Mur għall-kontenut ewlieni

Tweġiba

Id-data personali hija kwalunkwe informazzjoni li tirrelata ma' individwu ħaj identifikat jew identifikabbli. Il-biċċiet differenti tal-informazzjoni, li meta jinġabru flimkien jistgħu jwasslu għall-identifikazzjoni ta' persuna partikolari, huma wkoll data personali.

Id-data personali li tkun ġiet deidentifikata, kriptata jew psewdonimizzata imma li tista' tintuża biex persuna tiġi identifikata mill-ġdid tibqa' data personali u taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi.

Id-data personali li tkun saret anonima b'tali mod li l-individwu ma jkunx jew ma jibqax iżjed identifikabbli ma tibqax titqies bħala data personali. Biex id-data tkun verament anonimizzata, l-anonimizzazzjoni għandha tkun irriversibbli.

Il-liġi tipproteġi d-data personali irrispettivament mit-teknoloġija użata għall-ipproċessar tad-data – hija teknoloġikament newtrali u tapplika kemm għall-ipproċessar awtomatizzat kif ukoll għall-ipproċessar manwali, sakemm id-data tiġi organizzata skont kriterji predefiniti (pereżempju f'ordni alfabetika). Ukoll ma tagħmilx differenza kif id-data tiġi maħżuna – f'sistema tal-IT, permezz ta' sorveljanza bil-vidjo, jew fuq karta; f'kull każ, id-data personali hija soġġetta għar-rekwiżiti tal-protezzjoni stabbiliti fil-GDPR.

    Eżempji ta' data personali jinkludu

    • l-isem u l-kunjom;
    • l-indirizz tad-dar;
    • l-indirizz tal-posta elettronika bħal name [dot] surnameatcompany [dot] com (name[dot]surname[at]company[dot]com);
    • in-numru tal-karta tal-identifikazzjoni;
    • id-data dwar il-lok (pereżempju l-funzjoni tad-data dwar il-lok fuq il-mowbajl)*;
    • l-indirizz tal-Protokoll tal-Internet (IP);
    • l-ID tal-cookie*;
    • l-identifikatur tar-reklamar tat-telefon tiegħek;
    • id-data miżmuma minn sptar jew tabib, li tista' tkun simbolu li jidentifika persuna b'mod uniku.

     

    *Innota li f'xi każijiet, hemm leġiżlazzjoni settorjali speċifika li tirregola pereżempju l-użu tad-data dwar il-lok jew l-użu tal-cookies – id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika (id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37) u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 (ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1).

    Eżempji ta' data mhux meqjusa bħala data personali jinkludu

    • in-numru tar-reġistrazzjoni ta' kumpanija;
    • l-indirizz tal-posta elettronika bħal infoatcompany [dot] com (info[at]company[dot]com);
    • id-data anonimizzata.