Mur għall-kontenut ewlieni

Protezzjoni tal-Ewropej mit-terroriżmu u l-kriminalità organizzata

Visual banner security

It-theddida tat-terroriżmu għadha għolja fl-UE. Il-kriminalità organizzata qed tkompli tiżdied u qed topera dejjem aktar bejn il-fruntieri. L-UE u l-Aġenziji tagħha jgħinu lill-Istati Membri biex jintensifikaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata billi jipprovdu għodod ġodda għal infurzar effettiv tal-liġi.

Ir-radikalizzazzjoni tista’ wkoll tippolarizza u tiddestabbilizza l-koeżjoni soċjali. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu jċaħħdu lit-terroristi l-mezzi biex jaġixxu, billi jillimitaw l-aċċess għal

  • armi tan-nar
  • splussivi
  • materjal kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari
  • finanzjament

Huma meħtieġa passi biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, bl-implimentazzjoni tal-Aġenda l-ġdida Kontra t-Terroriżmu għall-UE u l-attivitajiet tan-Network ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni.

It-telf ekonomiku minħabba l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni ġie stmat li jirrappreżenta bejn €218 u €282 biljun fis-sena. Il-kriminalità organizzata qed topera dejjem aktar bejn il-fruntieri, inkluż mill-viċinat immedjat tal-UE.

L-azzjoni meħuda fil-livell tal-UE biex tappoġġja lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata għandha titkompla u tissaħħaħ. Din tinkludi l-ħidma li saret mill-Europol u mill-Eurojust permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

Ta’ importanza partikolari huma l-ġlieda kontra

  • id-drogi
  • it-traffikar illegali ta’ armi tan-nar
  • it-traffikar tal-bnedmin
  • id-delitti ambjentali
  • it-traffikar ta’ oġġetti kulturali
  • reati ekonomiċi u finanzjarji

Ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-prevenzjoni tagħha