mal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew se jżomm diskussjoni wara l-pubblikazzjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u l-AMR bl-għan li jintlaħaq qbil dwar l-oqsma prinċipali għall-koordinazzjoni tal-politiki u r-riformi ekonomiċi.

Filwaqt li jitqies il-feedback kollu, il-Kummissjoni tħejji reviżjonijiet fil-fond skont il-pajjiż fix-xhur li ġejjin u tippreżentahom fi Frar. Dan jinvolvi djalogu mal-Istati Membri kkonċernati. Hu abbażi tar-reviżjonijiet fil-fond li l-Kummissjoni tikkonkludi jekk jeżistux żbilanċi jew żbilanċi eċċessivi, u sussegwentement tipprepara rakkomandazzjonijiet xierqa ta’ politika għal kull Stat Membru.

Rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro

X’inhi l-bażi legali tar-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro?

Ir-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro relatata mal-politika ekonomika hi adottata abbażi tal-Artikoli 136 u 121 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Hi rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Ir-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro tipprovdi parir imfassal apposta lill-Istati Membri taż-żona tal-euro dwar kwistjonijiet rilevanti għall-funzjonament taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Din tirrifletti l-prijoritajiet ġenerali identifikati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-rakkomandazzjoni u fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni għall-UE kollha kemm hi.

Ir-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro tkopri kwistjonijiet li jikkonċernaw l-unjoni monetarja kollha, bħalma huma l-politiki relatati biex jiġu kkoriġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi, il-pożizzjoni fiskali taż-żona tal-euro u l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

X’inhi l-bażi analitika għar-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro?

Ir-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro hi appoġġjata minn analiżi ekonomika konkreta mis-servizzi tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ewlenin għall-funzjonament taż-żona tal-euro. Dan hu rifless fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-rakkomandazzjoni kif ukoll f’dokumenti oħra li huma ppubblikati matul l-eżerċizzju ekonomiku.

X’inhuma l-passi li jmiss fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar iż-żona tal-euro?

Il-Grupp tal-euro u l-Kunsill jiddiskutu r-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro qabel ma japprovawh il-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvern tal-UE. Id-diskussjonijiet dwar il-prijoritajiet għaż-żona tal-euro, flimkien mar-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro u ma’ inputs oħrajn mill-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu mbagħad kemm orjentazzjoni għall-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali u għall-Programmi ta’ Stabbiltà preparati mill-Istati Membri f'April, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal pajjiż rispettivi preparati mill-Kummissjoni f’Mejju.
Abbażi tar-rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro, kemm il-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tar-riforma u l-isfidi li jibqgħu kif ukoll il-programmi tal-politika tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tippreżenta l-abbozz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiki tal-pajjiż għaċ-ċiklu ta’ politika li jmiss. Dan iħalli biżżejjed żmien għal aktar djalogu mal-Istati Membri.

Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi

X’inhu r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi?

Ir-rapport Konġunt dwar l-Impjiegi (JER) hu mitlub mill-Artikolu 148 TFUE u hu element ewlieni fil-governanza ekonomika tal-UE. Hu jipprovdi kemm ħarsa ġenerali annwali tal-iżviluppi soċjali u tal-impjiegi ewlenin fl-UE kollha kemm hi, kif ukoll lejn l-azzjonijiet ta’ riforma tal-Istati Membri. Barra minn hekk, ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi jissorvelja l-prestazzjoni tal-Istati Membri b’rabta mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

X’inhuma l-passi li jmiss wara l-pubblikazzjoni tal-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi?

Il-verżjoni abbozzata se tkun diskussa fi ħdan il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, bil-ħsieb tal-adozzjoni finali mill-Kunsill EPSCO f’Marzu.

X’inhi l-metodoloġija għall-attribuzzjoni ta’ ċertu marka għal Stat Membru għal indikatur tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali?

It-tabella ta’ valutazzjoni sservi ta’ qafas ta’ referenza biex jiġi mmonitorjat il-"progress soċjetali” fi ħdan tliet dimensjonijiet tal-Pilastru: Opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol, Swieq tax-xogħol dinamiċi u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u Appoġġ pubbliku / protezzjoni u inklużjoni soċjali. Intgħażlu tnax-il qasam fejn jista’ jitkejjel il-progress soċjetali, b’assoċjazzjoni ma’ waħda mit-tliet dimensjonijiet ta’ hawn fuq. It-tabella ta’ valutazzjoni tagħti valuri referenzjali tal-prestazzjoni tal-Istati Membri tal-UE vis-à-vis l-UE u l-medji taż-żona tal-euro u kull marka hi riflessjoni tal-livelli għal ċertu indikatur filwaqt li jitqiesu wkoll xejriet fit-tul.