Il-Kummissjoni nediet OceanEye, li hi inizjattiva Ewropea għall-osservazzjoni tal-oċeanibiex ittejjeb il-fehim u l-ġestjoni tagħna tal-oċeani u tal-attivitajiet fuq il-baħar. Bħala parti minn din l-inizjattiva, il-President von der Leyen ħabbret il-ħolqien tal-Alleanza internazzjonali għas-sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani. Din l-alleanza se tlaqqa’ flimkien il-pajjiżi tal-UE u s-sħab internazzjonali biex issaħħu l-osservazzjoni globali tal-oċeani, jiżguraw il-finanzjament u jikkollaboraw aktar.
L-oċeani huma essenzjali għall-ħajja fuq din il-pjaneta. Madankollu qed issirilhom pressjoni aktar minn qatt qabel, fost l-oħrajn minħabba t-tibdil fil-klima, it-tniġġis u s-sajd illegali. Għandna bżonn osservazzjoni xierqa tal-oċeani biex nirreaġixxu b’mod effettiv għall-kriżijiet fil-pjaneta u biex niżguraw ekonomija kompetittiva fit-tul.

L-Alleanza internazzjonali għas-sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani
X’inhi s-Sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani?
Is-Sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani (GOOS), ikkoordinata mill-Kummissjoni Oċeanografika Intergovernattiva tal-UNESCO, tipprovdi l-infrastruttura globali għall-osservazzjoni tal-oċeani, u tipprovdi data dwar l-oċeani miftuħa u aċċessibbli liberament. Minkejja r-rwol importanti tagħha, il-GOOS għadha tħabbat wiċċha ma’ nuqqas serju ta’ finanzjament. Għalhekk, il-Kummissjoni u l-IOC-UNESCO nedew Alleanza internazzjonali biex jimmobilizzaw aktar investiment u jsaħħu l-koordinazzjoni.
Is-Sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani f’numri
Wegħdiet ta’ donazzjonijiet għall-Alleanza internazzjonali għas-sistema globali ta’ osservazzjoni tal-oċeani
F’Settembru 2026 se jiġi organizzat avveniment b’appell għal wegħdiet ta’ donazzjonijiet biex ikunu mobilizzati l-kontribuzzjonijiet għall-GOOS. Se jkun kopresedut mill-President von der Leyen u l-Prim Ministru Kanadiż Mark Carney.
Il-Kummissjoni Ewropea appellat lill-pajjiżi tal-UE, lill-pajjiżi mhux tal-UE u lis-sħab bħall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u l-organizzazzjonijiet privati, biex jingħaqdu mal-Alleanza internazzjonali ħalli jsaħħu l-appoġġ għall-osservazzjoni tal-oċeani b’finanzjament stabbli fit-tul.
Il-Kummissjoni se tipprovdi €62 miljun permezz tal-Programm Orizzont Ewropa.
Nappoġġaw it-teknoloġija u l-innovazzjoni b’rabta mal-oċeani
OceanEye issaħħaħ l-isforzi ta’ tmexxija internazzjonali tal-UE biex tistabbilixxi sistema globali sostnuta ta’ osservazzjoni tal-oċeani. L-inizjattiva tappoġġa l-investiment, l-innovazzjoni u l-kollaborazzjoni biex jissaħħu l-effettività u r-reżiljenza tal-osservazzjoni globali tal-oċeani. L-inizjattiva tinkludi wkoll attivitajiet edukattivi, kulturali u ta’ sensibilizzazzjoni biex l-oċeani u l-osservazzjoni tal-oċeani jitqarrbu lejn iċ-ċittadini.
Kuntest
F’Ġunju 2025, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Patt Ewropew għall-Oċeani. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tiegħu hi li javvanza r-riċerka, l-għarfien, il-ħiliet u l-innovazzjoni b’rabta mal-oċeani. OceanEye hi parti essenzjali minn dan l-isforz. Filwaqt li l-UE u l-pajjiżi tagħha diġà għamlu investimenti sostanzjali fl-osservazzjoni tal-oċeani, għad hemm fejn dawn l-isforzi jissaħħu u jiġu estiżi aktar.
Din il-paġna ġiet aġġornata l-aħħar: 18 Ġunju 2026
