Mur għall-kontenut ewlieni

Stqarrija tal-missjoni - Id-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ għar-Riformi Strutturali

Għajnuna lill-pajjiżi tal-UE biex ifasslu u jwettqu r-riformi

Id-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ għar-Riformi Strutturali (DĠ REFORM) jgħin lill-pajjiżi tal-UE jwettqu riformi biex jappoġġjaw il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli.

Ix-xogħol jinkludi għajnuna lill-pajjiżi tal-UE biex:

  • ifasslu u jimplimentaw b'mod effettiv ir-riformi strutturali
  • japplikaw il-liġi tal-UE (magħrufa b’mod ieħor bħala l-acquis communautaire) fi żmien xieraq
  • jużaw il-fondi tal-UE b’mod effiċjenti u effettiv

Ir-riformi strutturali huma vitali biex jinkoraġġixxu l-investiment, jisfruttaw il-potenzjal tat-tkabbir, jgħollu l-istandards tal-għajxien u jappoġġjaw il-proċess ta’ konverġenza fl-UE.

Appoġġ offrut

L-appoġġ huwa disponibbli għall-pajjiżi kollha tal-UE, fuq talba. L-appoġġ jista’ jingħata b’mod partikolari – iżda mhux esklussivament – fil-kuntest tal-proċessi ta’ governanza ekonomika tal-UE.

L-appoġġ tekniku jista’ jingħata mid-DĠ REFORM innifsu, minn staff ta’ servizzi oħra tal-Kummissjoni, minn esperti nazzjonali, minn organizzazzjonijiet internazzjonali, minn korpi pubbliċi u/jew minn esperti mis-settur privat.

Id-DĠ REFORM inħoloq f’Jannar 2020, u ħa f’idejh il-mandat li kien jitwettaq qabel mis-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali.

Id-DĠ REFORM jikkoordina wkoll l-isforzi tal-Kummissjoni biex tappoġġja l-proċess immexxi min-Nazzjonijiet Uniti għar-riunifikazzjoni ta’ Ċipru.