Skip to main content

Moviment u residenza

Informazzjoni dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-UE għall-moviment liberu, il-finanzjament u l-appoġġ.

Id-dritt għall-moviment liberu

Iċ-ċittadini kollha tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fl-UE. Dan id-dritt fundamentali hu stabbilit mill-Artikolu 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri miċ-ċittadini tal-UE u mill-membri tal-familja tagħhom huma stabbiliti fid-Direttiva 2004/38/KE dwar il-Moviment Liberu:

  • Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE sa tliet xhur mingħajr ebda rekwiżit għajr li jkollhom karta tal-identità jew passaport validu.
  • Sabiex jibqgħu f’pajjiż ieħor tal-UE għal aktar minn tliet xhur, iċ-ċittadini tal-UE jridu jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet skont l-istatus tagħhom (pereżempju ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, studenti, eċċ.) u jistgħu jintalbu jikkonformaw mal-formalitajiet amministrattivi.
  • Iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt għal residenza permanenti f’pajjiż ieħor tal-UE wara li kellhom residenza legalment hemmhekk b’mod kontinwu għal ħames snin. Jistgħu jkunu temporanjament assenti (pereżempju, minħabba mard, biex jistudjaw jew minħabba kollokament).
  • Il-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE, kemm jekk ċittadini tal-UE kif ukoll ċittadini ta’ pajjiż mhux tal-UE, għandhom id-dritt li jakkumpanjaw jew jingħaqdu ma’ ċittadini tal-UE fi Stat Membru ieħor tal-UE. Jistgħu jintalbu jikkonformaw ma’ ċerti kundizzjonijiet jew formalitajiet.

Gwida għall-moviment liberu

Iċ-ċittadinanza tal-UE u d-dritt ta’ moviment liberu jiġu kkunsidrati b’mod regolari fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Aktar informazzjoni dwar il-moviment liberu fl-UE

Dokumenti addizzjonali dwar id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu

Mill-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu, il-Kummissjoni ppubblikat is-segwenti:

Fl-2009, il-Kummissjoni ppubblikat Linji Gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE. Kif imsemmi fir-rapport tal-2020 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE, il-Kummissjoni bħalissa qed tirrevedi l-linji gwida sabiex ittejjeb iċ-ċertezza legali għaċ-ċittadini tal-UE li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għall-moviment liberu, u biex tiżgura applikazzjoni aktar effettiva u uniformi tal-leġiżlazzjoni dwar il-moviment liberu fl-UE kollha.

Biex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jiġġieldu l-abbuż potenzjali tad-dritt għall-moviment liberu, fl-2014 il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni biex tindirizza l-kwistjoni ta’ allegati żwiġijiet ta’ konvenjenza.

Membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE

Il-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE, kemm jekk ċittadini tal-UE kif ukoll ċittadini ta’ pajjiż mhux tal-UE, għandhom id-dritt li jakkumpanjaw jew jingħaqdu ma’ ċittadini tal-UE fi Stat Membru ieħor tal-UE. Jistgħu jintalbu jikkonformaw ma’ ċerti kundizzjonijiet jew formalitajiet. Il-persuni li ġejjin huma ddefiniti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva bħala membri tal-familja "ewlenin":

  • il-konjuġi;
  • is-sieħeb/sieħba li miegħu/magħha ċ-ċittadin tal-UE għandu/ha sħubija rreġistrata, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru, jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti jittratta s-sħubija reġistrata bħala ekwivalenti għaż-żwieġ;
  • id-dixxendenti diretti li għandhom anqas minn 21 sena jew huma dipendenti kif ukoll dawk tal-konjuġi jew is-sieħeb/sieħba kif iddefinit hawn fuq;
  • il-qraba diretti dipendenti tal-linja axxendenti kif ukoll dawk tal-konjuġi jew is-sieħeb/sieħba kif iddefinit hawn fuq.

L-ivvjaġġar lejn Stat Membru ieħor tal-UE u l-għajxien fih

Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar diversi mistoqsijiet li jistgħu jinqalgħu fil-kuntest tal-ivvjaġġar lejn Stat Membru ieħor tal-UE u l-għajxien fih f’dawn il-links:

Jekk taħseb li d-dritt tiegħek għall-moviment liberu nkiser, l-aktar mezz effettiv biex tasserixxi d-drittijiet tiegħek hu li tressaq ilment quddiem qorti fil-livell nazzjonali. Il-qrati nazzjonali biss jistgħu jagħtuk kumpens għad-dannu mġarrab. Tista’ wkoll tikkuntattja avukat lokali biex jipprovdilek parir legali. Barra minn hekk, is-servizz SOLVIT tal-UE jista’ jgħinek taħdem mal-awtoritajiet nazzjonali tiegħek jekk tiltaqa’ ma’ diffikultajiet.

Regolament dwar il-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza

Iċ-ċittadini tal-UE ta’ spiss jużaw karti tal-identità biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu biex jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħrajn iżda wkoll biex jistabbilixxu l-identità tagħhom f’sitwazzjonijiet ta’ kuljum, bħall-kuntatti mal-awtoritajiet pubbliċi jew mal-linji tal-ajru, il-banek jew is-settur tal-kura tas-saħħa. Id-dokumenti ta’ residenza jappoġġjaw liċ-ċittadini tal-UE u lill-membri tal-familja tagħhom li mhumiex mill-UE meta jeżerċitaw il-moviment liberu u meta jkollhom bżonn jagħtu prova tar-residenza tagħhom f’pajjiż tal-UE.

Biex jgħin liċ-ċittadini tal-UE u lill-membri tal-familja tagħhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu, kif ukoll biex jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-użu ta’ dokumenti frodulenti u identitajiet foloz, ġie adottat ir-Regolament 2019/1157 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-UE u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġin liċ-ċittadini tal-UE u lill-membri tal-familja tagħhom. Ir-Regolament introduċa standards minimi komuni ta’ sigurtà, li jagħmlu l-karti tal-identità u d-dokumenti ta’ residenza aktar siguri u affidabbli sabiex jiġu ffaċilitati d-drittijiet tal-moviment liberu.

Minn Awwissu 2021, l-Istati Membri huma meħtieġa joħorġu karti tal-identità u dokumenti ta’ residenza f’format li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament. Il-karti tal-identità li qegħdin fiċ-ċirkolazzjoni u li mhumiex konformi ma’ dawn l-istandards ġodda se jkollhom jinbidlu fi żmien 5 jew 10 snin, skont il-livell ta’ sigurtà tagħhom. Il-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-karti tal-identità ġew allineati ma’ dawk tal-passaporti, li jfisser li ż-żewġ tipi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar fihom ċippa mingħajr kuntatt sigura ħafna bir-ritratt tad-detentur u l-marki tas-swaba’.

Ir-Regolament ma jirrikjedix li l-Istati Membri joħorġu karti tal-identità. Barra minn hekk, l-Istati Membri se jkomplu jiddeċiedu jekk jagħmlux iż-żamma tal-karti tal-identità volontarja jew obbligatorja. L-Istati Membri jistgħu wkoll iżommu l-elementi tad-disinn nazzjonali u s-servizzi elettroniċi tal-gvern tagħhom. Madankollu, il-karti tal-identità l-ġodda kollha jridu jikkonformaw mal-istandards tas-sigurtà l-ġodda u se jkollhom bandiera tal-UE bil-kodiċi tal-pajjiż b’żewġ ittri tal-Istat Membru emittenti.

X’se jinbidel bir-regoli l-ġodda dwar il-karti tal-identità? - Skeda informattiva

Il-lista tal-awtoritajiet kompetenti b’aċċess għad-data bijometrika kif stabbilit fl-Artikolu 11(7) tar-Regolament (UE) 2019/1157 tista’ tinstab hawnhekk.

Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar marbutin mal-pandemija tal-COVID-19

Fl-14 ta’ Ġunju 2021, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UEIċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit mir-Regolament hu prova tat-tilqim, tat-test jew tal-irkupru u hu legalment validu fl-UE kollha.Ir-Regolament hu fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2023.

Mill-1 ta’ Lulju 2021:

  • Kull ċittadin tal-UE ngħata d-dritt li jikseb Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE li jagħti prova tat-tilqim, ta’ test negattiv għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 jew tal-fejqan tiegħu mill-COVID-19 wara test pożittiv.
  • Ċittadini mhux tal-UE li joqogħdu jew jirrisjedu legalment fl-Istati Membri u li għandhom id-dritt li jivvjaġġaw fl-UE huma eliġibbli wkoll biex jirċievu tali ċertifikat.

Jekk Stat Membru jaċċetta prova ta’ tilqim, test jew fejqan biex jitneħħew ċerti restrizzjonijiet ta’ vvjaġġar lejn it-territorju tiegħu, hu obbligat li jaċċetta ċ-ċertifikati COVID Diġitali tal-UE maħruġin minn Stati Membri oħrajn bl-istess kundizzjonijiet.

Rakkomandazzjoni separata adottata mill-Kunsill tkopri l-kwistjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu fl-UE matul il-pandemija tal-COVID-19 u t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet bħal dawn.

Madankollu, peress li r-Rakkomandazzjoni mhix vinkolanti, kull Stat Membru għandu ċerta diskrezzjoni dwar kif japplikaha. Għaldaqstant, filwaqt li kull Stat Membru jrid jaċċetta ċ-ċertifikat bħala prova valida, hemm xi varjazzjoni fil-konsegwenzi għad-detenturi.

F’dan il-kuntest, ħafna nies staqsew lill-Kummissjoni mistoqsijiet dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar relatati mal-pandemija, u mistoqsijiet relatati oħrajn. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni żviluppat FAQ li jfittxu li jkopru l-kwistjonijiet imqajma l-aktar ta’ spiss. Il-Mistoqsijiet Frekwenti jiġu aġġornati regolarment abbażi tal-mistoqsijiet li jaslu.