Din l-informazzjoni hi disponibbli wkoll: bl-Ukren українська | bir-Russu | русский
Hotlines għat-Tfal Neqsin
In-numru armonizzat Ewropew għall-hotline għat-Tfal Neqsin (116 000) hu disponibbli fi 27 Stat Membru tal-UE, l-Albanija, is-Serbja, l-Iżvizzera u r-Renju Unit. Kulħadd jista’ jċempel il-116 000 biex jirrapporta tifel jew tifla nieqsa. Il-hotlines għat-Tfal Neqsin jaħdmu mill-qrib mal-infurzar tal-liġi lokali u jipprovdu appoġġ legali, psikoloġiku u prattiku lit-tfal u lill-ġenituri li jkunu qed ifittxu lil xulxin.
Missing Children Europe toffri wkoll informazzjoni dwar kif jiġu rrappurtati tfal Ukreni mitlufin madwar l-Ewropa, dwar appelli pubbliċitarji dwar tfal Ukreni li bħalissa qed jiġu rrappurtati neqsin bejn il-fruntieri fl-UE u riżorsi biex jiġu appoġġjati t-tfal neqsin u l-familji tagħhom li qed jaħarbu.
Linji tat-telefown għall-għajnuna lit-tfal
Linji tat-telefown għall-għajnuna lit-tfal jipprovdu appoġġ psikosoċjali u informazzjoni lit-tfal, u lill-adulti li jċemplu f’isem it-tfal.
In-numru armonizzat Ewropew għal-Linji tat-Telefown għall-Għajnuna lit-Tfal (116 111) hu operattiv f’24 pajjiż tal-UE, flimkien ma’ diversi pajjiżi mhux tal-UE, inkluża l-Ukrajna.
Id-drittijiet tat-tfal li jaslu mill-Ukrajna
It-tfal kollha mill-Ukrajna li jaslu fl-UE għandu jkollhom aċċess rapidu għad-drittijiet tagħhom, mingħajr diskriminazzjoni, inklużi l-appoġġ psikoloġiku meħtieġ, il-kura tas-saħħa u l-aċċess għall-edukazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tfal mhux akkumpanjati. Hu importanti li jiġu rreġistrati immedjatament mal-wasla tagħhom; jenħtieġ li dawn jirċievu appoġġ sħiħ u sikur u jenħtieġ li rappreżentant tas-servizzi għall-protezzjoni tat-tfal ikun preżenti malajr kemm jista’ jkun. It-traċċar tal-familja għandu jkun prijorità.
It-tfal kollha (jiġifieri persuni taħt l-età ta’ 18-il sena) li jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna huma intitolati għal protezzjoni fl-UE. Huma għandhom id-dritt li:
- ikollhom l-identità tagħhom irreġistrata mad-dħul fl-UE – u, fejn it-tfal ma jivvjaġġawx akkumpanjati minn ġenituri jew adulti oħrajn responsabbli għalihom, il-gwardji tal-fruntiera jirreġistraw ukoll l-identità tal-adulti rikonoxxuti li jakkumpanjawhom fil-vjaġġ tagħhom jew li jkunu qed jistennewhom, kif ukoll il-pajjiż ta’ destinazzjoni ddikjarat tal-UE
- jingħataw aċċess għall-kura (inkluż il-housing) malajr kemm jista’ jkun, il-kura tas-saħħa (inkluż l-appoġġ psikoloġiku), u l-edukazzjoni
- jinstemgħu u jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar kwalunkwe deċiżjoni li għandha tittieħed fir-rigward tagħhom (fejn l-età u l-grad ta’ maturità jippermettu dan)
Fil-każ ta’ tfal mhux akkumpanjati jew separati, huma għandhom ukoll id-dritt li jinħatrilhom tutur malajr kemm jista’ jkun, li jipprovdi l-figura tal-awtorità tal-ġenituri għalihom sakemm ikunu jistgħu jerġgħu jingħaqdu mal-ġenituri tagħhom jew membri oħrajn tal-familja. It-tutur jista’ jkun wieħed mill-adulti rikonoxxuti li jkunu vvjaġġaw it-tfal magħhom, jekk l-awtoritajiet jistabbilixxu li dan jikkonforma mal-aħjar interessi tat-tfal. Xi drabi t-tutur jista’ jkun differenti mill-adulti li jipprovdu kura għat-tfal, eż. f’familji tar-rispett, ċentri ta’ akkoljenza, eċċ. It-tfal għandhom id-dritt li jitolbu li ma jiġux separati mill-adulti rikonoxxuti li huma kapaċi jieħdu r-responsabbiltà għall-kura tagħhom.
Il-Kummissjoni qiegħda:
- tappoġġja u tiffinanzja l-aċċess għall-kura psikosoċjali u s-servizzi bażiċi
- tappoġġja l-akkoljenza u l-kura xierqa għall-orfni u t-tfal b’diżabbiltà
- tħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Il-koordinaturi nazzjonali tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal se jkollhom rwol importanti fil-livell nazzjonali u fl-ixxerjar tal-aħjar prattiki fil-livell tal-UE
- taħdem ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali biex jerġgħu jingħaqdu l-familji permezz ta’ programmi ta’ traċċar tal-familji
- tappoġġja l-Istati Membri, permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen imġedda, fil-ħidma tagħhom biex jindirizzaw it-traffikar u l-ħtif tat-tfal
- tħejji proċeduri operattivi standard għat-trasferimenti ta’ minorenni mhux akkumpanjati u tfal oħrajn bi bżonnijiet speċjali biex tiġi żgurata l-protezzjoni mir-riskji ta’ abbuż u traffikar