Mur għall-kontenut ewlieni
Artiklu tal-aħbarijiet30 Novembru 2023Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni1 min qari

Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima: L-UE tappella għal tħaffif fit-tnaqqis tal-emissjonijiet u fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa

Two men arriving at the COP28 conference center

 

It-28 Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP28) tibda fit-30 ta’ Novembru f’Dubai. L-Unjoni Ewropea se tappella lill-Partijiet kollha biex jieħdu azzjoni urġenti biex inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra dan id-deċennju u jirrispettaw l-impenji tagħhom skont il-Ftehim ta’ Pariġi biex jillimitaw it-tisħin globali għal 1.5°C.

Matul il-COP28, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen se tattendi s-Summit Dinji dwar l-Azzjoni Klimatika. Se tniedi wkoll il-Wegħda Globali għall-Enerġija Rinnovabbli u l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija mal-Presidenza tal-COP28, bl-għan li sal-2030 tittrippla l-kapaċità installata tal-enerġija rinnovabbli u tirdoppja l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika.

Fil-COP28, il-Partijiet se jeżaminaw għall-ewwel darba l-progress li sar lejn il-kisba tal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi u jiddefinixxu aktar azzjonijiet meħtieġa. Il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni Klimatika Wopke Hoekstra se jmexxi t-tim tan-negozjati tal-UE.

L-għanijiet tan-negozjar tal-UE jinkludu:

  • it-tħaffif tal-eliminazzjoni gradwali tal-emissjonijiet tal-fuels fossili
  • il-ħidma immedjata lejn il-miri ta’ wara l-2030
  • l-ispinta għall-implimentazzjoni rapida tal-impenji eżistenti
  • l-iffaċilitar tal-adattament għat-tibdil fil-klima b’soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura
  • iż-żieda fil-kontribuzzjonijiet għall-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima minn pajjiżi żviluppati.

It-28 Konferenza tal-Partijiet (COP) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), hija summit internazzjonali sinifikanti fejn il-mexxejja dinjija, l-esperti ambjentali, l-attivisti, u l-partijiet ikkonċernati jiltaqgħu biex jiddiskutu u jinnegozjaw azzjonijiet għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-Kummissjoni tieħu sehem fil-COP kull sena u torganizza diversi avvenimenti sekondarji li jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-klima.

Għal iktar informazzjoni

L-UE fil-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima COP28

L-azzjoni klimatika u l-Patt Ekoloġiku

Stqarrija għall-istampa: Fil-COP28, l-UE tappella għal tħaffif fit-tnaqqis tal-emissjonijiet u fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
30 Novembru 2023
Awtur
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni