Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat qafas ġdid biex terġa’ tagħti l-ħajja lill-produttività ekonomika u tiggarantixxi l-vantaġġ kompetittiv tal-UE. Il-Boxxla għall-Kompetittività tibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapport ta’ Mario Draghi dwar il-futur tal-kompetittività Ewropea. Din il-Boxxla se tidderieġi ħidmet l-UE dwar il-kompetittività matul il-ħames snin li ġejjin u se ssarraf ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport f’azzjonijiet konkreti għall-prosperità futura tal-UE. L-UE għandha sistema b’saħħitha ta’ drittijiet u valuri, suq uniku, infrastruttura tal-ogħla livell, u forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati, iżda l-Boxxla tirrikonoxxi li jrid isir aktar biex jiġi żgurat li l-Ewropa żżomm il-pass ma’ ekonomiji ewlenin oħrajn f’dinja mimlija sfidi u dejjem aktar kompetittiva. Filwaqt li tfittex dejjem li tiżgura n-newtralità klimatika tal-UE, il-Boxxla twitti t-triq biex l-Ewropa ssir il-post fejn jiġu vvintati, manifatturati, u mqegħdin fis-suq it-teknoloġiji u l-prodotti nodfa tal-futur. Il-Boxxla tidentifika tliet oqsma ewlenin li fihom trid tittieħed azzjoni: L-innovazzjoni – L-UE trid ixxejjen id-distakk fl-innovazzjoni billi toħloq ambjent fejn jiffjorixxu negozji ġodda innovattivi, tmexxija industrijali effettiva, u t-tixrid tat-teknoloġiji fost in-negozji. Inizjattivi konkreti mill-Kummissjoni jinkludu “Apply AI” u “AI Gigafactories”, maħsubin biex jixprunaw l-adozzjoni industrijali tal-intelliġenza artifiċjali; pjanijiet ta’ azzjoni dwar il-materjali avvanzati, it-teknoloġija kwantistika, it-teknoloġija bijoteknoloġika, it-teknoloġija robotika, u t-teknoloġija spazjali; u strateġija tal-UE għan-negozji l-ġodda u għan-negozji li qed jespandu, li se tindirizza l-ostakli li qed itellfu milli jinħolqu kumpaniji ġodda jew milli jkomplu jespandu. Id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività – L-UE se tgħin biex jitbaxxew il-prezzijiet għoljin u volatili tal-enerġija permezz ta’ Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Affordabbli. Il-pjan se jistabbilixxi mod kif tiġi indirizzata d-dekarbonizzazzjoni li jkun ibbażat fuq il-kompetittività. Dan se jagħmlu permezz tal-Patt għal Industrija Nadifa, li huwa imminenti, filwaqt li l-Att għall-Aċċellerazzjoni tad-Dekarbonizzazzjoni Industrijali se jestendi l-permessi aċċellerati għas-setturi fi tranżizzjoni. Barra minn hekk, se jwettaq pjanijiet ta’ azzjoni għal setturi enerġetikament intensivi, bħal dawk tal-azzar, tal-metalli, u tas-sustanzi kimiċi. Is-sigurtà u r-reżiljenza – L-UE se tnaqqas id-dipendenzi u żżid ir-reżiljenza u s-sigurtà tagħha billi tkompli tibni sħubijiet kummerċjali effettivi ma’ ekonomiji madwar id-dinja. Permezz ta’ firxa ġdida ta’ Sħubijiet għal Kummerċ u Investimenti Nodfa, se tgħin biex tiġi żgurata provvista ta’ materja prima, enerġija nadifa, fjuwils sostenibbli tat-trasport, u teknoloġija nadifa minn madwar id-dinja. Barra minn hekk, se teżamina mill-ġdid ir-regoli tal-akkwist pubbliku biex tintroduċi preferenza Ewropea fl-akkwist pubbliku għal setturi u teknoloġiji kritiċi. Dawn l-azzjonijiet se jkunu msejsin fuq ħames attivitajiet trasversali: Is-simplifikazzjoni, billi jitnaqqas drastikament il-piż regolatorju u amministrattiv fuq l-impriżi It-tnaqqis tal-ostakli għas-Suq Uniku, permezz tal-istrateġija orizzontali tagħha għas-Suq Uniku Il-finanzjament tal-kompetittività, permezz tal-istabbiliment ta’ Unjoni Ewropea tat-Tfaddil u tal-Investimenti Il-promozzjoni tal-ħiliet u tal-impjiegi ta’ kwalità, permezz ta’ Unjoni tal-Ħiliet Koordinazzjoni aħjar tal-politiki fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, bl-introduzzjoni ta’ Għodda ta’ Koordinazzjoni tal-Kompetittività Il-Boxxla għall-Kompetittività hija l-ewwel inizjattiva ewlenija tal-Kummissjoni fil-mandat għall-perjodu 2024-2029. Għal aktar informazzjoni Insaħħu l-kompetittività Ewropea Ir-rapport ta’ Draghi Komunikazzjoni - A Competitiveness Compass for the EU Skeda informattiva dwar il-Boxxla għall-Kompetittività Stqarrija għall-istampa: Boxxla tal-UE biex terġa’ tinkiseb il-kompetittività u tiġi żgurata l-prosperità sostenibbli Dettalji Data tal-pubblikazzjoni29 Jannar 2025AwturId-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni